San Ġużepp għandu jtina l-ħila li noħolmu ħwejjeġ sbieħ u kbar

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 20 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jalla San Ġużepp jagħti liż-żgħażagħ il-ħila li joħolmu, jirriskjaw u jwettqu dak li joħolmu bih. Il-Papa qal dan dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-jum li fih il-Knisja qed tiċċelebra s-solennità ta’ San Ġużepp, ittrasferita minħabba li lbieraħ 19 ta’ Marzu, ħabat it-tielet Ħadd tar-Randan. San Ġużepp jobdi lill-anġlu li deherlu fil-ħolm u ħa lil Marija, tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, bħala martu, kif jirrakkuntalna l-Vanġelu skont San Mattew. 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=Qi_Mvi7B1Zw&w=560&h=315%5D
Raġel ta’ silenzju, ubbidjenti. Ġużeppi huwa bniedem li jġorr fuq spallejh il-wegħda tan-nisel, tal-filjazzjoni u tal-istabbilità, qal il-Papa Franġisku.

Dar-raġel, ħalliem, li jaċċetta l-inkarigu tqil li ngħatalu, għandu ħafna x’jgħidilna f’daż-żmien li fih aħna nħossuna orfni. Dar-raġel jaċċetta l-wegħda ta’ Alla u fis-skiet u bil-qawwa jmexxiha ‘l quddiem biex iseħħ dak li ried Alla.

San Ġużepp, issokta l-Papa, hu raġel li jista’ jgħidilna ħafna, imma ma jitkellimx; hu l-bniedem moħbi, il-bniedem tas-silenzju, li f’dak il-waqt kellu f’idejh awtorità kbira mingħajr ma wrieha.

Dak li Alla fdalu f’idejh u f’qalbu huma ħwejjeġ dgħajfa, wegħdiet, u l-wegħdiet huma dgħajfa minnhom infushom. Imbagħad it-twelid tat-tarbija, il-ħarba lejn l-Eġittu, sitwazzjonijiet ta’ dgħufija. Imma Ġużeppi, dawn id-dgħufijiet iġorrhom f’qalbu u jibqa’ għaddej bit-tenerezza, it-tenerezza li biha nħaddnu tarbija f’dirgħajna.

Huwa bniedem, kompla jgħid Franġisku, li ma jitkellimx imma jobdi, bil-ħila li jmexxi ‘l quddiem il-wegħdiet biex dawn isiru konkreti; huwa l-bniedem li jiggarantixxi l-istabbilità tas-Saltna t’Alla, il-paternità ta’ Alla, il-filjazzjoni tagħna bħala wlied Alla.

Inħobb nara lil Ġużeppi, issokta Franġisku, bħala l-kustodju tad-debbulizzi, tad-dgħufijiet tagħna wkoll: għandu ħila jwelled tant affarijiet sbieħ mid-dgħufijiet tagħna, anki minn dnubietna.

U Ġużeppi hu l-kustodju tad-dgħufijiet ħalli dawn jissaħħew bil-fidi. U dan l-inkarigu huwa rċevieh waqt ħolma. Ġużeppi hu bniedem li għandu ħila joħlom, innota l-Papa Franġisku. Allura huwa hu wkoll il-kustodju tal-ħolma t’Alla. Il-ħolma t’Alla li jsalvana lkoll, il-ħolma tar-redenzjoni, hi fdata f’idejn Ġużeppi. Kemm hu kbir dan il-mastrudaxxa, osserva l-Papa! Sieket, ħaddiem, kustodju, bil-ħila li joħlom: huwa għandu messaġġ għal kulħadd.

Illum irrid nitolbu biex lilna lkoll itina l-ħila li noħolmu għax meta noħolmu ħwejjeġ kbar, sbieħ, inkunu qed nersqu lejn il-ħolma li Alla għandu għalina.

Jalla Ġużeppi jagħti liż-żgħażagħ il-ħila li joħolmu, jirriskjaw, li jerfgħu l-piż diffiċli ta’ dak li jkunu ħolmu. U jalla lilna lkoll itina l-fedeltà li ġeneralment tikber meta aħna jkollna atteġġjamenti ġusti – huwa kien ġust, tikber fis-silenzju – ftit kliem, u tikber fit-tenerezza li għandha ħila tkun kustodju tad-debbulizzi tagħna u ta’ dawk tal-oħrajn, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading