Il-konverżjoni tfisser li nagħmlu t-tajjeb konkretament mhux bil-paroli

Print Friendly, PDF & Email

Il-Tlieta 14 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Nitbiegħdu mill-ħażen, nitgħallmu nagħmlu l-ġid u nħallu lill-Mulej imexxina:
din hi l-mixja ta’ konverżjoni li neħtieġu fir-Randan, qal dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Konverżjoni li tidher fl-atti u mhux bil-kliem, widdeb il-Papa.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=E7AJHHFVvM8&w=560&h=315%5D

 

Il-Papa Franġisku tkellem dwar il-konverżjoni fir-Randan b’riflessjoni fuq kliem il-Profeta Iżaija li hemm fl-ewwel lezzjoni tal-liturġija tal-lum. Nitbiegħdu mill-ħażen u nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb. Dan hu l-qofol tal-fażijiet tal-mixja li qed nagħmlu.

Kuljum, qal il-Papa, kull wieħed u waħda minna nagħmlu xi ħaġa kerha. Infatti l-Bibbja tgħidilna li l-bniedem ġust jonqos seba’ darbiet kuljum. Il-problema hi, issokta l-Papa, li nidraw ngħixu mal-affarijiet koroh, u nitbiegħdu minn dak li javvelena l-qalb, iċekkinha. Allura jeħtieġ li nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb.

Mhux faċli tagħmel it-tajjeb: dan irridu nibqgħu nitgħallmuh dejjem. Huwa l-Mulej li jgħallimna dan! Imma rridu nitgħallmuh, bħat-tfal. Tul il-mixja tal-ħajja tan-Nisrani, dan nitgħallmuh kull jum li jgħaddi.

Kuljum nitgħallmu nagħmlu xi ħaġa, inkunu aħjar mill-ġurnata ta’ qabel. Nitgħallmu nitbiegħdu mill-ħażen u nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb: din hi r-regola tal-konverżjoni. Għax il-konverżjoni, kompla jgħid Franġisku, ma tfissirx li tmur għand xi saħħara li bil-bakketta maġika tikkonvertik. Il-konverżjoni hi mixja.
Allura jeħtiġilna nkunu kuraġġużi, umli biex nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb li jidher bil-fatti konkreti.

Għalkemm hemm ħafna oħrajn, il-Mulej jgħidilna ftit affarijiet konkreti: fittxu l-ġustizzja, għinu lill-imġarrab, kunu ġusti mal-orfni, iddefendu lill-armla.

Affarijiet konkreti għax b’hekk inkunu qed nagħmlu t-tajjeb mhux bil-kliem, imma bil-fatti. Huwa għalhekk li fil-Vanġelu li smajna, kompla l-Papa, Ġesù jċanfar lill-klassi li tmexxi l-poplu ta’ Iżrael, għax jgħidu mingħajr ma jagħmlu, ma jafux ikunu konkreti. U jekk ma jkunx hemm il-konkretezza, ma jistax ikun hemm il-konverżjoni.

Imbagħad, l-ewwel qari jkompli bl-istedina tal-Mulej: Qumu, ejjew niddiskutu. ‘Qumu’ hi kelma sabiħa, osserva l-Papa, kelma li Ġesù qal lill-paralitiċi, lil bint Ġajru u lil iben l-armla ta’ Najn.

Alla jtina l-għajnuna biex inqumu. Huwa umli u jiċċekken tant li jasal jgħid: ejjew ħa niddiskutu. Għalhekk, il-Papa ssokta jgħid, li Alla jgħinna għax jimxi magħna biex jgħinna, biex jispjegalna l-affarijiet, biex imexxina minn idejna.

Il-Mulej għandu l-ħila li jagħmel dal-miraklu, jiġifieri li jibdilna, mhux minn ġurnata għal oħra imma tul mixja.

‘Imma jien għandi wisq dnubiet…’ Tħabbilx rasek: kieku dnubietek kienu ħomor daqs l-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ. Din hi l-mixja tal-konverżjoni matul ir-Randan. Sempliċi.

Hemm Missier li qed jitkellem, Missier li jħobbna, u jħobbna ħafna. Jakkumpanjana tul it-triq tal-konverżjoni. Kulma jitlob minna hu li nkunu umli. Lill-mexxejja Ġesù jgħidilhom: Min jitgħolla jitbaxxa u min jitbaxxa jitgħolla.

Il-Papa temm l-omelija billi tenna dak li hu meħtieġ biex il-mixja tagħna fir-Randan tkun waħda ta’ konverżjoni awtentika: nitbiegħdu mill-ħażen, nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb, inqumu u mmorru mal-Mulej. B’hekk dnubietna kollha jinħafrulna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading