Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-ħmar tal-Ġimgħa l-Kbira

Il-ħmar tal-Ġimgħa l-Kbira


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar, fuq YOU TUBE, fettilli noqgħod nisma’ l-kanzunetta tassew ħelwa ta’ Paolo Barabani, Hop Hop Somarello. Din il-kanzunetta ġiet kantata fil-festival ta’ San Remo fl-1981.

Il-lirika tagħha toqgħod kexxun għaż-żminijiet li qiegħdin fihom: jiġifieri dawk tar-Randan. Arah! Ġej! Bil-mod il-mod! Dan il-felu ta’ ħmara. Għaddej fit-toroq ta’ Ġerusalemm. Stenna ħej! Il-kanzunetta ma titħadditx fuq il-ħmar! Jew il-felu tal-ħmar. Imma fuq MIN qiegħed fuq il-ħmar. Hekk hu! Dieħel. Bil-mod il-mod. Ir-raġel ta’ Betlehem. Il-Qaddis tal-qaddisin. Ix-xandar li ma kellux fejn imidd rasu. Il-pellegrin. Id-delinkwenti l-kbir (għal dawk li ma laqgħuhx għax aqta’ x’għira bażwija kellhom għalih!). L-artista. Imma mhux xi kantant tan-novelli.

Sadanittant, il-ħmar għaddej … Hop hop hop. Jittrottja. Jittrottja. U, dejjem għall-ħmar, miskin, għax ħmar, id-dinja sabiħa! Imma l-ħmar għadu ma jafx li fuq dahru qiegħed iġorr il-Ħaruf. L-Innoċenti. Il-Bla tebgħa. Dak il-Ħaruf li lest li jiġi mqatta’ biċċiet. Mill-ispirti ħżiena li kien hemm jiġru fl-għedewwa tiegħu.

Insomma… Ħa nħallu lil Barabani naqra bi kwietu. X’taħseb sieħbi? Dak li hemm riekeb fuq il-ħmara l-mirakli jagħmilhom waħdu. B’idejh! Imma ħej xi ħadd, għal tlett darbiet, ċaħdu. Pietru. Is-sajjied. Imbagħad hemm Ġuda, it-traditur. U ħa ngħidlek ħaġa oħra: sakemm kulħadd kien qed isemmieh aqta’ kemm kellu ħbieb! Huwa l-glorja u l-unuri kulħadd jaf ibill naqra subgħu fihom sieħbi! Anki jekk mgħotti b’xi komma twila? Inkella wara xi ktieb? Jew wara xi smart phone?

Hemm prezz għall-imħabba. U ejja! Aħna ma ngħidux li l-imħabba b’xejn? Ma naħsibx skont Barabani. L-għaliex prezz l-imħabba issarraf fi tlett muniti tad-deheb. Iva ħallieh lil Barabani! Ħa nitħaddtu naqra fuq il-ħmar. X’kien mingħalih dak il-ħmar? Qabel ma ħejjewlu l-imnatar fuqu dak il-ħmar veru kien qed iħossu ħażin. Ħassu spiċċut mid-dinja. L-għaliex ħaseb li lilu ħadd ma kien qed jagħti kasu. Ħasbu mormi barra! Abbli aqta’ kemm kien qed isewwed qalbu u jisħet xortih! Bħalma nagħmlu jiena u int meta jkollnix l-ispotlight fuqna. Jew il-camera tkun iffukata naqra fuq ħaddieħor. Veru?

Imma, u ma nafx għal liema raġuni, (l-għaliex il-ħajja hija misteru u mhux xi biċċa intrapriża li timmaniġjha kif trid), ġie magħżul dan il-ħmar. Proprju lilu għażlu! Min jaf x’dehxa qabdietu miskin! U, meta beda ġej f’siktu, kemm feraħ! Nistħajlu jgħid: “Fl-aħħar! Saru jafu bija! Fl-aħħar! Saru jafu x’insarraf! Fl-aħħar …” U meta l-Klijent rikeb fuqu aqta’ kemm bdew iċapċpulu. Mhux biss! Imma jxerjulu bil-Palm. Mhux biss! Imma jgħajtulu: “Osanna!” Mhux biss! Iżda saħansitra firxulu t-twapet ħa jgħaddi minn fuqhom! Ara dak imdorri fuq is-sodda tat-tiben fir-remissa u issa sab ruħu għaddej fuq it-twapet?

Ħeqq sieħbi! Qatt ma kiel biċċa ħobż suriet in-nies. U issa, la beda jiekolha, beda jara lil kulħadd dubbien. Ħeqq sieħbi: qabel ma kien jaf bih ħadd. U issa, għax bdew jafu naqra bih, beda jiddritta. U biex tkellmu trid is-segretarju. U bl-appuntament! Għax inkella tneħħilu xi penz! Eh sieħbi: issa bdejna telgħin fuq il-banketta u nilbsu t-takkuna. U bdejna ntektku!

U mela nsejt x’qaltilha lil dik fil-knisja? Ittettikx! U għax il-ħmar ħaseb li laħaq xi ħaġa, u beda jisserdaq, malajr sabulu postu. Għaliex meta l-Klijent niżillu minn fuq dahru ħadd aktar ma ried jaf bih!
Għax il-Klijent sab ruħu għand Ponzju Pilatu. Ikkundannat. Demmu waqa’ fuq ulied ix-xellejja. Anki jekk tħaddet fuq il-paċi spiċċa msallab ma’ salib. Eħ ja ħmar! Li kieku jaħasra għamilt ħbieb mal-Klijent tiegħek issa! Meta mwarrab minn kulħadd. Imma lanqas int ma fhimt il-lezzjoni! Ridt titħabbet miegħu meta mdawwar bil-follol. U għalhekk, kif qed ninnota, bqajt timxi fuq sieq waħda, ħajtek kollha!

Imma għalik ja ħmar hemm tama! Ftakar biss li sieqek m’hix tiegħek imma tal-Klijent li ġarrejt. U meta tagħraf dan ma tibqax le imdejjaq bik innifsek. Għax iffissat fuq il-popolarità. Ma tibqax il-ħmar tal-Ġimgħa l-Kbira. Imma issir xhud tal-Irxoxt! Li bata’ għal min ħabb. U b’hekk rebaħ il-ħażen u l-mewt!

Ħmar tal-Ġimgħa l-Kbira sir ħmar ta’ Kristu Rxoxt!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: