Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > L-imgħoddi għadu magħna

L-imgħoddi għadu magħna


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar, fuq Rai Tre, kelli l-grazzja li nara l-programm Ulisse. Immexxi minn Alberto Angela.

Fil-puntata li rajt, jiġifieri dik tas-Sibt, 5 ta’ Novembru, kienet tittratta dwar l-imperu Ruman. F’din il-puntata Alberto Angela fisser kif twieled dan l-imperu kbir li baqa’ jiddomina l-paġni tal-istorja dinjija. Fil-fatt il-puntata kien jisimha Augusto: Come nasce un impero. Daqs 2000 sena ilu, sewwasew fis-sena 14, wara Kristu, kien miet Gaju Ġulju Ċesare Ottavjanu. Jew, kif inhu uffiċċjalment magħruf fl-istorja, Awgustu. L-ewwel imperatur Ruman.

Ċertament li Awgustu biddel l-istorja ta’ taħt fuq. Bil-għaqal tiegħu seħħlu jbiddel lil Ruma ta’ taħt fuq. Bil-makkakerija tiegħu seħħlu jgħaddieha minn Repubblika għal imperu. Kienu tassew ftit dawk li, għall-bidu, ħasbu li dan it-tifel, irqajjaq u qasir, li bilkemm kien għadu kemm għalaq l-għoxrin sena tiegħu, kien se jħabbatha ma’ personaġġi ferm ipprem minnu fl-istorja. Bħal, ngħidu aħna, Marku Antonju u Marku Ġuno Brutu.

Kulħadd jiftakar fil-qtil krudil u infami tal-Kbir Ġulju Ċesare. X’makabrità kienu dawk it-23 daqqa ta’ stallet li ħarġu mill-istalletti tat-traditturi tal-komplott, immexxijjin mill-ħajjen Brutu. Din il-ġrajja ta’ qsim il-qalb, ħierġa mill-qalb li kienet lesta tikkalpesta ħbiberija ta’ snin, baqgħet tant ħajja fiċ-ċinema, fit-tejatru u fil-letteratura. Hija ħasra li f’Ruma, fil-Belt Eterna, dan il-post daqshekk importanti li biddel għal kollox l-istorja tar-Repubblika Rumana, lanqas hemm imqar tabella waħda li turi fejn seħħ dan il-qtil!

Wara l-qtil ta’ Ċesare, li kien xokk kbir għal ħafna, Awgustu seħħlu, bil-makkakerija ta’ moħħu, jitħabbet mal-allejat rivali tiegħu Antonju. Ma’ Lepidus, it-tlieta li huma seħħilhom jiffurmaw it-tieni Triumvirat. Iltaqgħu fil-pjanura Padana, viċin Bolonja, f’post li hu ftit magħruf. Interessanti kif, f’lokalità li, mal-ewwel daqqa t’għajn tidher li ma jaf biha ħadd, sewwasew hawnhekk ingħata bidu għall-passat daqshekk glorjuż fil-paġni ta’ Ruma.

Kien minn hawn li Awgustu beda, bil-mod il-mod, it-triq li wasslietu sal-quċċata tal-poter. Kien minn dan il-post mhux magħruf li Awgustu ħa l-enerġija biex jiġġieled kontra l-qattiel ta’ Ċesare, jiġifieri Brutu. U wara li seħħlu jiżbarazzah minn nofs, mal-medda tal-ġrajjiet tal-istorja, ippreżenta ruħu kontra Antonju u r-reġina tal-Eġittu, Kleopatra.

Wara li rebaħ lil Antonju Awgustu kellu quddiemu s-siġġu tas-setgħa assoluta f’Ruma. B’għaqal kbir Awgustu beda jibdel kollox naqra naqra. Fid-dehra kollox kien jidher li baqa’ miexi kif kien. L-apparenzi u l-formalitajiet baqgħu dawk tas-soltu. Ibda’ mir-rwol tas-senat u tas-senaturi. Iżda Awgustu beda jikkonċentra kollox fuq innifsu. Is-setgħat u l-karigi tar-Repubblika bdew għaddejjin f’idejh. Hekk, b’ħafna tattika u għaqal, sar il-konslu, it-tribun u l-pontifex maximus, jiġifieri s-saċerdot-mexxej tal-kulleġġ ewlieni tas-saċerdoti pagani f’Ruma tal-qedem. Kemm hu għaqli hux li meta xi ħaġa tinbidel għandha tinbidel bil-mod. U min jibdilha jibqa’ preżenti fil-proċess kollu ħalli jkun jaf x’qed isir u biex it-tibdil jibqa’ jħalli l-impronta ta’ min ħolom li jibdlu!

Barra minhekk, Awgustu kien għaqli billi uża’ l-midja ta’ żmienu biex jagħmel propoganda għalih innifsu. X’għamel? Ikkummissjona għadd ta’ artisti biex jiskolpu statwi, skulturi u busti ħalli ixerrdu l-fama tiegħu mal-erbat irjieħ tal-imperu.

Imma x’tip kien Awgustu? Minfejn ġie l-ġenju tat-tmexxija li kellu fih? Il-bijografu tiegħu, Gajju Swetonju Trankwillu, iddiskrevieh bħala bniedem li għex ħajja modesta għall-aħħar. Kellu ftit affarijiet lissużi f’daru. Awgustu għex f’dar Rumana ordinarja. U kien jiekol ikel normali li kienu jieklu r-Rumani komuni. Is-sodda tiegħu kienet ordinarja għall-aħħar u mingħajr ħafna xinxilli. Meta wieħed iqis x’poter kellu f’idejh dan l-ewwel imperatur tal-aqwa imperu, dak Ruman, u jara ftit f’liema sempliċità kien jgħix, x’tagħlima kbira jagħti lil min jgħix fil-lussu! Biex tkun bniedem kbir m’għandekx għalfejn tkun vanituż. U tgħix f’bini daqshiex. Inkella tiekol ikel fin. Anzi! Aktar ma tkun għoli aktar jaqbillek tkun viċin il-poplu. U l-poplu, meta jarak li int bħalu, żgur li jafdak. Għax iħossok li int qed tirrappreżentah tassew.

Ħaġa waħda dan il-bniedem kbir m’għamilx: dik li jaħseb f’min se jmexxi l-imperu warajh. Awgustu, mhux li kien li ħsibt f’ta warajk!… L-imgħoddi għadu magħna!

  1. November 26, 2016 at 7:27 pm

    Father, ahna l,Maltin nghidu li l’ikbar zbal ta l’ikbar ghamel. Kien mess u haseb ghal ta warajh

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: