Tal-istiva


Patri Mario Attard OFM Cap
Il-ħajja hija skola. Skola li tħaddan fiha n-nofs ta’ nhari. Fil-għodijiet. Fil-għaxijiet. Skola li tħaddan kull tip ta’ suġġett li hawn taħt is-sema.

U, f’din il-qawsalla imżewqa ta’ tagħlim, hawn jien, il-Patri! Li, bl-ubbidjenza li tani l-Mulej permezz tas-Superjuri tiegħi, ġejt imħabbeb, ħelu ħelu, ma’ wieħed mit-tlett kotba tal-ħajja, l-Isptar. L-Isptar huwa l-post fejn ilaħħam dak li Papa Franġisku jistenna minna s-saċerdoti, jiġifieri rgħajja li jkollna fuqna r-“riħa tan-nagħaġ” li nirgħu. L-isptar ma tantx hu komdu. Għax iħarbattlek kull pjan. L-interruzzjonijiet li jkollok, speċjalment meta l-pager li jkollok fuqek jaqbad idoqq bla ħniena, lejl u nhar, huma tassew kbar. Joħolqulek tbatija. Madankollu, taqta’ l-għejja li joffri xogħol bħal dan, ix-xogħol fl-Isptar huwa affaxxinanti. Għaliex huwa tabilħaqq sorpendenti.

Mill-Isptar u fl-Isptar, misħuq, imsoffi u mirqum mill-megħries tal-esperjenza tal-ħajja tal-bniedem, illum niddefinixxi lili nnifsi bħala “l-Patri tal-istiva”. Naħseb li ġieli rajtu bħali xi film antik fejn jiddeskrivi l-mod ta’ kif kienu magħmulin ix-xwieni fl-imgħoddi. Ix-xwieni li kienu jaħdmu bil-faħam. L-esperjenza tal-ħajja ġabitni nħares lejja nnifsi bħal dak il-ħaddiem li qiegħed mal-magna tal-vapur. Li, kontinwament, qed jitfagħlha l-faħam ħa taħdem. U, aktar ma taħdem, il-vapur aktar jista’ ibaħħar ‘il barra.

Ifhmuni! Fil-vapur kull ħaddiem huwa mportanti. Il-kaptan, li dejjem bl-uniformi, nadif, jfuħ, u dejjem dritt, irid ikun. Il-kaptan, f’moħħu, għandu l-pjan ta’ kif għandu jbaħħar il-vapur. Miegħu għandu l-għajjutanti tiegħu. L-istess. Jilbsu sabiħ. Nodfa. Ifuħu. Bl-uniformi. Huma wkoll iridu jkunu smart bħalu. Ajma! L-aktar jekk il-vapur kien ikun tal-passiġġieri? Bħalma kien it-Titanic?! Minbarra x-xogħol ta’ ħbil ir-ras li kellu l-kaptan ta’ dak il-vapur majestuż kien ukoll jitħallat mal-klassi għolja u ma’ dawk li jilbsu l-ilbiesi eleganti. U miegħu kienu jiġru wkoll l-għajjutanti tiegħu bil-għan li jagħmlulu kumpanija. L-għaliex huwa importanti li, fil-vapur tal-passiġġieri, l-istess passiġieri jħossuhom milqugħa mill-kaptan u l-ekwipaġġ tiegħu. Xejn xejn dawn aktar ikollhom fiduċja fihom. Tifhimha! Ħajjithom qiegħdha f’idejhom.

Iżda ħarsti, ta’ sempliċi Patri, ġiet misruqa u affixxanta mill-ħaddiema tal-istiva. Ħaddiema li huma dejjem għarqana. Hemm isfel. F’dik is-sħana. Bl-għaraq nieżel magħhom. Dawn il-ħaddiema m’għandhomx le l-lussu li għandhom ħaddiema oħra li jistgħu jitilgħu fuq il-gverta tal-vapur u jieħdu gost jilagħqu x-xemx ta’ filgħodu. Inkella li jgawdu mill-frisk li jaf joffri s-sajf filgħaxija. Qatt ma kellhom il-grazzja li jassistu għall-ispettaklu ta’ nżul ix-xemx lanqas. Minkejja li għajnejhom huma tajbin daqs ta’ ħaddieħor, jew jaf ikunu aħjar ukoll, ġew imċaħħdin milli jgawdu dan l-ispettaklu kollu. Avolja l-Mulej żejjinhom b’par widnejn tassew sbieħ qatt ma’ kellhom il-grazzja jgawdu l-poeżija tal-imwieġ tal-baħar f’nofs ta’ lejl. Terġa’ u tgħid il-baħar, meta kellhom esperjenza tiegħu, dejjem kienet meta l-vapur beda sejjer l’hawn u l’hemm. Jew, f’xi waqtiet, ħasel se jkejjel il-qiegħ! U, minħabba din is-sitwazzjoni, huma kellhom jirduppjaw is-sigħat ta’ xogħolhom. Hemm isfel. Fil-qiegħ nett! Fl-istiva!

Imma mur tkellem fuq x’tagħmel meta tkun f’maltempata fuq vapur? Kif ħa ddawwru? ‘Il fejn se ddawwar il-magni? Lil min se ssaqqsi? U mhux lil dawk li għandhom idejhom fuq ix-xogħol? Lil dawk li taw ħajjithom għall-magni li qed iħaddmu basta l-vapur ibaħħar? Sa ma jseħħlu jasal fejn għandu jasal b’wiċċ il-ġid? Int il-ħobż mhux lil min jaf jieklu trid tagħtih?

Biss il-qawl Ingliż jfakkarni wkoll li practice makes you perfect. Hija l-prattika li tagħmilna perfetti. Tal-mestjier. U meta wieħed jiġi imsejjaħ biex jaħdem man-nies, bħalma aħna s-saċerdoti ġejna msejħa biex naħdmu, hija l-prattika li trid tgħallimna kif għandna niżvolġu x-xogħol li l-Mulej sejħilna għalih. Kollox sew! It-talb huwa importanti. Anzi! Għandu jkun in-nifs tal-attività tagħna. Il-kotba u l-korisijiet jgħinu wkoll. L-għaliex jagħtuna orjentament ta’ fejn nistgħu immorru. U jagħtuna wkoll xi spunti ta’ kif għandna naħdmu. Iżda hija l-prattika li lilna tgħinna ninżlu minn hemm fuq u nitlaħħmu ma’ dak li hu t’hawn isfel.

Personalment, il-kuruturi u s-swali ta’ Mater Dei huma għalija awli tal-aqwa università li teżiżti. Veru, negħreq. U ma nistax ma negħriqx meta ġieli jkolli xi żewġ sejħiet f’daqqa f’żewġ naħat opposti fl-isptar. Fejn se naqbad immur? Liema hija l-aktar waħda urġenti? Mulej għinni int! Din hija t-talba naturali li tinżel fuq il-qalb u l-fomm ta’ min xogħlu hu fl-istiva tal-vapur. Imbagħad hemm ħaġa oħra importanti, il-ħaddiem fl-istiva bilfors li jkollu jitgħallem mill-prattika. Inutli li l-ktieb qed jgħidli hekk meta r-rejaltà qed turini xorta oħra. Mela, attent mill-egħbusija tal-qalb Patri! Filwaqt li l-prinċipji jibqgħu prinċipji wieħed irid joqgħod attent ħa josserva kif mis-sitwazzjoni wieħed jista’ jieħu l-ġid li jista’.

L-istiva tgħallimni li li tkun saċerdot hija arti. U l-għajn tas-sacerdozju ministerjali huwa hu, il-Mulej. Is-Saċerdot Etern. L-artist tal-artisti! Huwa lilu li jiena, is-saċerdot tal-istiva, għandi nitlob. Għalhekk, ix-xogħol pastorali man-nies, jgħallimni li għandi nisma’, nisma’ u nerġa’ nisma’. L-għaliex fl-istiva l-affarijiet isiru bil-kawtela. B’għaqal. U qatt b’ejja ħa mmorru. Ejja ma ninsewx l-eluf tan-nies li hemm fuq il-vapur! L-għaqal, jiġifieri d-dixxerniment, huwa sies importanti fil-ħajja pastorali.

Iżda issa ejjew inkunu wkoll saqajna mal-art. L-għaqal ma jaqax mis-sema lanqas. L-għaqal jiġi mill-iżbalji li jsiru. Mela ejja ma nitfgħux l-iżbalji taħt il-lenti biex inkabbruhom aktar milli huma. Anzi! Aktar mal-iżbalji nqisuhom bħala tappa oħra biex persuna tikber aktar se ngħixu fi trankwillità din il-ħajja li tgħaddi malajr. Għalhekk, aktar se naraw ħajjitna u dik ta’ ħaddieħor, għal dak li tassew hi, skola. Ġieli għoddejt kemm-il żball għamilt meta kont student u studenta? Nissuġġerilek li aħjar ma tgħoddhomx. Inkella jġennuk! Taqbel miegħi li kien hemm biżibilju. U kien hemm fuqhiex taqta’ qalbek. Veru? Mela sewwa għamilt li ma qgħadtx titfagħhom taħt il-lenti. Kont għaqli! U għaqlija! L-għaliex iffukkajt fuq l-importanza li tikber u mhux fuq kemm żbaljajt!

L-istess bħall-kaptan għaqli ta’ vapur. Mhux ħa jiffissa ħarstu fuq il-port li ħalla warajh. Kemm qata’ ‘il barra minnu. Le! Iżda ħarsu se jixħetha fuq id-destinazzjoni li l-vapur li għandu f’idejh jeħtieġlu jagħmel sabiex jasal qawwi u sħiħ fejn għandu jasal!

Hija dinjità li taħdem man-nies. Li taħdem fl-istiva tal-vapur. U li ma tkunx skjav ta’ uffiċċju. Inkella tal-karti. Iżda, minflok uċuh tal-ħġieġ inkella tal-karti, jkollok il-grazzja li tiltaqa’ ma’ uċuh tad-demm u l-laħam. Bħalma għandek inti. U jien. Wara kollox huma l-uċuh tad-demm u l-laħam li jibku, jidħku, jibżgħu, jifirħu u jittammaw. F’kelma waħda li jgħixu tassew.

Kemm laqagħtitni l-omelija li għamel Papa Franġisku minn Dar Santa Marta dwar in-In-Nisrani li ma jibżax iħammeġ idejh minħabba f’min hu mbiegħed, tal-Ħamis 6 ta’ Novembru 2014! “Il-veru ragħaj, il-veru nisrani, għandu fih dan iż-żelu: ħadd m’għandu jintilef. U għalhekk, ma jibżax iħammeġ idejh. Ma jibżax. Imur fejn għandu jmur. Jirriskja ħajtu, jirriskja l-fama tiegħu, jirriskja li jitlef il-kumdità li jkollu, l-istatus tiegħu u jitlef anki l-karriera ekkleżjastika, basta jkun ragħaj tajjeb”.

Grazzi Mulej li, mingħajr ma jistħoqqli, għażiltni biex naqdik fl-istiva tal-vapur tiegħek. Ma’ ħutna l-morda. Grazzi tal-għaraq, tal-iljieli twal bla rqad u tal-għejja li jiena u ħuti l-Patrijiet ngħaddu minnhom. Grazzi li, f’dawn il-mumenti iebsa, int tagħtini l-id ħelwa tiegħek, il-kelma ta’ faraġ tiegħek b’wieħed minnhom u anki bil-morda, bil-familjari tagħhom u anki bl-istaff li japprezzaw dak li qiegħdin, permezz tiegħek, inwettqu magħhom. Fakkarni Mulej bin min jien! Iben il-ħaddiema. Fakkarni li huwa unur għalija li nbati biex niekol jien u l-patrijiet ħuti. Fakkarni li dan huwa tabilħaqq ta’ ġieħ kbir għalina. Ħobż imbierek! Fakkarni li, ħajti fl-istiva, hija ta’ barka kontinwa għalija u għall-ħuti l-morda u għal dawk li, bħali, jaħdmu mal-morda. Mulej, grazzi li għażiltni biex inkun saċerdot li jaħdem fl-istiva tal-vapur tiegħek. Ibqa’ dejjem ġeddidli dan il-kuntratt sa ma ġġibbni tal-post. Għaliex hemm ħafna bżonn! Amen!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: