Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Dawk li jfittxuk b’qalb safja

Dawk li jfittxuk b’qalb safja


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-ħajja bl-istaġuni tagħha. Imma, fost ħafna ħallel u maltempati, jasal dak il-perjodu fejn ix-xemx ħanina, f’nofs il-jum sbejjaħ, tibda’ tiddi u ħajja ttina!

F’wieħed minn dawn il-mumenti daqshekk sbieħ u mbierka tfaċċat għalija wkoll din ix-xemx. Li, mal-għannej, ngħidilha minn qalbi: “Xemx wisq sabiħa! Lilek inħobb! Ġawhra ta’ qalbi. Lilek irrid!”

U din ix-xemx, li m’hijiex sempliċiment nostalġija mbegħda daqskemm ħajja mistoħbija wara l-kantuniera, reġgħet feġġgħet għalija. U feġġgħet fl-aktar talba li tant inħobb nitlob ta’ kuljum. Bħala Patri sempliċi. Imma li, fl-idejn sempliċi u moħbija tiegħu, jiġi fuqhom is- Sultan tas-Slaten, is-Sid tas-Sidien. Qed nirreferi għall-quddiesa mqaddsa.

Ix-xemx feġġgħet għalija meta bdejt nitlob ir-raba’ talba Ewkaristika. Dik it-talba li tissejjaħ ukoll it-Talba tar-Rikonċiljazzjoni. Kliemha huwa tant sabiħ. Jinżilli għasel kull darba li nitolbu mal-miġemgħa ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu Sidna. Kliemha iħoll il-ġewwieni tiegħi. Għalhekk inħossni ferm tajjeb kull darba li nagħżel lilha meta jkolli l-grazzja linqaddes il-quddiesa.

It-talba tibda’ biex tfaħħar lill-Missier qaddis, għall-kobor, l-għerf u l-imħabba tiegħu li bihom ħalaq kollox. It-talba tfaħħru għall-bniedem li ħalaq, għad-dinja u għall-funzjoni tal- bniedem fiha. Jiġifieri dik li jaqdi lill-Mulej waħdu. Imma l-bniedem dgħajjef. Kisirha ma’ min iħobbu. U l-Missier, ta’ Missier li hu, ħenn għalih. Ma ħalliehx waħdu. Beda’ l-Missier mixja ta’ ħniena mal-bniedem. Bagħtlu l-profeti li rawmuh jistenna s-salvazzjoni. Sakemm fl-
aħħar, fil-milja taż-żminijiet, wasal fostna s-Salvatur waħdieni tagħna, Ġesù Kristu. Tgħidilna
t-talba, “sar bniedem mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni, għadda ħajtu fostna, u
kien bħalna f’kollox minbarra fid-dnub”.

Dan Ġesù kien speċjali man! “Huwa wassal il-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni lill-imsejknin, il- fidwa lill-imjassrin, il-ferħ lill-imnikktin”. Mhux biss! Imma “ta lilu nnifsu għall-mewt, u bil- qawmien tiegħu mill-imwiet qered il-mewt u ġedded il-ħajja”. U ġeddidha fil-milja tagħha billi bagħat “fuq dawk li emmnu … l-aqwa don, l-Ispirtu s-Santu, biex itemm fid-dinja l- ħidma tiegħu u jagħti l-milja tal-qdusija”.

It-talba imbagħad issejjaħ lill-istess Spirtu s-Santu biex jogħġbu jqaddes l-offerti, tal-ħobż u l-inbid flimkien biex isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu. It-talba iddaħħalna fil- kuntest storiku ta’ dik is-siegħa li biha Ġesù jiġi imsebbaħ mill-Missier. Dan Ġesù “li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar”. Tant li “ħa l-ħobż, bierek, qasam, ta lid-dixxipli tiegħu, u qal: ĦUDU U KULU LKOLL MINN DAN: GĦAX DAN HUWA ĠISMI LI JINGĦATA GĦALIKOM.” Imbagħad, dan Ġesù, fis-saċerdot midneb, jerġa’ “jieħu f’idejh il-kalċi bl-inbid”, irodd il-ħajr, jagħti lid-dixxipli tiegħu u jgħid: ĦUDU U IXORBU MINNU LKOLL: GĦAX DAN HUWA L-KALĊI TA’ DEMMI TAL-PATT IL- ĠDID LI JIBQA’ GĦAL DEJJEM: ID-DEMM LI JIXXERRED GĦALIKOM U GĦALL- BNEDMIN KOLLHA GĦALL-MAĦFRA TAD-DNUBIET. AGĦMLU DAN B’TIFKIRA TIEGĦI.

U wara għemil daqshekk tal-għaġeb is-saċerdot, mal-miġegħma li temmen, ixandru flimkien
bil-ferħ il-qawmien ta’ Ġesù u jistennewh sa ma jiġi fil-glorja. Quddiem il-preżenza ħajja ta’
Ġesù s-saċerdot jitlob lill-Missier li aħna l-miġemgħa waqt li “niċċelebraw it-tifkira tal-fidwa
tagħna, niftakru fil-mewt ta’ Kristu u fl-inżul tiegħu fl-imwiet, nistqarru l-qawmien tiegħugħall-ħajja u t-tlugħ fil-lemin tiegħek aħna u nistennewh jiġi fil-glorja, noffrulek il-Ġisem u d-Demm tiegħu, is-sagrifiċċju li jogħġob lilek u li jiswa għas-salvazzjoni tad-dinja kollha”. Wara li s-saċerdot jitlob għall-Papa, għall-Isqof tal-post u għall-Isqfijiet kollha tad-dinja, għas-saċerdoti, għad-djakni u għall-poplu hemm frażi li lili issammarni: “Ftakar, mela, Mulej, … fil-bnedmin kollha li jfittxuk b’qalb safja”.

Hawnhekk id-dmugħ jibda’ iġelben ma’ ħaddejja. L-għaliex niftakar f’ħija u l-ħabib kbir tiegħi li ta ħajtu għall-morda fl-isptarijiet tagħna: Patri Rafel Ellul OFM Cap. Il-Patri li tant kien jitlob din ir-Raba’ Talba Ewkaristika minn qiegħ qalbu. Bit-tbissima ta’ tifel innoċenti u b’qalb kbira mimlija ġenerożità.

Huwa dan il-Patri li lili f’ħajti għallimni xi tfisser tfittex lill-Mulej b’qalb safja! Grazzi Patri Rafel! Itlob għalija! U għalina!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: