Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Is-Seba’ Kelmiet tal-Mislub

Is-Seba’ Kelmiet tal-Mislub


Patri Mario Attard OFM Cap

Illum, anki jekk mhux b’mod uffiċċjali, se tingħata bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa f’Malta. Għall-poplu tagħna l-Ġimgħa Mqaddsa tibda’ mit-tifkira popolari ta’ Marija Addolorata, jew kif insibuha aħjar bħala d-Duluri. Anki jekk il-liturġija tal-Knisja tgħidilna li l-Ġimgħa Mqaddsa tibda’ fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm.

Illum, fil-vini ta’ ruħna u ġisimna, inħossu arja ta’ riflessjoni. Inħossu jiġri fina skiet li jfisser ħafna. Is-skiet li jgeżwer il-fatt li, Alla nnifsu, fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, ġie ikkundannat, maħqur u maqtul. Dan is-skiet ifakkarna kemm hija traġika li t-tajjeb ibati. Issa, f’dan kollu, ejja ma ninsewx il-Kelma ta’ Ġesù lill-Kap li kien għani: “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’? … Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu” (Lq 18:19). Mela ejja ma nqisx lili nnifsi b’tajjeb jew b’tajba. Ikun ferm għaqli jekk nilbes l-umiltà tas-salmista f’Salm 51. “Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti. Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; naddafni mid-dnub tiegħi. Għax jien nagħrafhom ħtijieti; id-dnub tiegħi dejjem quddiemi. Kontrik biss jiena dnibt, u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek” (S 51:3-6).

Dan l-aħħar ingħatajt santa mill-isbaħ ta’ Ġesù Msallab. Fuq wara ta’ din is-santa sabiħa nsib, eżattament, il-kliem qawwi ta’ talba li jisimha Is-Seba’ Kelmiet tal-Mislub. Din it-talba għall-Mewta Tajba inkitbet mill-magħruf Kardinal Valerio Valeri (1883-1963) li serva bħala l-Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni għar-Reliġjużi mill-1953 sa’ mewtu.

O Ġesù, il-Kelma ta’ Alla magħmula bniedem, li għall-fidwa tagħna għoġbok titwieled f’għar, tgħix ħajtek fil-faqar u fit-tbatija, u tmut taħt il-ħruxija tas-Salib, fis-siegħa ta’ mewti għid, nitolbok, lil Alla Missierek: ‘Missier, aħfirlu! Għid lil Ommok l-għażiża: ‘Ara dan huwa ibnek!’ Għid lil ruħi: ‘Illum tkun il-Ġenna miegħi!’ ‘O Alla tiegħi, Alla tiegħi’, terħinix f’dik is-siegħa. ‘Għandi l-għatx!’ iva O Alla tiegħi, ruħi għandha l-għatx għalik, Int li int l-għajn tal-ilma ħaj. Ħajti tgħaddi bħal dell; ftit ieħor u ‘kollox ikun mitmum!’ U għalhekk, Feddej tiegħi li jistħoqqlok kull qima, minn dan il-waqt għal dejjem ta’ dejjem ‘f’idejk jien nerħi ruħi!’ Mulej Ġesù, ilqa’ lil ruħi. Ammen.

Meta qgħadt nirrifletti ftit fuq din it-talba ma setgħetx ma tiġinix f’moħħi u f’qalbi l-karba ta’ San Pawl li jikteb fl-Ittra tiegħu lill-Galatin meta jgħid: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20). Kien għalhekk li l-Kardinal Valeri kiteb: “O Ġesù … fis-siegħa ta’ mewti għid, nitolbok, lil Alla Missierek”. Mill-esperjenza tiegħi mal-morda fl-Isptar is-siegħa tal-mewt hija waħda kruċjali ħafna fil-ħajja tal-bniedem. Hija siegħa fejn dak li għadda Ġesù minnu fil-Ġnien taż-Żebbuġ, jiġifieri meta “beda jsewwed qalbu” (Mt 26:37) jibda iva jaħkem lill-persuna li tkun qed tħalli din id-dinja ta’ niket. Kemm-il darba, jiena u nżur lill-pazzjenti li ħajjithom tinstab imdendla b’xagħarha minħabba l-marda terminali li jkunu qiegħdin ibatu biha, minn dak li jgħiduli nista’ noħroġ l-istess karba li Ġesù karab fil-Ġnien taż-Żebbuġ: “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt” (Mt 26:38)!

F’dan il-mument daqshekk dgħajjef, fil-ħajja ta’ kull persuna li tkun qed tmut, li tkun qed tħalli din id-dinja, il-kliem ta’ Ġesù jsiru l-qawwa tagħha. L-ewwel aspett tat-talba hija l-maħfra. Maħfra li għandha tintalab lill-Missier. L-għaliex, il-persuna, tkun weġġgħetu. Bħalma jiena u int inweġġgħuh bi dnubietna. Imbagħad il-maħfra tinżel is-sellum vertikali u tibda’ tinfirex b’mod orizzontali wkoll. Il-persuna titlob maħfra l-għaliex hija wkoll weġġgħet lill-oħrajn. Ibda’ minn dawk li jkunu ħadu ħsiebha. Għalhekk, wara li tkun irċiviet daqshekk maħfra, hi min hi biex ma taħfirx lura?
Dan hu ibnek! Din hi bintek! Ħadd minna m’hu mormi barra t-triq. Ilkoll għeżież. M’aħniex orfni. Bla omm. Għandna iva bħala Missierna lil Alla l-Missier u, bħala Ommna, l-għaliex tahielna Ġesù fuq is-Salib, għandna lil Marija. Post Marija ħdejn xi ħadd li jkun qiegħed ibaħħar fil-ħalel u l-imwieġ tal-ħajja huwa indispensabbli. Imħabbitha, talbha, insomma l-preżenza tagħha, ifissru ħafna.

Illum tkun il-Ġenna miegħi. Illum. La ilbieraħ. La għada. U lanqas minn hawn u ftit ieħor. L-għaliex, min ikun fil-Mulej Ġesù, min għandu l-maħfra f’qalbu u lil Marija bħala Ommu, jista’ jitqies li hu fil-ġenna diġà. Hemm araha t-tbissima fuq min qiegħed jieħu l-aħħar nifsijiet. L-istess tbissima li tidher ukoll fuq il-wiċċ ta’ min ġie vilment ittradut u ittraduta. Ta’ min, fil-proċess tas-separazzjoni, aqta’ kemm qed ibati u tbati. L-għaliex is-sieħeb u s-sieħba tgħidx kemm qed jigdbu bl-addoċċ fuqu u fuqha. Biex, mingħalihom, iġibu kollox favuriehom. U le jaħasra! Bħal dak li qallu li ż-żejt mhux f’wiċċ l-ilma se jitla’! Imma l-vittma titbissem. L-għaliex hija l-parti innoċenti! Għalhekk imbierka!

O Alla tiegħi, Alla tiegħi’. Min veru ħafer, għandu lil Marija bħala Ommu u qiegħed fil-paċi, kapaċi iva jsejjaħ lill-Mulej. Eżatt bħalma jgħid is-Salm: “B’leħen qawwi lill-Mulej insejjaħ, b’leħen qawwi lill-Mulej nitlob. Nressaq quddiemu t-tnehid tiegħi, id-dwejjaq tiegħi quddiemu nqiegħed. Xħin ruħi ġo fija tinfena, int tkun taf minn xiex għaddej. Fit-triq li fiha nimxi, huma ħbew nassa għalija. Nħares fuq il-lemin u nara li m’hemm ħadd min jagħti kasi, m’hemmx mnejn nista’ naħrab, m’hemm ħadd min jieħu ħsiebi. Lilek, Mulej, nsejjaħ; ngħidlek: ‘Inti l-kenn tiegħi, inti sehmi f’art il-ħajjin. Agħti widen għall-għajta tiegħi, għax ninsab mitluq għall-aħħar. Eħlisni minn dawk li daru għalija, għax huma aqwa minni. Mill-ħabs oħroġni, biex inrodd ħajr lil ismek. Madwari jduru l-ġusti, għax int timxi tajjeb miegħi’” (Salm 142:2-8).

‘Għandi l-għatx!’ X’għatx hu? Li l-paċi li qed inħoss f’qalbi, għalkemm qed nagħlaq għajnejja għal din id-dinja, tgħaddi wkoll fuq min qiegħed jeżiżti u mhux biss jgħix! Għandi l-għatx għall-erwieħ li jduqu mill-faraġ li l-Mulej qed jagħtini f’dan il-mument iebes u deċisiv ta’ ħajti. Imma anki jekk dan jikkawżali tbatija, l-għaliex irrid li ħaddieħor igawdi miegħi, inħossni fil-paċi tal-Mulej l-għaliex dak li stajt inwettaq wettaqtu. Oh b’liema serħan qiegħed inlissen il-Kelma ‘kollox ikun mitmum!’ Il-Kelma ta’ Alla tfarraġni f’dan: “Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu ” (2 Tim 4 :6-8).

Jonqos biss issa l-gran final: ‘f’idejk jien nerħi ruħi!’ Eżatt bħal Ġesù! Li, minxur fuq is-Salib, talab hekk: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46). Issa din it-talba kienet, skont San Luqa “għajta kbira” (Lq 23:46). Bħallikieku l-affermazzjoni li hija l-aħħar u l-ogħla għajta fl-għajjat ta’ dik il-ġrajja tat-tbatija, niket u ħażen, kienet dik ta’ Alla nnifsu. Fil-persuna ta’ Ġesù li “għajjat għajta kbira” (Lq 23:46). Mela anki jien, minkejja l-inġustizzji, il-kritika inġusta, l-għira ta’ ħaddieħor, it-tixwix u t-tfesfis ta’ min iridli d-deni, għandi ngħajjat l-għajta tal-abbandun totali tiegħi f’idejn il-Missier. Dak il-Missier li hu “Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. [Li] jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kor 1:3-4).

L-Ammen finali tfisser li jiena, bi Kristu, ma’ Kristu, fi Kristu, marbut u marbuta m’Alla l-Missier, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, qatt iżjed ma jien vittma taċ-ċirkustanzi u tal-problemi li ngħaddi minnhom. Anzi! Fihom jiena rebbieħ u rebbieħa “bis-saħħa ta’ demmu stess” (Lhud 9:12). Hekk, f’Ġesù, dawn is-Seba’ Kelmiet tal-Mislub isiru l-Kelmiet tar-Rebħa tiegħi fuq il-mewt u l-ħażen tiegħi u tal-univers kollu!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: