Home > Ġenerali > Adelante!

Adelante!


Patri Mario Attard OFM Cap

Kulħadd fil-ħajja jgħaddi minn żmien iebes. Żmien fejn ikun irid jisma’ biss kelma waħda. Dik il-kelma waħdiena li biha jkun jista’ jikseb il-kuraġġ li jinħtieġ. Kelma waħda li twasslu biex, fl-aħħar, jitla’ mill-qiegħ nett tal-ħama fond bit-tama li jduq il-benna ta’ wiċċ l-ilma. Ktieb li jindirizza dan il-bżonn kbir li hemm fija u fik, meta nħossu u nesperjenzaw li, għalkemm il-ħajja tagħtina bil-ħarta xorta waħda għandna nissuktaw naqfu ‘l barra fil-fond, fit-triq tal-ħajja vera, huwa, mingħajr dubju, Adelante. Li ħareġ mill-pinna mexxejja ta’ Ivan Bartolo.

Wara s-suċċess tal-ewwel ktieb tiegħu Jien Miljunarju, Ivan jgħaddi biex ikompli jħaffer fi ktieb il-ħajja. Jiġifieri dak il-ktieb li hu mimli tilja ferħ u niket. Diżappunti u suċċessi. Maltempati u staġuni ta’ kalma. Is-sabiħa hi li, fost dan it-taqlib kollu li taf toffri ħajjitna, għal min minna ma jaqtax qalbu u qalbha, il-jiem xitwin għad jinbidlu fl-isbaħ jiem sajfin. Il-qtiegħ il-qalb għad jitbiddel f’hena. F’kuraġġ. F’qawwa. F’determinazzjoni. F’azzjoni!

Is-sinsla ta’ dan il-ktieb huma ż-żjajjar lill-familji li Ivan jagħmel. Fil-kapitlu 15 Ivan jibdieh b’dan il-kliem: “Wieħed mill-isbaħ mumenti f’ħajti li qiegħed nagħmel huma ż-żjajjar fil-familji. Hemmhekk qed niltaqa’ mar-rejaltà umana. Nintebaħ li mhux kulma jleqq huwa deheb, għax għalkemm minn barra d-djar tagħna huma sbieħ, f’xi wħud minnhom hemm drammi u esperjenzi li jafu jtaqqlu l-qlub” (p.137).

Interessanti li, fl-istess kapitlu, li bih Ivan jagħlaq il-ktieb, il-kittieb jagħti kwadru tad-“daqqiet tal-pinzel li jimlew il-kwadru tal-ħajja tagħna li hija taħlita ta’ dwal u dellijiet” (p.138). Bħal kull politiku ieħor, hu ta’ liema partit hu, Ivan jiltaqa’ ma’ kulħadd. U, għaliex hu politiku, hi x’inhi l-konvinzjoni politika tiegħu, Ivan konvint li s-sempliċi fatt li jiltaqa’ man-nies dan jagħmel ħajtu sabiħa. Għalhekk f’qalbu hemm, bħal kull politiku ieħor, hemm post għal kulħadd. Ivan jistqarr:

“Tiġini f’moħħi dik l-anzjana li qed tgħix waħidha. It-toqol tas-solitudni tagħha huwa mħawwad ma’ biża’ li jibda’ dieħel f’darha ma’ nżul ix-xemx. Tiġini f’moħħi dik il-familja fejn hemm persuna b’diżabilità li tiddependi għal kollox mill-oħrajn. Mingħajr ebda ħjiel ta’ dubju l-ġenituri jgħixu għal dan il-wild. Ix-xena tal-missier jgħannaq b’idejh kbar lill-ibnu f’siġġu tar-roti tibqa’ ttimbrata f’moħħi.

Tiġini f’moħħi dik il-mara li żewġha ħalliha biex imur jgħix m’oħra. Issa martu marrdet bil-kanċer u qed tmut weħdiha bil-mod il-mod. Jiġuni f’moħħi dawk l-ulied li ommhom ħallithom biex marret issetiljat ma’ raġel ieħor. Jiġuni f’moħħi tant bnedmin li nħakmu mill-ansjetà u d-dipressjoni. Tiġini f’moħħi dik l-omm li daħlet id-dar tagħha, u sabitha vojtha. Kien binha stess li biegħ ġidha għad-droga.

Jiġuni f’moħħi djar fejn fihom hemm bnedmin li huma mgħaffġa fil-morsa tal-mard. Familjari tagħhom taħt xokk għax qalulhom ċar u tond li x-xjenza medika qatgħet qalbha minn xi ħadd li huwa demmek u laħmek. Jaraw id-dell tal-mewt wara kull kantuniera.

Tiġini f’moħħi dik l-omm bilqiegħda fil-kċina tad-dar tagħha quddiem frejm u xemgħa quddiemu ta’ binha li miet b’diżgrazzja” (pp 137-138).

Tiġini f’moħħi. Jiġuni f’moħħi. Hija r-ritornell ħaj ta’ kull politiku li jidħol b’imħabba għas-sejħa politika biex iservi u mhux biex jiġi servut. Hija wkoll ir-ritornell ta’ kull ċittadin li jħobb lil pajjiżna minn qalbu l-għaliex iħares lejn il-poplu Malti bħala ħuħ u oħtu. Hija r-ritornell eżiżtenzjali ta’ kull Nisrani, u, fuq kollox, ta’ kull saċerdot u raġel u mara ikkonsagrati lil Alla. L-għaliex, jekk aħna ma naqdux lill-Mulej fil-poplu tiegħu, fejn Hu stess jgħidilna li kien bil-ġuħ u tmajnieh, bil-għatx u sqejnieh, li kien marid u fil-ħabs u żornieh, li kien imnikket u smajnieh, li kien imħawwad u tajnieh direzzjoni, allura x’qegħdin nagħmlu? Naħlu ż-żmien? Niffrustraw ruħna?

Adelante, jiġifieri “ibqa’ miexi”, huwa l-ktieb tiegħi u tiegħek. Int min int. Temmen jew ma temminx. Fi tlettax-il storja li jippreżenta l-kittieb hemm għerf il-ħajja li qed jistenniek. U jistennieni. Tinsiex: l-eżempju jkaxkar!

Tibżax jekk int fil-qiegħ bla qiegħ. Għalik idda dawl. Akkwista kopja tal-ktieb Adelante. Qum u imxi!

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: