Alla jtina d-DNA bħala wlied u jafdalna l-Art biex inħarsuha

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 7 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Ir-raġel, magħmul xbieha t’Alla, hu sid l-art u miegħu għandu l-mara biex iħobbha.  Dawn huma t-tliet doni li Alla ta lill-bniedem fil-waqt tal-ħolqien u li fuqhom il-Papa Franġisku bena l-omelija ta’ dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=AiS_FFzJBJI&w=560&h=315%5D

 

‘Mulej, x’inhu l-bniedem biex tiftakar fih?  Iva, int għamiltu ftit anqas mill-allat u żejjintu bil-glorja u l-unur.’  Il-Papa bena r-riflessjoni tiegħu fuq is-silta mis-Salm 8 u mir-rakkont meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, li nsibu fil-liturġija tal-lum, li juru t-tenerezza, l-imħabba t’Alla fil-ħolqien, meta lill-bniedem Alla tah kollox.

Franġisku saħaq li tlieta huma r-rigali: ibda mill-identità.  Qabel kollox, osserva l-Papa, Alla tana d-‘DNA’, jiġifieri għamilna wlied, ħalaqna xbieha tiegħu, bħalu.  Meta xi ħadd jiġġenera iben ma jistax jerġa’ lura mill-azzjoni: l-iben ikun sar, hemm jibqa’.

U jekk l-iben ikun jixbah lill-missier fil-ħafna u wkoll fil-ftit, dejjem jibqa’ iben għax ikun  irċieva l-identità.  Jekk l-iben isir tajjeb, il-missier ikun kburi bih.  Jekk ikun xi ftit ikrah, missieru jgħid li hu sabiħ, għax il-missier dejjem hekk magħmul.  Dejjem.  U jekk l-iben ikun ħażin, il-missier jiskużah, jibqa’ jistennieh…

Ġesù għallimna kif missier jistenna lil uliedu.  Tana din l-identità ta’ wlied: raġel u mara, imma rridu nżidu wkoll l-ulied.  Aħna qiesna ‘allat’ għax aħna wlied Alla.

It-tieni don ta’ Alla fil-ħolqien hu dmir, skont il-Papa: tana l-art kollha biex naħkmuha kif naqraw fil-Ġenesi.  Għalhekk din hi regalità, lill-bniedem Alla għamlu ‘re’, għax ma jridux ilsir, imma ‘re’ bi dmir.

Kif ħadem Alla waqt il-ħolqien, Hu tana wkoll biċċa xogħol x’nagħmlu: li mmexxu ‘l quddiem dak li ħalaq Hu.  Mhux li neqirduh, imma nkabbruh, nieħdu ħsiebu, inħarsuh u mmexxuh ‘il quddiem.

Tana kollox, issokta l-Papa, imma jien naħseb:  kollox imma mhux il-flus.  Għandna kollox imma l-flus min tahomlna?  Ma nafx, qal Franġisku, li żied: in-nanniet jgħidulna li x-xitan jidħol minn ġol-but…. naħsbu ftit lil min seta’ ta l-flus…..

Alla ta lill-bniedem il-Ħolqien kollu biex iħarsu u jmexxih ‘il quddiem: dan hu r-rigal.  U fl-aħħar Alla ħalaq lill-bniedem xbieha tiegħu, raġel u mara ħalaqhom.

Wara d-dominazzjoni fuq il-Ħolqien, hawn hu t-tielet don: l-imħabba, ibda minn dik li tgħaqqad flimkien lir-raġel u l-mara.  Raġel u mara ħalaqhom.  Mhux sew li r-raġel jibqa’ waħdu.  U għamillu s-sieħba, spjega l-Papa.  Alla-mħabba għalhekk jagħti l-imħabba lill-bniedem, itih ‘djalogu ta’ mħabba’ u nimmaġina, issokta jgħid, li l-ewwel djalogu kien wieħed ta’ mħabba.

Niżżu ħajr lill-Mulej, temm il-Papa, għal dawn it-tliet rigali: l-identità, id-don/dmir, u l-imħabba.  Nitolbu l-grazzja li nħarsu din l-identità ta’ wlied, li naħdmu għal dan id-don li tana biex immexxuh ‘il quddiem bl-impenn, u l-grazzja li nitgħallmu nħobbu aktar kull jum li jgħaddi.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading