Dawk frażijiet!


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar wieħed għaref sewwa, fl-ilsien Latin, u mdaħħal fiż-żmien, bgħattli sensiela ta’ frażijiet. L-ilsien Latin minn dejjem affaxxinani. Mhux l-għaliex xammarli mnnieħri tafux. Iżda l-għaliex huwa ilsien strutturat u, fl-istess ħin, melodjuż. Mela poetiku!

Dan il-ħabib bgħattli xi frażijiet li tassew ġagħluni nirrifletti. L-ewwel waħda tittratta s-Salm 14: vers 1. Inspiens in corde suo dicit ‘non est Deus’. Jiġifieri “Jgħid l-iblah f’qalbu: ‘M’hemmx Alla!’” Din il-frażi ġagħlitni nitbissem! Seħħilha tfakkarni f’xi ħaġa li kien iħobb jgħidilna s-Superjur tal-Mużew meta konna żgħar. Kien jgħidilna: “Fil-Bibbja hemm miktub li m’hemmx Alla!” Aħna, ta’ tfal li konna, konna nibqgħu mistagħbin. Imbagħad, biex iwasslilna t-tagħlima li fil-ħajja ma rridux la nibilgħu kulma nisimgħu u biex nisimgħu ż-żewġt iqniepen u mhux waħda biss, kien jgħidilna: “Qal l-iblaħ!”. Eh! Issa kollox qed jagħmel sens Sup! Iva ħej! Naqra brejk! Bil-mod! Ma ngħaġlux!

Imbagħad frażi li dan il-ħabib għaddhieli kienet din: Quid novi? Jew, “x’aħbarijiet għandna?” Din il-frażi nużaha ħafna fl-Isptar. Speċjalment ma’ dawk li jkunu tarfuli li qiegħdin jagħmlu xi testijiet. Inkella dawk li għandhom xi ħadd għażiż għalihom li bħalissa qiegħed rikoverat fl-Isptar. Quid novi? turi interess ġenwin. Turi li jien qed ninteressa ruħi minnek. Li int m’initix sempliċiment numru għalija. Mela din il-ħaġa żgur li m’għandhiex x’taqsam ma dak li jgħid is-salmista f’Salm 41 meta jgħid: “Min jiġi jżurni jgħid kliem fieragħ; jixtieq isir jaf aħbarijiet ħżiena, biex ixandarhom kif joħroġ barra” (Salm 41:7). Tgħid Malta għandna minnhom dawn it-talin? Inħalli għall-imaġinazzjoni tiegħek sieħbi! U, jekk irridu nkunu onesti, min jaf kemm-il darba sibna ruħna jien u int li nagħmluha din!

Frażi oħra sabiħa u li hija tant attwali li bgħattli dan l-istudjuż tal-Latin hija: Ausculta mihi, tibi dico. Bl-ilsien Malti tiġi hekk: “Ismagħni. Qed inkellmek!” Kemm nużawha din hux! Bħalissa qed nara lil dik il-mara, ħamra nar, kważi b’għajnejha mberrqin, li lis-sieħeb tagħha qed tgħidhielu. Inkella dak ir-raġel, imxebba’ għall-aħħar l-għaliex is-sieħba tiegħu moħħha mhux f’dak li qed jgħidilha imma fis-soap opera! Għaliex, la illum it-Tlieta, l-Erbgħa, inkella l-Ħamis, ara biss tkellimha! Kemm jaqbżulek il-wires hux meta tkun qed tkellem lil xi ħadd u ma jkunx qed jagħti kasek! Xi dwejjaq!

U tant kemm dan il-fatt jibda’ jagħtik fastidju li fuq fommok, jekk tkun taf sewwa l-ilsien Latin, u mhux l-ilsien l-ieħor li titħaddet bih meta jqabbżulhomlok (u naħseb li fihmtni għal liema wieħed qed nirreferilek), lil dak jew dik tgħidlu u tgħidilha: Quit fit! Jiġifieri: “X’qed jiġri!” Importanti din il-frażi li ngħiduha. L-aktar meta l-affarijiet ma jkunux sejrin kif inkunu ippjanajniehom li għandhom imorru!

Kemm tieħu gost meta dak li jkun, l-għaliex misjuq mis-sinċerità li jara li l-affarijiet jimxu, u mhux biex jinqeda bl-opportunità biex jgħajrek xi tagħjjijra inkella imekek waħda biex jurik kemm hu onest jew kemm hi onesta, jgħidlek b’umiltà: Congressum faciamus. Jiġifieri, “ejja niltaqgħu”. Nerġa’ ngħid, sabiħa li tiltaqa’. Imma iltaqa’ ma min hu umli u lest li jiddjaloga. Tiltaqa’ qatt ma min taf li se jimmanipula l-laqgħa minn qabel biex jgħid kemm hu tajjeb hu jew hi u kemm int ħażin u ħażina int. Ma’ dawn it-tip ta’ nies mhux lant li tiltaqa’ magħhom. Ikun ħin mitluf!

Ħa nagħlaq issa bi frażi oħra li dan sieħbi għallimni: Fortis in arduis. Jiġifieri, “Qawwi/qawwija fid-diffikultajiet”. Dan hu li nawguralek sieħbi minn dawn il-frażijiet Latini! Li jgħinuk tkun sod\a fil-maltemp ta’ ħajtek. Għax li jimpurtani minn ħaddieħor, li nikkomunika ma’ ħaddieħor, li problema naffaċċjaha u nitkellimha u mhux inwaħħax lil ħaddieħor milli jitkellem u titkellem għax għandi ilsien Alla jbierek jagħmlu minni persuna tassew soda!

Utinam! Nisperaw!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: