Il-boxxla tan-Nisrani hi s-sekwela ta’ Kristu msallab

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 2 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-boxxla tan-Nisrani hi s-sekwela ta’ Kristu msallab, mhux ta’ xi alla mingħajr laħam, imma Alla magħmul bniedem li jġorr fuqu l-pjagi ta’ ħutna, qal il-Papa Franġisku dalgħodu fir-riflessjoni li għamel waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=sntrVWHBox4&w=560&h=315%5D

 

Fil-bidu tar-Randan tidwi qawwija l-istedina biex nikkonvertu. U l-liturġija tal-lum, osserva l-Papa, tqiegħed din l-eżortazzjoni quddiem tliet realtajiet: il-bniedem, Alla u l-mixja.

Ir-realtà tal-bniedem hi li jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Alla ħalaqna ħielsa, l-għażla f’idejna, afferma Franġisku. Imma ma jħalliniex waħedna, jurina t-triq tat-tjubija permezz tal-Kmandamenti.

Imbagħad hemm ir-realtà ta’ Alla: kien diffiċli għad-dixxipli biex jifhmu t-triq tas-salib ta’ Ġesù, għax Alla ħa fuqu r-realtà umana sħiħa minbarra d-dnub. M’hemmx alla mingħajr Kristu. Alla mingħajr Kristu m’għandux laħam, huwa alla li mhux reali.

Ir-realtà ta’ Alla hi Alla magħmul Kristu għalina. Biex isalvana. U meta aħna nitbiegħdu minn dan, minn dir-realtà, u nitbiegħdu mis-Salib ta’ Kristu, mill-verità tal-pjagi tal-Mulej, inkunu tbegħedna wkoll mill-imħabba tiegħu, mill-karità ta’ Alla, mis-salvazzjoni… u nibdew mixjin fi triq li ‘l Alla nagħmluh ideoloġija, imbiegħed.

B’hekk ma jibqax Alla li ġie fostna u qribna biex isalvana, li miet għalina. Din hi r-realtà ta’ Alla.

Il-Papa kkwota djalogu bejn bniedem anjostiku u ieħor li jemmen kif waslilna minn awtur Franċiż tas-seklu li għadda:

L-anjostiku, bniedem ta’ rieda tajba, staqsa lil dak li jemmen: ‘Kif nista?…………., għalija l-problema hi kif Kristu huwa Alla: ma nistax nifhimha din. Kif Kristu huwa Alla?’

Dak li jemmen wieġeb: ‘għalija mhix problema. Il-problema għalija kienet tkun kieku Alla ma sarx Kristu.’

Din hi r-realtà ta’ Alla: Alla magħmul Kristu – kompla l-Papa – Alla li sar laħam. U dan hu l-pedament tal-opri kollha tal-ħniena. Il-pjagi ta’ ħutna huma l-pjagi ta’ Kristu, huma l-pjagi ta’ Alla, għax Alla sar Kristu.

It-tieni realtà. Ma nistgħux ngħixu r-Randan mingħajr dir-realtà. Aħna rridu nikkonvertu, mhux lejn Alla astratt, imma lejn Alla konkret li sar Kristu.

Fl-aħħar hemm it-tielet realtà, dik tal-mixja. Ġesù jgħid: “Min irid jimxi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja.”

Ir-realtà tal-mixja hi dik wara Kristu: nimxu wara Kristu, nagħmlu r-rieda tal-Missier, bħalu nieħdu fuqna s-slaleb ta’ kuljum u niċħdu lilna nfusna biex nimxu wara Kristu.

Mhux nagħmel dak li jfettilli, imma dak li jrid Ġesù, nimxi wara Ġesù. U Hu jgħidilna li f’dit-triq aħna nitilfu l-ħajja biex niksbuha wara. Nitilfu l-ħajja l-ħin kollu, nitilfu illi nagħmlu dak li jidhrilna, il-kumditajiet, nibqgħu dejjem fit-triq ta’Ġesù li kienet il-qadi, naduraw ‘l Alla. Din hi t-triq it-tajba.

L-unika mixja żgura – temm il-Papa – hi l-mixja wara Kristu msallab, l-iskandlu tas-Salib. Dawn it-tliet realtajiet: il-bniedem, Alla u l-mixja huma l-boxxla tan-Nisrani, biex qatt ma jitlef it-triq.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading