Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Miet bħalma għex: jaqdi!

Miet bħalma għex: jaqdi!


Patri Mario Attard OFM Cap
Qiegħed nikteb dawn il-kelmtejn b’qalbi mriegħda. Ma nafx! Forsi jiena wkoll għandi bżonn xi ESG. Il-mewta tiegħu ħasditni għall-aħħar.

Kien għadu kif spiċċa mix-xift ta’ billejl. Patri ħabrieki issemmix. Patri li, l-fissazzjoni tiegħu, kienet waħda: kif se jaqdi! Niżel bħas-soltu jgħinni nqarben fil-quddiesa tas-sitta u nofs ta’ filgħodu f’Mater Dei. Kieku qatt immissja ġurnata li hi ġurnata fit-tqarbin! Dejjem kont narah ħdejja. Jgħinni nqarben.

Imbagħad, kif spiċċajt il-quddiesa, dħalt fis-sagristija u qalli, b’dik il-ħlewwa kbira tiegħu: “Patri Mario, tinsiex tibda’ taħdmilna x-xift taċ-chaplains”. “Iva Patri Joe,” weġibtu jien. “Illum stess ikun lest. Kemm nipprintjah”. “Int m’hawnx għalik!” weġibni. Il-kliem tiegħu niżilli balzmu. L-għaliex il-Patri veru kien jaf iħobb.

Imbagħad, wara li qgħadt ftit għall-kwiet nitlob u fettilli ninżel biex ngħaddi minn ħdejn il-Kappella ta’ Mater Dei, ġie raġel fuqi jgħajjat: “Ejja Patri! Għax il-Patri ħassu ħażin! Waqa’ fl-art!” U hekk kien. L-għaliex, kif dħalt fil-Kappella, rajtu fl-art bil-hoover tat-twapet, li biha kien qed inaddaf it-tapit aħdar tal-Kappella, tagħti. X’ħin rajtu jitħabat għal kull nifs iġġennint. Mill-ewwel ħriġt niġri għall-għajjut. U, f’radda ta’ salib, il-Patri kellu madwaru t-tobba, l-infermiera u l-istaff tal-emerġenza. Sadanittant għamiltu d-Dilka Mqaddsa, tajtu l-Assoluzzjoni u bdejt nitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina għalih. Waqt din it-traġedja kollha infurmajt lil Patri sieħbi li kien qed jagħmel DAY 1 fl-Isptar f’dak il-jum. Hu wkoll ġie u tah is-Sagramenti Mqaddsa.

Bqajt miegħu sal-aħħar. Sar-Resuscitation Unit fejn ġie ittrasferiet mill-Kappella. Nitlob, nitlob, nitlob… Bil-Kuruna f’idejja. Sieħbi beda jitlob ukoll lil San Giuseppe Moscati, li, f’dak il-jum tal-Erbgħa, is-16 ta’ Novembru, hu jum il-festa tiegħu. Tlabna kemm flaħna. Iżda l-Mulej iddeċieda mod ieħor. Patri Joe Saliba OFM Cap ħalliena. Mar fid-Dar tal-Missier tas-Sema.

Għadni sallum inħossni ixxukjat bil-mewta tiegħu. L-għaliex kont jien li sibtu. Biss, minn dik ix-xena ta’ qsim il-qalb, innutajt ħaġa li ħa tibqa’ miegħi tul ħajti kollha. Sakemm, ġurnata, jiena wkoll għad nagħlaq għajnejja. Patri Joe kellu tbissima tas-Sema fuq wiċċu. It-tbissima tiegħu kienet ta’ xi ħadd li daħal minn issa fis-Sema. Patri Joe kien ilu jħejji għal dan il-waqt sabiħ fejn kellu jidħol fil-glorja tas-Sema. Kemm konna naqsmu esperjenzi spiritwali sbieħ hu u jien! Kemm kien iħeġġiġni bil-qalb kbira li kellu għall-Mulej! Kemm konna nitħeġġu biex lill-Mulej nibqgħu naqduh fil-morda sal-aħħar!

L-aktar ħaġa li kont nara tispikka f’ħajtu hija s-sens qawwi ta’ servizz! Kemm għeni Patri Joe! Kemm sibtu ta’ sostenn fil-ħajja tiegħi! B’dik is-sempliċità u umiltà Franġiskana! F’Patri Joe nara ħajja s-sentenza qawwija ta’ Ġesù li nsibu fil-Vanġelu skont San Ġwann: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ” (Ġw 12:24-26).

Minkejja n-niket ta’ telfa kbira ta’ ħabib kbir fl-Ordni Franġiskan Kapuċċin tal-Provinċja ta’ Malta fija għandi paċi kbira. Paċi li fis-Sema għandi ħabib li jgħaddili kelma mas-Sultan tas-Slaten u mas-Sultana tal-bnedmin kollha. Iva! Il-Missier lil Patri Joe tah ġieħ. Fl-aħħar ta’ ħajtu jiena bħal donni rajt lill-Anġlu San Mikiel jipproteġieh fl-aħħar taqbida. Rajtu jieħdu fis-Sema fejn issa jgħix għal dejjem. Rajtu jtella’ lil ruħu minn riġlejn l-artal li Patri Joe kien tant iħobb!

Personalment ħassejt li l-Mulej kien sema’ t-talba li tlabt fil-quddiesa tas-6.30 am f’dak il-jum: jiġifieri, li dawk li kienu se jmutu f’dak il-jum isalvaw! Li ħadd minnhom ma jintilef!

Grazzi Patri Joe li bqajt Patri sal-aħħar. Il-Patri ħabb il-morda għax ħadt ħsieb ruħhom! Il-Patri tal-Ewkaristija u tas-sagrifiċċju. Illum, b’fomm Ġorġ Aġius, tgħidilna: Sewwa tant li tiftaħ qalbek, mal-ministru tal-Mulej; Għandu s-setgħa li jaħfirlek, Privileġġ, ma tħallas xejn.

Patri Joe, grazzi li ikkonvinċejtni biex nibqa’ nagħti ħajti għall-għeżież morda tagħna li int tant ħabbejt! Itlob għalija!

  1. Rose Marie Zammit
    November 28, 2016 at 7:04 pm

    I did not know fr.Joe but you gave us such a nice description of a saintly priest.
    Prosit for you made me feel his presence and appreciate his dedicated spiritual
    work sure as you said God took him for a great reward.

  2. November 28, 2016 at 4:12 pm

    Jiena nibqa’ midjun għal għomri lejn Fr. Joe għax kien hu li għamilni ħabib tal-Bibbja. U xi ngħidu għal l-umilta’ li kellu!

  3. Giovanni Caruana
    November 28, 2016 at 4:08 pm

    Jiena nibqa’ midjun għal għomri lejn Fr. Joe għax kien hu li għenni nsir ħabib tal-Bibbja u nirrifletti fuqha.

  4. Charles Mifsud
    November 28, 2016 at 12:32 am

    Kemm kien xortih li jsib lilek taghtih l-Assoluzzjoni u titlob l-Kurunella Tal-Hniena Divina. Kemm nixtieq li meta jasal il-mument tieghi jkolli l-istess xorti.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: