Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Dak ta’ fuq dak!

Dak ta’ fuq dak!


Patri Mario Attard OFM Cap

Iż-żmien dejjem għaddej! U ma jistenna xejn! Hekk nismagħhom ikantaw! Għaliex, fil-verità kollha, hekk hu!

Niftakarni żgħir. Ċkejken. Fil-krema ta’ tfuliti. Meta mort fuq ommi l-għażiża u tlabtha bil-ħrara kollha: “Mà! Ixtrili statwa?” U ommi, ta’ mara mimlija ħniena li hi, daret lejn, Alla jaħfrilha, oħti u qaltilha: “Ħudu l-belt u ixtrilu waħda?”

U oħti hekk għamlet. Niftakar kien is-Sibt. Kien jum pjuttost imsaħħab. Għadni niftakar, qisu issa, tilgħin il-karozza tal-linja. U jien, l-għaliex kont iż-żgħir, xtratli l-biljett ikħal tat-3 ċenteżmi u ħames milleżmi. Tiftakruh? Tlajna fuq karozza ħadra. Li kellha imnieħer daqshiex! U qagħdna n-naħa tax-xellug. Tul it-traġitt ġieli tlajna u nżilna minħabba xi tumbata, inkella xi ħofra. Kien żmien ilu. Mhux bħallum. Fejn il-livell tat-toroq f’pajjiżna tjieb bil-bosta.

Mela wasalna l-Belt u dħalna. Għaddejna mill-Bieb ewlieni u morna għand wieħed li kellu ħanut taħt it-tejatru rijal. Għadni qisu ilbieraħ nara quddiemi l-bramel mimlija bl-ilma u bil-ward fihom, lesti biex jinbiegħu. Il-bejjiegħ tal-ħanut baqa’ imkaħħal f’moħħi. Raġel b’par mustaċċi daqshiex. Dawk il-par mustaċċi fakkruni fil-magħruf karattru ta’ Ninu Xkora. Inkella tal-irġiel li kienu jgħixu fil-bidu tas-seklu għoxrin.

“X’għandek bżonn Sinjorina?” staqsa lil oħti b’leħen ħlejju u sod. “Nixtieq nara ftit dik l-istatwa t’hemm fuq!” Qaltu hi. “Liema waħda?” reġa’ staqsieha. U bir-raġun! L-għaliex fuq l-ixkaffa ta’ warajh kien hemm purċissjoni sħiħa ta’ statwi tat-tafal. Oħti daret lejja u staqsietni: “Liema waħda trid? Dik?” U kif qaltli hekk dlonk ippuntat lejn l-istatwa ta’ San Mikiel Arkanġlu. U jien, tifel mistħi u ruxxan, li għal kull ħaġa ta’ xejn kont inkun irrid li l-art tiblagħni bil-mistħija, weġibtha minn taħt l-ilsien: “Iva! Dik!”

U dik kienet! Hemm hu l-Arkanġlu! Kienet statwa mill-isbaħ tat-tafal. Niftakar li prezzha lanqas ma kien ħelu tafux. Għal dawk iż-żminijiet l-istatwa kienet tiswa maż-żewġ liri u nofs Maltin. Kienu flus! Tal-ħanut qalilha: “Issa żommuha sewwa. L-għaliex din tat-tafal u malajr tinkiser”. U jien, ta’ tifel li kont, ferħan se ntir l-għaliex issa kelli l-ewwel statwa għall-Knisja tiegħi, żammejtha bl-akbar attenzjoni. Ħalli nwassalha sad-dar qawwija u sħiħa.

U hekk kien! Għaliex l-istatwa iddaħħlet għand ommi u missieri, ġdida fjamanta. Fil-karti gazzetti kif kien rambalhieli r-raġel tal-mustaċċi l-kbar. X’ħin ftaħtha issaħħart inħares lejha. Kienet statwa l-ġmiel tagħha. Xogħol tal-artistrija Maltija fit-tafal. Imbagħad l-istatwa poġġejtha bieb tal-ġenb tal-cupboard l-orange. Ħalli l-għada inżanżanha għall-festa.

Iva ħbieb! Mas-sagħtejn ta’ wara nofsinnhar bdejt narma għall-festa. Mela lil ommi ħaddtilha l-kaxxa l-orange tal-ħobż. Dik kellha tkun il-bankun. Imbagħad ftaħtilha l-cupboard u ħaddtilha erba’ kaxxi tas-sulfarini. Dawk kienu l-fjuretti mal-vara. U bilħaqq, ir-reffiegħha. Min kien se jerfagħha l-istatwa ta’ Mikiel l-Arkanġlu? Tħabblu moħħkom xejn! Dak kien hemm it-tabl mat kemmxejn ħoxna. Allura! Illum, minflok li terfa’ l-platt tal-ikel sħun tas-soltu se jkollha x-xorti li tkaxkar lil San Mikiel Arkanġlu!

Il-festa kienet għaddejja ħarir sakemm daqqu l-erba’ neqsin kwart. U hawn beda l-gwaj serju! Ħuti issa bdew ġejjin mix-xogħol tal-fabbrika! Wara l-ewwel, it-tieni u t-tielet shift San Mikiel ħelisha. Imma mar-raba’ shift laqqat daqqa ta’ sieq hekk li hu tar minn fuq il-bradella u dak, ix-xitan, baqa’ fuqha.

Kemm bkejt li oħti kienet laqtitli, b’aċċident, lil San Mikiel. Imma nsomma kollox kien irranġa. L-għaliex, kif kienet taf hi, ir-restawr sar u San Mikiel twaħlulu mill-ġdid il-par ġwienaħ kbar li kellu, u hekk seta’ jibqa’ joħroġ kull sena. Iżda minn dik l-istorja tgħallimt ħaġa. Hemm talba li tqabbeż lix-xitan ‘il barra minn ħajjitna. Talba li tkeċċieh sal-punt li titfgħu fl-infern! Se ngħaddhielek għaliex qawwija ta’ veru. Ippruvaha u tara! Mela, kuljum, filgħodu, u meta tħossok attakkat u attakkata mill-ħażen u mill-ħażin, itlob hekk:

San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int il-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ ta’ l-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien ta’ l-erwieħ. Ammen.

Din hija t-talba ta’ Dak (San Mikiel) ta’ fuq dak (ix-xitan). Itlobha kuljum ħalli, permezz tal-għajnuna ta’ San Mikiel, int ukoll tkun Dak ta’ fuq dak!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: