Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Qaddisa, armla, omm u filosfa

Qaddisa, armla, omm u filosfa


Patri Mario Attard OFM Cap

Kull mara taspira li fil-ħajja tilħaq il-qofol tal-femminilità tagħha. Kull mara taspira li tagħmel differenza fl-ambjenti li fihom tgħix. Għax, tabilħaqq, kull mara hija, fil-fatt, sagrament tal-imħabba tal-Mulej għalina l-bnedmin!

Dan kollu nista’ nilmħu fil-ktieb sabiħ li għadu kemm ħareġ il-ħabib tiegħi, Patri Salvinu Caruana OSA, dwar Santa Monnika. It-titlu ta’ dan l-istudju interessanti u dettaljat huwa Monnika, Qaddisa, armla, omm u filosfa. L-ewwel ħaġa li laqtitni f’dan il-ktieb kienet il-fatt li Patri Salvinu ma jieħux sempliċiment il-ħajja ta’ Santa Monnika għaliha waħedha. Ma jittrattax il-ħajja ta’ Santa Monnika bħal donnha maqtugħa għal kollox minn dik ta’ binha Wistin. Għall-kuntrarju. It-taħriġ patristiku tiegħu wasslu biex idomm jew aħjar jislet ħajjet Monnika minn dak li ħallielna miktub fuqha Wistin. L-aktar fil-kwadru li jagħtina dwar ommu fl-Istqarrijiet. Fil-fatt, fl-introduzzjoni tiegħu għall-ktieb, Patri Salvinu jikteb hekk: “Għaldaqstant, f’dan il-ktieb sejjer ningasta l-ħajja ta’ Monnika mhux biss fid-dawl ta’ dak li nafu dwarha mill-ġrajjiet u l-fatti li naqraw fl-Istqarrijiet, iżda wkoll minn kif Wistin innifsu xtaq li tinqara, jiġifieri fil-kuntest ta’ dak kollu li seħħ tul ħajtu fid-dawl tat-twemmin, tat-tifsira, u tat-tagħlim teoloġiku li ħallielna” (p.8).

Element importanti fil-ħajja tal-qdusija ta’ din il-mara mhux tas-soltu, kif jippreżentahulna tant tajjeb Patri Salvinu, huwa l-fatt li Monnika hija l-mara li taqdi. Din il-kwalità evanġelika li kellha mnaqqxa fiha kibret, tista’ tgħid, magħha. Santu Wistin isemmilna fl-Istqarrijiet dwar kif Monnika “qdiet kemm il-missierha u l-ommha, kif ukoll lil binha u ħbiebu ġewwa Kassiċijaku fejn fis-sena 386: hija ħadet ħsiebna daqs li kieku kienet hi li wellditna lkoll, u qdietna bħalli kieku kienet ġiet imwielda minna ilkoll” (p.27).

F’soċjetà, bħal dik Rumana, li fiha Monnika għexet, fejn mhux l-ewwel darba li l-mara kienet issofri l-vjolenza tas-swat, din il-mara sofriet moħqrija? Filwaqt li nħalli din il-kurżità għall-qarrej li se jixtri l-ktieb nixtieq ngħid biss li Monnika, “fejn nisa oħrajn, sħabha u ġirien, baqgħu taħtha s-sitwazzjoni, hija, b’raġel qalil bħalma kien Patrizju, u b’iben li għalih kienet ħasbet li sejra tagħti ħajjitha, xorta waħda seħħilha toħroġ il-qawwiet kollha tagħha sakemm rebħithom it-tnejn għas-sewwa!” (p.34).

Ħafna huma tabilħaqq midħla tat-tbatijiet li għaddiet minnhom Monnika minħabba l-ħajja laxka li kien jgħix binha Wistin. Patri Salvinu jfakkarna f’dan id-dettall kruċjali fil-ħajja tal-qaddisa. “Monnika, ta’ mara twajba li kienet, mhux ħlief kienet titlob għalih u twissih: Għax hi riditni – għad għandi f’moħħi t-tifkira tal-ħeġġa bla qjies li kienet twissini biha- riditni nitbiegħed miż-żina, u l-iżjed biex ma nitħallatx man-nisa tal-oħrajn” (p.36).

Omm dejjem tibqa’ omm! Hemm araha titlob u taqsam qalbha għal binha li qed jagħmel fattieh! Aktar u aktar meta ratu jitħawwad fit-tagħlim tas-setta tal-Mannikej. Fis-seba’ kapitlu tal-ktieb u li għandu bħala titlu Teħbira ta’ Isqof, Patri Salvinu jiddeskrivi b’ħila kbira l-magħruf parir li kien taha dan l-isqof li ismu ma nafuhx!

“Wieħed isqof li Monnika ma riedet tħallih b’xejn bi kwietu qabel ma dan jitkellem ma’ binha Wistin sabiex jurih f’liema żball kien waqa’ kienet iva tistabar tisimgħu ifissrilha kif dan binha hekk għaref, ġurnata waħda kien żgur li jintebaħ b’liema żball kien waqa’ meta kien issieħeb mal-Mannikej: Hi baqgħet tisimgħu iżda riditx toqgħod bi kwietha, anzi bit-talb u b’ħafna biki kompliet tissikkah biex jarani u jitħaddet miegħi, sa ma fl-aħħar dejqitu u kważi tellfittlu sabru. Hekk sabiex forsi jeħles minnha tennielha dawn il-kelmiet imnebbħa dwar binha: Ħallini, qalilha, għax żgur daqs kemm int żgur hawn, li iben ta’ dan id-dmugħ kollu ma jistax jintilef”(p.37).

Nista’ inħalliekom taħsbu kemm ferħet Monnika meta rat lil binha Wistin isir Nisrani Kattoliku! Fil-Kapitlu 12 Patri Salvinu jagħti deskrizzjoni mill-isbaħ ta’ din il-ġrajja hekk kbira mhux biss fil-ħajja ta’ Monnika u dik ta’ binha Wistin imma wkoll għall-Knisja u l-umanità kollha. Bħas-soltu l-awtur iħalli lil Wistin jirrakkonta hu stess dak li għadda minn għalih.

“F’dan il-ġnien, f’dagħdigħa ta’ niket li kien għoddu wasslu sabiex jitlef moħħu stqarr li: F’daqqa waħda mid-dar fil-qrib wasalli leħen, ma nafx kienx ta’ tifel jew tifla, ikanta u jtenni sikwit: ‘Ħu f’idejk u aqra, ħu f’idejk u aqra’. Wistin mingħajr ma jaf kif u x’fatta, telaq b’ġirja waħda ħdejn sieħbu Alipju, ħataflu l-ktieb li kien qiegħed jaqra, l-Iskrittura, u fetaħha bl-addoċċ u sebgħu daħal fuq paġna mill-ittri ta’ S. Pawl Appostlu, dik tar-Rumani: Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbaħrid, mhux bil-ġlied u l-għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.

Wara li għalaq il-ktieb Wistin u Alipju daħlu ġewwa:

… ħdejn ommi u ferrħet meta għidnielha kollox. Fissirnielha xi ġralna u bdiet taqbeż bil-ferħ u l-hena. U bierket lilek, li għandek il-qawwa li tagħmel kollox wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu, għax rat li int kont tajtha wisq iżjed milli kienet dejjem titolbok bid-dmugħ u t-tnehid imsejken tagħha. Għax int tant reġġajtni lejk li ma bqajtx infittex żwieġ jew nittama f’xi ħaġa tal-art; jien issa kont wieqaf fuq it-travu tal-fidi fejn inti wrejtilha lili sa minn ħafna snin qabel; int bdiltilha l-għali f’ferħ wisq iżjed milli xtaqet, ferħ aktar għażiż u safi minn dak li stenniet li se ssib fl-ulied imnissla minni” (pp. 59-60).

L-aħħar dettall li nixtieq insemmi minn dan il-ktieb ferm sabiħ, li ħareġ mill-idejn għalliema ta’ Patri Salvinu, huwa dak li nsibu f’kapitlu 8. It-titlu ta’ dan il-kapitlu hu: Monnika mara li tħobb is-sliem. L-awtur jiftaħ dan il-kapitlu bi kwotazzjoni mill-isbaħ tal-Istqarrijiet 9, 9,21.

“Jekk tnejn kien ikollhom xi jgħidu u ma jiftehmux, kienet tfittex li ġġib is-sliem bejniethom kemm tista’; jekk tisma’ waħda minnhom tpaċpaċ ħafna diskors iebes kontra l-oħra u toħroġ il-qilla u l-mibegħda tagħha bi kliem ta’ ħsara minn wara dahar il-ħabiba l-oħra, kif jiġri meta wieħed jinkwieta ruħu u jitbaqbaq bit-tilwim, ommi ma kienet tgħidilha xejn fuq l-oħra ħlief dak li bih setgħet tħabbibhom mill-ġdid” (p.43).

Xi prattiċità ta’ mara! X’attitudni sabiħa quddiem nuqqas li, b’xorti ħażina, minkejja daqshekk żmien, għadu tant idur fostna. Bħall-iljun lest lil min jibla’! Id-diskors kontra xulxin!

Il-ktieb Monnika, Qaddisa, arma, omm u filosfa, huwa l-ktieb li kull mara għandu jkollha fil-librerija personali tagħha. Dan il-ktieb huwa ta’ ġid kbir għall-mara tallum biex, bl-ispirazzjoni li tirċievi minn Monnika, tkun tista’ tgħix il-femminilità tagħha b’differenza! U int raġel, kun ukoll differenti minn sħabek l-irġiel l-oħra billi tirregala dan il-ktieb sabiħ lill-mara ta’ ħajtek! Permezz tal-ħajja ta’ Santa Monnika għinha tkun tassew għalik il-mara li f’ħajtek tant għandek bżonn.

Issibu tixtru dan il-ktieb mill-Kunvent ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta, miċ-CAK, mill-librerija Preca u f’Għawdex minn Lumen Christi.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: