Agħmel miraklu!


Patri Mario Attard OFM Cap

Hawn min ma jemminx fil-mirakli. Tant li, jasal li jgħid li dawn m’huma xejn għajr projettazzjonijiet tal-moħħ. F’soċjetà fejn tista’ tgħid li trid, l-għaliex kull ideja tiswa daqs ta’ qabilha, tajjeb naraw jekk fil-verità l-miraklu jeżiżtix jew le. Huwiex fanstasija ta’ erba spisjati inkella rejaltà li tagħmel ħajjitna tassew ta’ min jgħixha.

Mela kont qed nistenna biex nieħu kafè. Wara ġurnata xogħol, il-ħin kollu niġri mal-Isptar u kważi nifsi maqtugħ, naħseb li kelli jedd għaliha. Tar-restaurant kien għadu ma fetaħx. Għalhekk, sakemm fetaħ, issuktajt nitlob ir-Rużarju. Issa jiena r-Rużarju nitolbu mhux l-għaliex irrid nilgħabha tal-qaddis. Inkella biex nitla’ fuq xi pedistall! Xejn minn dan. Għall-grazzja ta’ Alla d-daqs tiegħi Alla jbierku! Jidher minn kullimkien! Iżda jien nitlob it-talba qawwija ta’ ħarsien u ħelsien tar-Rużarju l-għaliex nikkwalifika eżatt ma’ dawk li jissemmew wara s-Sliema għalik Marija. Jiġifieri, itlob għalina midinbin. U, għalkemm nixtieq minn qalbi li lill-Mulej ma newġġgħux bi dnubieti r-rejaltà, b’xorti ħażina, hija xorta oħra.

Kont qed nitlob u nikkontempla t-Tieni Misteru tad-Dawl. Meta Ġesù għamel l-ewwel miraklu tiegħu fit-tieġ ta’ Kana. U f’moħħi, bħal f’leħħa ta’ berqa, għaddiet hi. Persuna li la hi żgħira u lanqas kbira. Hi min hi. U hi ta’ liema nazzjonalità hi. Il-fatt jibqa’ li hija bint Alla. Daqskemm jien bin Alla u int bin jew bint Alla! M’hijiex faċli li tgħix f’pajjiż mhux tiegħek. F’kultura u fi lsien differenti minn dak ta’ pajjiżek. Lanqas hija faċli li jkollok darek. Aħseb u ara li tmur tikri. Ajma! Bħalissa min jgħolli l-kera l-aktar! Dawn huma sfidi li tant jaqtgħu l-qlub il-barranin li hawn fostna. L-għaliex, u ngħiduha kif inhi, huwa ġust u sewwa li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom xogħlhom. U dak li hu meħtieġ għalihom. Din artna. Imma l-Mulej ma ħalaqx lilna biss lanqas! Qisna m’hu ħa mmutu qatt! Qisu qatt ma rridu nagħtu kont lill-Mulej ta’ għemilna. U forsi, uħud minna, dan se jagħmluh fi żmien ferm qasir milli qed jaħsbu! Forsi f’dawn il-ġranet stess!

Bir-raġun kollu li din il-mara tħossha waħedha. L-għaliex għandha ħafna muntanji ma’ xiex tixxabbat. Għalhekk għandha bżonn min jagħtiha kuraġġ. Min jagħtiha kelma ta’ faraġ. Min, almenu, bil-qawwa dejjem tal-grazzja ta’ Alla u mhux b’xi bravura personali, jkun raġġ ta’ kenn għalina. Għaliex, u ngħiduha kif inhi, ta’ waħdek iebsa. Torqod u tqum waħdek. Tgħid il-kelma Bonġu u ma jwieġbek ħadd lura. Min hu mdawwar b’ħafna nies madwaru u min għandu ħajtu mimlija daqs bajda bl-attivitajiet dan lanqas jidħollu fil-kantunieri ta’ moħħu! Ma jafx xi tfisser din is-sitwazzjoni iebsa. Trid tkun fiha biex tara xi tfisser! U kemm uġiegħ toħloq!

Mela, kif kont għall-kwiet, ħassejtu jkellimni f’qalbi. Iva! L-għaliex il-Mulej m’għandux min jikkmandah. M’għandux xi kuntratt ma xi analist li jkollu jbaxxi rasu għalih. F’dak il-każ ħa jkun l-analist li jbaxxi rasu ħalli l-analiżi tiegħu tibda’, fl-aħħar, tagħti l-frott! U mhux għaddejja taqta’ qalb u tkisser it-tama ta’ min jixtieq li jara r-raġġ tal-imħabba u l-ħniena tal-Mulej jidħol f’ħajtu u f’ħajjitha mill-ġdid! Eħ is-sarkażmu! U ċ-ċiniċiżmu!

Il-Mulej, l-għaliex huwa l-għerf, jafda. Żgur li mhux suspettuż. Bħali u bħalek. Għalhekk kellimni iva. U qalli: “Ibgħatilha messaġġ li offrejtilha l-quddiesa li qaddist filgħodu”. Ma stajtx nissokta nitlob ir-Rużarju aktar b’fommi f’dak il-waqt. Issa kelli nitolbu bil-prattika. Issa kelli noħroġ il-mowbajl tiegħi u nikteb il-messaġġ. Eżatt kif qalli l-Għaref. Jiġifieri dak li ma jissuspetta ħażin f’ħadd. Għalkemm jaf kollox fuq kulħadd xorta jibqa’ jafda lil kulħadd. U ma jgħaddi lil ħadd mill-għarbiel tiegħu. L-għaliex l-għarbiel tiegħu hija l-ħniena tiegħu stess li tressaq lejn l-indiema!
Ma domtx ħafna ħin. Għedtilha li offrejtilha l-quddiesa. Mhux biss għaliha imma wkoll għall-persuna oħra u għall-familja ta’ din il-persuna li għaliha hi tant għażiża. Ħa nerġa’ ngħidlek, ma domtx. Ma tliftx ħin. Dan wettaqtu waqt li kont qed nistenna l-kafè. Taf li sadanittant laħaq wasal! U kien lest biex jinżel, ħelu ħelu, fl-istonku tiegħi biex jagħtini enerġija ġdida għall-ġurnata oħra ta’ ħidma. Iżda, dawk il-ftit sekondi li, bil-grazzja ta’ Alla, iddedikajt għal din il-persuna, għaliha kienu jfissru d-deheb! U dan intbaħt bih bil-messaġġ li rċevejt lura minn għandha, ftit minuti biss wara li bgħattilha. “Patri, grazzi ta’ kollox! Ftit aħjar. Aktar tard ħa mmur għall-quddiesa. Il-jum it-tajjeb!”

F’kultura fejn is-solitudni qiegħdha tikber irridu naraw x’nagħmlu u nibdew nieħdu ħsieb xulxin. Ma jistax ikun li jibqgħu jiżdiedu n-numru tal-vittmi li qed joħloq Facebook, il-mobile u l-gadgets l-oħra tal-komunikazzjoni soċjali. Il-Mulej ma ħalaqniex biex inkunu ilsiera ta’ dawn il-gadgets. Iġġibli ħniena nara persuni li huma inkullati ma’ dak l-imbierek screen żgħir qishom qed jistennew il-kolp tal-ħajja jew tal-mewt minnu! Ma nistgħux le noħolqu relazzjonijiet virtwali. Ma nistgħux noħolqu ħbiberiji sani fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali u mbagħad ngħidu li għandna l-ħbieb. Il-ħbieb veri trid tarahom. U tiltaqa’ magħhom. Trid tkellimhom. U jkellmuk. Trid turihom xi tħoss. Filwaqt li huma juruk xi jħossu huma. Ħbiberija vera tgħinna nikbru permezz tal-konflitt. U mhux fuq l-inqas kunflitt kulħadd jaqbad it-triq għal rasu!

Barra minhekk għal dawk li jħossuhom waħedhom ħa jfittxu ftit persuni li huma wkoll waħedhom. Hawn tant persuni fostna li l-kultura tagħna qiegħdha tirrendihom skart! Ħu, ngħidu aħna, lill-anzjani. Kemm hawn anzjani li huma waħedhom. Maqfulin fi djarhom. Jistennew il-mewt ġejja għalihom. Kemm hawn żgħażagħ waħedhom. U dan, l-għaliex kellhom esperjenza qarsa fil-ħajja, iddeċidew li jinqaflu f’kamrithom u ma joħroġux minn hemm ġew. Qabdu u ġibdu line dritt f’ħajjithom!

Le ħbieb! Fil-ħajja irrid nibqgħu nippruvaw! Anki meta tiġi għal saqajha. Inkella ma nikbru qatt! Tinsiex! Fik u fija l-Mulej investa l-aqwa ħaġa: l-imħabba! Dan nafuh l-għaliex int u jien għandna qalb. U l-qalb qiegħdha hemm mhux biex tippompja d-demm biss iżda, u l-aktar, biex tħobb!

F’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena hemm opra tal-ħniena, li tmiss lir-ruħ, li spiss ninsewha: “Farraġ lill-imnikktin!” Int kapaċi, bil-qawwa tal-Mulej, tfarraġ. Kapaċi tagħti spazzju f’ħajtek billi tisma’ u tqatta’ ħin ma’ persuna vulerabbli. Persuna li ħaddieħor ramieha l-għaliex, skont hu, ma tikkwalifikax skont il-kriterji ta’ moħħu jew aptitu. Imma int le! Int differenti! Int kapaċi tirraġuna mod ieħor! Għax int qalbek tafha! Taf meta saħquhielek! Taf meta jwarrbuk bil-pulit! U forsi bi skola! Imma l-ebda att diplomatiku ma jista’ jidħak b’dak li tħoss qalbek! Għax il-qalb m’hiex kapaċi tigdeb bħalma kapaċi jigdeb il-moħħ!

Fl-eżortazzjoni appostolika dwar il-ferħ tal-Vanġelu, Evangelii Gaudium, Papa Franġisku kiteb hekk: “Għalhekk, jekk jirnexxieli ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti. Kemm hi ħaġa sabiħa li nkunu l-poplu fidil ta’ Alla. U naslu għall-milja meta nfarrku l-ħitan u nħallu qalbna timtela b’uċuħ u b’ismijiet!” (EG, 274).

Għin persuna tgħix aħjar! Iġġustifika d-don ta’ ħajtek! Farrak il-ħitan! Ħalli qalbek timtela’ b’uċuħ u b’ismijiet! Kun viċin persuna waħedha! Imlielha ħajjitha bl-inbid, jiġifieri bil-ferħ! Dak il-ferħ li jgħinha tgħix! Dan qed ngħidu għalija, l-ewwel wieħed!… U mbagħad għalik ukoll! Għaliex nixtieqlek il-veru ġid!.. Agħmel miraklu!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: