Home > Minn Patri Silvestru Bonavia OFM cap, Ġenerali > Iż-Żjara tal-Papa Franġisku fl-Isvezja fil-31 t’Ottubru

Iż-Żjara tal-Papa Franġisku fl-Isvezja fil-31 t’Ottubru


Minn Patri Silvestru Bonavia

X’ġara eżatt 500 sena ilu u x’ser jiġri għada

L-aħħar jum t’Ottubru 500 sena ilu, eżattament is-sena d-dieħla, huwa jum imniżżel fl-istorja bħala l-bidu ta’ dik li ġiet imsejħa “Riforma Luterana”. Dak inhar ħadd m’għaddielu minn moħħu x’kellhom ikunu l-effetti tagħha! Illum wara 500 sena, l-istudjużi li m’għandhom ebda passjoni reliġjuża, kemm kattoliċi kif ukoll insara oħrajn, iħarsu lejn il-fatti mod ieħor. Biż-żejjed wieħed jara d-Dokument Mill-Konflitt għall-Komunjoni li ħareġ fl-2013 mill-Kummissjoni Luterana u Kattolika għall-Għaqda magħmula minn 22 studjużi tal-ogħla livell mid-dinja kollha wara snin twal ta’ studji u laqgħat u talb flimkien. Ma nistgħux inħallu barra s-sehem kbir tal-istudjuż kattoliku Joseph Lortz (1887-1975) li ta spinta qawwija b’mod speċjali bl-istorja kritika tiegħu tar-Riforma fil-Ġermanja u bl-ispirtu ekumeniku kbir li ġa kellu ħalla effett fuq il-Konċilju Vatikan II.
luteruGħaliex id-data tal-31 ta’ Ottubru? Għax dan il-jum li fih Martinu Luteru xandar bil-kitba l-ħsibijiet tiegħu f’95 sentenza dwar il-ħtieġa ta’ bidla fil-Knisja. Din id-data hija meqjusa bħala l-bidu tar-Riforma. Għalhekk nhar it-Tnejn jibdew laqgħat fuq livell dinji u dak inhar ser ikun preżenti l-Papa Franġisku. Avveniment veru storiku li qatt ma seħħ!

U għaliex dan ser isir f’Lund? Għax fl-1947 hemmhekk twaqqfet il-Federazzjoni Luterana Dinjija li mill-Konċilju Vatikan II qegħeda f’kuntatt bla ma jaqta’ mas-Segretarjat tal-Knisja għall-Għaqda tal-Insara.

Imma x’kien ġara eżatt fil-31 ta’ Ottubru 1517?

Ġrajjiet komplikati ħafna

Mhux ħaġa ħafifa li fi ftit kliem tirrakkonta ġrajjiet bosta kkumplikati li seħħew; wisq aktar kif dawn ġew interpretati sa mill-bidu ’l bogħod mill-ħsieb ta’ min għamilhom! Martinu Luteru, patri agostinjan, kien ilu jistudja bis-sħiħ u jitħabat miegħu nnifsu u mal-kotba biex jiskopri ’l Alla Ħanin. Kien ħerqan ħafna ikun jaf hux qed jagħmel biż-żejjed biex iħobb ‘l Alla u jifhem il-Ħniena Kbira tiegħu. Barra minn dan kien midħla tal-ġrajjiet li kien qed jara jseħħu quddiemu fil-Knisja, l-aktar f’ċerti nħawi u f’setturi partikulari tagħha. L-għajta ta’ “riforma” fil-Knisja, fuq kollox għall-mod kif kien jiġi mgħajjex l-Evanġelju, kienet ilha tidwi mijiet ta’ snin. Kienu bosta l-inizjattivi li saru imma l-frott kien ftit u ma kienx dejjiemi.

L-Indulġenzi

Kien f’dawk is-snin li feġġet il-problema tal-Indulġenzi. X’kien ġara? Il-Knisja kienet teħtieġ għajnuna mill-poplu nisrani għaż-żamma ta’ ħidmietha. Il-Papa Leone X (1513-21) kien qed jistinka biex ilesti l-bini tal-Knisja ta’ S. Pietru f’Ruma. L-insara kienu mħeġġin joffru minn dak li kellhom biex dan iseħħ. Min kien jagħmel dan kien jaqla’ l-maħfra tal-piena temporali li kien ikun fadallu wara li jkun qala’ l-maħfra ta’ ħtijietu bis-Sagrament tal-Qrar. Dan kien inkuraġġiment biss; imma mill-ewwel, bejn xi abbużi li kienu jistgħu u fil-fatt seħħew, u bejn għax mhux ħaġa ħafifa twassal il-messaġġ kif kellu jkun, u żgur kien hemm min kellu wkoll xi intenzjonijiet lil hemm mill-verita’, l-impressjoni li ngħatat kienet “il-bejgħ tal-indulġenzi”. Meta Luteru ra dan kollu, huwa fassal 95 sentenza, imsejħin “teżijiet”, u bagħathom lill-Isqof tiegħu biex jiddiskutihom anke fil-pubbliku. Dan seħħ eżatt fil-31 ta’ Ottubru 1517.

Ruma kien hemm diversi li kienu ġa kontra tiegħu. Fosthom il-kardinal Tumas Cajetanus (1469-1534) li probabbli ġibed oħrajn miegħu wkoll! Aktar w’aktar, Luteru ma ngħatax iċ-ċans li jiddiskuti l-istqarrijiet tiegħu. Barra minn hekk, dak kien żmien meta l-istampa bdiet turi l-qawwa tagħha u l-ideat bdew jixterdu b’aktar ħeffa!

L-indħil tal-gvernijiet u l-politiċi

Fattur importanti ħafna kien l-indħil ta’ diversi prinċpijiet u setgħat temporali b’mod speċjali mill-Ġermanja. Dawn b’mod jew b’ieħor kienu qed iberrnu kif jinħelsu minn dik li kienet il-qawwa tal-Knisja fir-renju temporali li kellha li kien jinfirex sewwa ‘l hemm minn Ruma, kif ukoll f’tant pajjiżi tal-Italja u fl-Ewropa ta’ Fuq. Uħud mill-prinċpijiet tal-Ġermanja raw fil-kwestjonijiet li kien nqalgħu pretest qawwi biex huma wkoll jinqatgħu minn Ruma u mill-Papa.

Ma’ dan kollu wieħed irid żid li l-istoriċi li kitbu l-ġrajjiet ta’ dak iż-żmien kienu jiddependu kważi għal kollox minn għajn waħda: il-kummentarji miktuba minn Johannes Cochaleus (1479-1552). Dan kien ħabib tad-Duka tas-Sassonja li kien għal kollox kontra Luteru. Mhux biss imma dawn il-kummentarji li nkitbu tard f’ħajtu baqgħu l-bażi kważi waħdanija għall-interpretazzjoni tal-istorja tar-Riforma sa nofs is-seklu 19. F’dawn l-aħħar 70 sena u aktar, l-istoriċi minn kull naħa ħadmu flimkien għax l-iskop huwa l-verita’ u mhux il-polemika. Dan għamlet il-Kummissjoni Luterana-Kattolika fil-għadd ta’ Dokumenti maħruġa mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn, fosthom dak li ġa semmejt “Mill-Konflitt għall-Komunjoni”.

Papa Franġisku jieħu sehem

fr1-swedenFid-dawl ta’ din il-mixja ekumenika flimkien, nhar it-Tnejn 31 ta’ Ottubru, il-Papa ser ikun fl-Isvezja. Wara li jkun iltaqa’ mal-awtoritajiet u żar il-familja rjali, huwa jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ta’ talb fil-Kattidral Luteran ta’ Lund. Flimkien mal-mexxejja tal-Federazzjoni Luterana Dinjija huma jroddu ħajr ’l Alla ta’ dan il-qbil komuni u l-mixja li saret b’mod speċjali mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn. Fl-istess waqt itennu għal darb’oħra t-talba ta’ maħfra lil Alla għan-nuqqasijiet kontra xulxin u hekk flimkien iġeddu u jsaħħu l-impenn għal aktar xhieda mgħaquda għal li ġej. Ix-xhieda flimkien, fl-imħabba vera, – ukoll jekk mhix sħiħa – imma żgur li aktar titwemmen quddiem dinja maqsuma f’tant bċejjeċ. Quddiem in-nuqqas ta’ twemmin u l-ostilita’ għal Ġesu’ u l-messaġġ tiegħu, Papa Franġisku jkompli jirrepeti: huwa Ġesu’ waħdu li kapaċi jgħin lill-bniedem illum jgħix id-dinjita’ tiegħu sħiħa bħala bniedem. Dan jgħinu mbagħad jgħix fil-paċi, fil-għaqda, solidarjeta’ ma’ min huwa nieqes, ma min qed ibati jew ippersegwitat, ma’ min qed ifittex għixien aħjar b’tant periklu kbar għal ħajtu stess. Din kienet it-tifsira u l-messaġġ kollu tal-Ġublew tal-Ħniena. Iċ-ċelebrazzjoni mbagħad tkompli fl-Arena ta’ Malmo biex aktar eluf ikunu jistgħu jieħdu sehem. Wara, il-Papa jiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ diversi knejjes fi spirtu ekumeniku.

Fl-1 ta’ Novembru, il-Papa jmexxi quddiesa fi Swedbank stadium, f’Malmo.

Ejjew inkunu xhieda tajba, nibda jien hawnhekk, issa. Bħalma kien jagħmel S. Franġisk, bħalma qed jagħmel Papa Franġisku. Huwa qed jurina lil S. Franġisk ħaj, mhux bħala fqajjar ma jista’ jagħmel xejn imma Mexxej qalbieni, b’viżjoni u b’kuraġġ li qed ikompli bil-qawwa l-bidla li trid titwettaq għall-ġid tal-istess Knisja u tal-umanita’ llum.

  1. Anonymous
    October 31, 2016 at 1:02 pm

    Prosit well explained what happened 500 yrs.ago and all about the Lutern reform quite
    interesting and appreciate more Pope Francis visit to Sweden.

    Rose Marie Zammit

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: