Ritratt bla kliem


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan ir-ritratt il-midja internazzjonali nistgħu ngħidu li xorbietu! Dan ir-ritratt li terraq mal-erabat irjieħ tad-dinja u li jirrappreżenta tifel miġrugħ fl-abbulanza tista’ tgħid li ħasad lil kulħadd. Ilkoll nafu minn liema pajjiż ġej. Anki l-belt li fiha ittieħed nafuha. Is-Sirja! Aleppo!

Il-gwerra fis-Sirja m’hemmx li tieqaf. Min jista’ jibqa’ kwiet f’qalbu u fil-kuxjenza tiegħu meta jaf li, f’dan il-pajjiż mhux daqshekk imbiegħed minn tagħna, ilu għaddej dan il-banju tad-demm ta’ nies ċivili għal dawn l-aħħar erba’ snin? X’sar minnhom il-mijiet ta’ eluf li mietu? U, fuq kollox, x’qed isir tabilħaqq minnhom l-eluf kbar ta’ nies li kellhom iħallu djarhom biex ikomplu ħajjithom f’pajjiżi oħra? Ilkoll naraw it-televiżjoni. Nafu tabilħaqq x’inhu jiġri! Kif tista’ l-qalb umana ma tħossx? Kif tista’ l-qalb tal-bniedem ma tintmessx?

Imma attenti! Ejjew issa ma nesaġerawx! Ejjew ma nieqfux fuq il-jaħasra u l-imsieken biss biex imbagħad nagħlqulhom il-fruntieri. U ma rriduhomx jersqu lejn pajjiżna. Ejjew ma nkunux aħna stess li inwaħħlulhom it-tabella ħarxa li waħħlu lil “Dak li ġie f’daru u niesu ma laqgħux” (Ġw 1:11). Jiġifieri li dawn in-nies jaqilgħu l-inkwiet. Jew agħar, li huma terroristi! Jekk niġu f’dan it-terrorist huwa dak li jispara bl-addoċċ fuq il-folla. U dak li jisplodi lilu nnifsu b’bomba qalb ħafna nies. Naf! Forsi f’moħħok mort mill-ewwel għall-ISIS, l-Istat Iżlamiku. Imma bil-mod! L-ISIS nista’ inkun jien meta inparla kif ġie ġie fuq il-proxxmu tiegħi. Meta naqbad u lil dawn in-nies nitfagħhom f’basket wieħed u nlaqqahom “terroristi”. Meta, waqt il-paroli irresponsabbli tiegħi, ma niddistingwix. Aħseb u ara kemm, qabel inparla, nagħrbel ftit x’inkun se ngħid. Meta, l-għaliex għandi d-dritt li nesprimi l-opinjoni tiegħi, naqbad ngħid dak li jiġi f’ilsieni. U niġi naqa’ u nqum mill-konsegwenzi ta’ dak li nkun għedt. Meta, b’diskorsi, nitlef id-dinjità tiegħi l-għaliex insir ċarlatan, ċarlatana. Iva, għax skont Papa Franġisku, dak il-Papa li jien tgħidx kemm niftaħar bih, u nagħmel sewwa għax awtentiku, iċ-ċarlatani huma tabilħaqq terroristi. L-għaliex huma preċiżament dawk li jitfgħulek bomba b’kelma żejda li jgħidu imbagħad jitilqu u jħallu straġi warajhom.

Dak it-tifel, daqshekk miġrugħ, li min jaf kemm kien jieħu gost jilgħab ma’ sħabu, lilu ġiet imċaħħda t-tfulija tiegħu b’tant kefrija. Fuqu sar l-eħrex attentat. Ġiet misruq l-aqwa u l-isbaħ żmien ta’ ħajtu. Iż-żmien tat-tifkiriet. U la t-tfulija tiġi fuqna darba biss dan it-tifel ġie mċaħħad miż-żmien tad-deheb li joħlom. Għaliex fuqhiex verament issa jista’ joħlom? Fuqhiex se jieħu gost jiftakar? Jekk, fl-immaġinazzjoni tiegħu, ħlief bini mwaqqa’ ma jarax? Inkella ħlief id-dar li kien fiha u ra nieżla quddiemu b’bomba li ġerrħietu ma jilmaħx? Liema ħoss dan it-tifel se jisma’ f’widnejh? Żgur li mhux il-ħoss sabiħ tal-għasfur tal-għana. Inkella dak tal-ilma ġieri. Li, min jaf kemm is-Sirja kienet mimlija bih. Għall-kuntrarju! Dan it-tifel se jisma’ l-ħoss tal-bomba li niżlet bla ħniena ta’ xejn fuq daru. Inkella l-machine gun jew il-kanun li jisparaw bla ħniena basta joqtlu lill-avversarji tagħhom. Min jaf jekk waħda minn dawk il-bombi li ntefgħet qatletx ukoll lil xi wħud mill-familja tiegħu? X’jistgħu jisimgħu aktar dawn il-widnejn ċkejkna u ħelwin ta’ dan it-tifel jekk mhux l-għajjat iddisprat tan-nies li qed jaħarbu? Inkella l-biki u x-xegħir għat-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom? X’jistgħu jisimgħu dawn il-widnejn innoċenti jekk mhux il-krieb tal-persuni midruba fit-tiġrib li qed jgħajjat l-għajnuna?

Iżda dan it-tifel, daqshekk miġrugħ, ifakkarna wkoll f’rejaltajiet oħra li huma ħafna lil hinn mis-Sirja. Rejaltajiet li jinsabu anki fostna, f’pajjiżna. Rejaltajiet li mhux dejjem jiġu irrappurtati fil-midja. Rejaltajiet iżda li l-konsegwenzi tagħhom qiegħdin iħallu effetti tabilħaqq diżażtrużi fl-imħuħ u fil-qlub ta’ ħafna nies. Jiġuni iva bħalissa dawn ir-rejaltijiet, li nistħajjilhom donnhom photoshoots, waħda wara l-oħra, ta’ dawk it-tfal li huma vittmi tas-separazzjonijiet u tad-divorzji. Dawk it-tfal li daqqa jsibu ruħhom għand il-missier u daqqa għand l-omm. Imbagħad, dawn it-tfal, biex tgħaxxaqha, jiġu mitmugħa tilja kliem xewwiexi ta’ min ikun qed iżommhom u suppost ikun qed jieħu ħsiebhom f’dawk il-jiem. Sintendi, dan il-kliem ikun dirett kontra dawk li għandhom jiġu għalihom l-għada. U le! X’jien ngħid? Sa siegħa oħra! U, dawn it-tfal, għalkemm daqshekk żgħar, jibdew iva iduqu minn kmieni t-tbatija ta’ x’jiġifieri tkun fl-imħabba tal-familja u tispiċċa, b’tant kefrija, mitfugħ u mitfugħa ‘l barra minnha bid-daqqiet ta’ sieq. Min ilumhom lil dawn it-tfal jekk, meta jikbru, ifettlilhom jieħdu falza stikka u jaqbdu t-triq il-ħażina? Arahom! Ismagħhom! Innutahom sewwa! Sa minn kmieni qiegħdin jiġu mitmugħin kliem il-firda! Moħħhom diġà qed jiffoka fuq in-negattiv. Fuq il-pika. Kliemhom mimli vendetta. Anki dik magħmula bil-pulit! Donnhom l-ewwel waħda li jitgħallmu jwettqu! Imbagħad moħħhom qed jiġi intunat biex jisma’ dak il-kliem xewwiexi li jaqta’ u jifqa’ l-qlub. Kliem li jiżra’ ż-żerriegħa tal-mibegħda u l-istmerrija fil-qlub!

Imbagħad hemm it-tfal li ġew abbandunati mill-ġenituri tagħhom. It-tfal li, għal xi raġuni jew oħra, il-ġenituri tagħhom kellhom jagħtuhom għall-adozzjoni. Tfal li qatt ma raw lil dawk li ġabuhom fid-dinja. Tfal li aħna, li għandna minn kollox, tant kemm niftakru fihom fil-Milied u fl-Ewwel tas-Sena. Forsi biex inħossuna li qed nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid magħhom iżda, matul is-sena, donna ninsewhom għal kollox. Qishom qatt ma eżiżtew.

L-istess espressjoni, li tmiss il-qalb, ta’ dan it-tifel miġrugħ, tinstab titliegħeb fuq l-uċuħ ta’ tfal mingħajr uċuħ. Iva. Ta’ dawk it-tfal li ġew maqtula bl-abort. Li ma ngħatawx lanqas biss iċ-ċans li jgħidu l-kelma għażiża u sabiħa ta’ “Mà” u “Pà”. Dawn it-tfal, ilkoll kemm huma, ukoll qiegħdin quddiemna f’din il-photoshoot rejali u drammatika. Dawn it-tfal qiegħdin jgħajtu bil-ħerqa, forsi xi gvern dinji jismagħhom. “Ħassru l-liġijiet li lilna ma jippermettulniex li niġu imnissla u mwielda! Ħassruhom! Ħalluna ngħixu! Għandna dritt li ngħixu!” Darba minnhom qalbi ħarġet meta persuna, barranija, irrakkuntatli storja ta’ mara li għamlet mal-għaxar aborti. Xi storja ta’ niket u swied il-qalb kienet din! X’uġiegħ!

Iżda l-uġiegħ li hemm fuq wiċċ dan it-tifel Sirjan huwa l-istess uġiegħ ta’ tfal abbużati sesswalment u emozzjonalment. Huwa l-istess wiċċ tat-tfal li jiġu mħaddma, sa’ mill-età tenera ta’ erba snin, fil-ħjata u, ix-xogħol tagħhom, jinbiegħ il-belli liri! U kif nista’ nixtri dak il-prodott sabiħ, anki jekk isebbaħli dari, meta naf li ġie magħmul minn dawn l-ilsiera ċkejkna? Tista’ l-kuxjenza tħallini kwiet u kwieta li nagħmel dan? Kif nista’ nikkollabora b’mod pulit ma’ dan il-jasar? Kif nista’ nagħti r-riħ lil min qed jaħqarhom biex jissokta jixxala f’din il-kefrija?

Dan it-tifel! Miġrugħ! Imbellaħ b’dak li ġralu! Ritratt ta’ tfajjel imnikket! Li bħalu, fis-skiet, hawn bil-biżibilju! … Ritratt bla kliem!

  1. pullu frendo
    October 20, 2016 at 4:48 am

    Veru dan l-artiklu ‘Ritratt bla kliem’ ihallik bla kliem. Grazzi Father.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: