Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Tpaċpaċ għax joħodhielek!

Tpaċpaċ għax joħodhielek!


Patri Mario Attard OFM Cap

Kont għandi kemm lestejt il-quddiesa. Meta daħal hu. Biex ikellimni. Daħal fis-sagristija. Bħalma ġieli jagħmel minn żmien għal żmien. “Tgħid illum biex ġej?” irraġuna l-mastru moħħi.

Biex ma kienx ġej! Waqt li bdejna nitħaddtu qalli: “Patri! Wieħed Patri għallimni hekk: ‘Qatt toqgħod tpaċpaċ dwar il-ġid li tkun ħa tagħmel! L-għaliex ix-xitan, li jgħir daqs is-seba’ pesti għalik, kif ixomm xi tkun ħa tagħmel fil-pront jibda’ jaqtagħlek qalbek milli tkun ippjanajt li tagħmel. U dak li tkun ħa tagħmel tispiċċa li ma tagħmlu qatt!”

X’biċċa għerf iddoq l-iskotti hi din ħbieb! Veru! Għax din ġratli kemm-il darba! U, ma nkunux żbaljat jekk infakkrek ftit, dejjem bi ħlewwa u bi prudenza kbira kbira, li anki int din ukoll ġratlek f’ħajtek. (Ħallieha li morna l-università jew li ħdima ‘l hemm u l’hawn, u xi kultant arana, bla ma rridu u lanqas nintebħu, li nitilgħu fuq dik l-imbierka takkuna. Basta nidhru! U, hekk kif inkunu hemm fuq, nibdew naraw lil ħaddieħor dubbien! Ħeqq! Qiegħdin hemm fuq! Fuq il-podju!) Imma l-Kelma ta’ Alla mill-ewwel tibda’ tixgħelilna d-dawl aħmar! X’jgħidilna l-Appostlu fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin? “Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax” (1 Kor 10:12).

Biżżejjed nafu li ħa niġġarbu. L-istess Kelma ta’ Alla tgħidilna: “S’issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih” (1 Kor 10:13). Imma bil-mod ħej! Jekk jien se noqgħod inpaċpaċ, inxandar u niffanfra x’se nagħmel, anki jekk dak li nkun se nagħmel huwa qaddis, ix-xitan x’jagħmilli? Faċli ħafna. Jerdagħli l-grazzja tal-Mulej f’dak ix-xogħol li nkun se nwettaq. U x’jiġrili? Li meta mmur ħa nagħmel dik il-ħaġa l-forzi tiegħi immorru l-baħar. Jaqa’ kollox! U jien nispiċċa b’xejn!

Ejjew ninnutaw ħaġa mportanti: meta nkun se nagħmel ħaġa tajba u noqgħod inpaċpaċ fuqha, u ngħid x’se nagħmel, l-Għadu jibda’ jattakka. Kif? L-ewwel attakk hu l-qtiegħ il-qalb. Għall-bidu jkun hemm entużjażmu tal-għaġeb. Għall-ewwel, meta tarani aħmar aħmar, bl-entużjażmu, tgħid: “Dan! Aqta’ x’beħsiebu jagħmel? Dan se jaqbleb kollox ta’ taħt fuq bil-ġid li ħa jagħmel”. Ismagħha sieħbi! Diġà bdejna niżolqu fin-niexef! Il-ġid il-Mulej biss jagħmlu u mhux il-bniedem! Għax Hu biss jagħtih il-qawwa li jagħmlu permezz tal-Ispirtu tiegħu.

It-tieni attakk, jekk jien inkun paċpaċt ħafna dwar x’se nagħmel ix-xitan issa jibda’ iġibni f’dubju kbir jekk jien dak ix-xogħol, li f’moħħi ibbrilla u deher bizzilla, hux kapaċi nwettqu. Allura se nibda’ ninfetaħ għall-ċertu tip ta’ kritika distruttiva, ġejja dejjem minn nies għajjurin li ma ngħidlekx. U dawn, l-għaliex l-għira tagħhom daħlithom f’sulluzzu kontinwu, ma jaħmlux jaraw xi ħaġa tajba sejra ‘l quddiem. Bl-għira tagħhom jisħtuha mid-dinja! Mela, dawn, misjuqin imsieken mill-għira ta’ ġo fihom, arahom idaħluli l-misħutin flieles f’moħħi. Ovvjament, bil-għan li jiskoraġġuni milli nagħmel dak li l-Mulej iridni nagħmel! U għaliex dan il-hassle jew l-inkwiet kollu? Uuu! … Għax parlajt! Eħħ!

Imbagħad l-għadu jeżegwixxi t-tielet fażi tal-attakk: jibda’ jaqla’ minn kollox biex dak li nkun ippjanajt li nwettaq ma jsirx. Mela, it-tali li kellu jiġi biex jagħmel dik il-biċċa xogħol ma ġiex. Inkella ma ġiex fil-ħin. L-ieħor, li tani kelma li jgħinni, fl-aħħar minuta ċeda l-armi. Filwaqt li jien għajni mimlija li dawk se jkunu hemm għalija ġara li meta ġejna għas-si u n-no ma sibthomx! U ħallewni lampa stampa!

Mela, jaħasra, għalfejn dan l-inkwiet u din il-battikata kollha! U dan biex ma noqgħodx kelma lura! U ma niblax ilsieni! Le! Ejja nitħaddet bil-fatti u qatt b’wegħdi fiergħa! Sewwa qal Ġesù: “Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu. (Mt 6:3-4).

Missierna tas-Sema lest li jroddilna. Basta nibqgħu fil-moħbi. Ma npaċpċux. Għax inkella jidħol ix-xitan hu joħdilna kollox! Jirvana! L-għaliex jirrendina paċpaċa! Ċarlatani!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: