Home > Minn Patri Silvestru Bonavia OFM cap > Pass ieħor storiku fil-mixja Ekumenika

Pass ieħor storiku fil-mixja Ekumenika


Publikat fid-DAWL FRANGISKAN, Ottubru 2016
Minn Patri Silvestru Bonavia OFM cap

fr1-luterani
Waqt żjara li l-Papa Franġisku kien għamel fi knisja luterana f’Ruma fil-15 ta’ Novembru 2015 huwa kien ta kalċi bħala rigal lil-Luterani.

Ix-xahar ta’ Ottubru 2016 ser jimmarka jum ieħor storiku kbir fil-ħidma ekumenika tal-Knisja Kattolika mal-knejjes u komunitajiet insara l-oħra. Għall-ewwel darba, Papa Franġisku ser jieħu sehem f’ċelebrazzjoni fil-bidu tas-sena tifkira tal-500 sena mill-bidu tar-Riforma Luterana fis-seklu sittax. Iċ-ċelebrazzjoni ser issir flimkien bejn il-Knisja Kattolika u l-Federazzjoni Internazzjonali Luterana (FIL), b’kumitat organiżżattiv wieħed, fl-aħħar jum ta’ dan ix-xahar. Din ser tkun l-ewwel darba li din it-tifkira ser issir flimkien u wisq aktar li l-Papa nnifsu ser jieħu sehem. Il-31 ta’ Ottubru huwa l-anniversarju eżatt meta Martinu Luteru dendel il-95 teżi tiegħu, jiġifieri stqarrijiet, li kienu qed iħabbtuh f’moħħu u f’qalbu u f’ruħu dwar l-Iskrittura u l-Knisja u l-istrutturi tagħha.

Ix-xewqa ta’ ċelebrazzjoni waħda kienet tħabbret tliet snin ilu f’dokument importanti ħafna “Mill-Konflitt għall-Komunjoni” maħruġ mill-FIL u s-Segretarjat għall-Għaqda tal-Insara. Id-dokument f’madwar 60 paġna jistudja bir-reqqa għall-ewwel darba l-mixja li saret flimkien bejn il-Kattoliċi u l-Luterani li nisslet ix-xewqa fit-tnejn li din iċ-ċelebrazzjoni ssir “flimkien fi spirtu ta’ xhieda komuni għal Kristu f’dinja globaliżżata u sekulariżżata”. Miż-żewġ naħat jinħassu l-weġgħat kbar li nisslet il-qasma tal-Kristjaneżmu tal-punent fis-seklu 16 b’tant konsegwenzi. Imma li llum meta ż-żewġ naħat iħarsu lejhom b’mod oġġettiv u kalm, u fuq kollox fid-dawl tar-rieda t’Alla llum, nagħarfu li ma nistgħux nibqgħu nġorru l-konflitt aktar imma nersqu eqreb lejn xulxin bħala dixxipli tassew ta’ Ġesu’ u dak li huwa jrid minna lkoll illum. Id-dokument jistudja fid-dettal il-ġrajjiet li seħħu kemm minn Luteru kif ukoll mill-Kattoliċi, ir-reazzjonijiet li wasslu għall-qasma reali, il-firdiet li komplew żdiedu b’mod speċjali fis-sekli ta’ wara u fuq kollox l-intriċċi politiċi fuq iż-żewġ naħat li kellhom influwenzi kbar. Ma’ dan wieħed irid iżid ukoll li dawk kienu s-snin meta l-istampar kien beda jxerred aktar ġrajjiet u dokumenti malajr. Jeħtieġ li wieħed jifhem il-kwadru storiku, komplet kemm jista’ jkun, għax inkella ma tistax tifhem il-ġrajjiet kif u għaliex seħħew u għaliex żviluppaw b’dak il-mod. Dan biss jista’ jgħinna llum naħdmu aktar flimkien lejn il-għaqda sħiħa.

Luterani u Kattoliċi flimkien fl-Isvezja

Wara dan id-dokument ta’ tliet snin ilu, il-Kumitat Flimkien fassal proposta konkreta ta’ ċelebrazzjoni waħda ekumenika li ser issir f’Lund, l-Isvezja, fil-31 ta’ Ottubru. Din tiftaħ is-sena u l-bosta attivitajiet oħra li se jsiru aktar ’il quddiem ukoll flimkien. Dan seta’ jsir biss għax il-mixja mibdija mill-Konċilju Vatikan II u l-ħeġġa ispirata mill-Papa Qaddis Ġwanni XXIII flimkien mal-koperazzjoni ta’ kulħadd tkompliet. Ir-rieda tajba u qaddisa murija mill-mexxejja Luterani u mill-Papiet Beatu Pawlu VI, S. Ġwann Pawlu II, Benedittu XVI u Papa Franġisku u mill-ħafna studjużi kbar li qattgħu ħajjithom tul dawn l-aħħar 55 sena biex iħeffu t-triq bid-dokumenti maħruġa flimkien fuq hekk kompliet dejjem tikber.

Iċ-ċelebrazzjoni ekumenika li ser tkun presjeduta mill-Papa Franġisku u l-isqof Munib Younan, imwieled Ġerusalemm, u r-Rev. Martin Junge, president u segretarju ġenerali tal-FIL tibda t-Tnejn 31 ta’ Ottubru fil-kattidral luteran ta’ Lund li sal-1658 kien tal-kattoliċi. Wara, il-laqgħa tkompli fl-istadju ta’ Malmö biex aktar poplu jkun jista’ jieħu sehem. Imbagħad it-Tlieta l-1 ta’ Novembru l-Papa jiddedikah għall-komunità kattolika lokali. L-iskop ewlieni ta’ kull laqgħa hu “jingħata ħajr lil Alla tal-mixja ekumenika f’dawn l-aħħar 50 sena, issir talba ta’ maħfra, ta’ ndiema u talba biex jissaħħaħ l-impenn għal xhieda komuni”. Ser tingħata xhieda minn diversi Luterani u Kattoliċi ta’ ħidma mar-refuġjati, ħidma għall-paċi u l-ambjent. Hawn ta’ min isemmi li lilna l-Kapuċċini Maltin din ix-xhieda tinteressana mill-qrib għax il-Luterani għandhom l-akbar ħidma mar-refuġjati proprju fid-djoċesi ta’ Garissa, f’Dadaab, li hu l-akbar kamp tar-refuġjati fid-dinja jew wieħed mill-akbar b’aktar minn 130,000 refuġjat. Il-Knisja Kattolika qed tagħti sehemha wkoll hemmhekk b’diversi ħidmiet.

Mixja li bdiet minn Malta

Interessanti ħafna għalina l-Maltin ukoll hi li l-mixja b’dawn id-Dokumenti ekumeniċi mibdija fl-1967 issaħħet f’Malta fl-1972 meta l-Kummissjoni ltaqgħet f’pajjiżna biex wara ħames snin studju lestiet l-ewwel dokument L-Evanġelju u l-Knisja. Dan id-Dokument bir-raġun kollu hu msejjaħ “Id-Dokument ta’ Malta – 1972”. Fih inweriet ir-rieda tajba taż-żewġ knejjes li jkomplu mixjin bl-umilta’ u l-onesta’ kollha flimkien. U dan ikun “fi proċess mhux tant tal-moħħ… imma wieħed ta’ ħajja spiritwali” (par 75).

Dawn id-dokumenti huma l-pilastri tad-djalgu ekumeniku mal-knejjes tar-riforma u jinkludu dawk dwar l-Ewkaristija (1978), Luteru: Xhud ta’ Kristu ( 1983), il-Knisja u l-Ġustifikazzjoni (1993) u l-Appostoliċita’ tal-Knisja (2006). Dak dwar il-Ġustifikazzjoni ħejja t-triq li ma kenitx ħafifa għad-Dikjarazzjoni flimkien li saret lejlet il-bidu tal-millenju u li sewwa sew ġiet iffirmata fil-31 ta’ Ottubru, 1999.

Din il-Mixja kompliet bil-kuntatti u laqgħat. Barra l-istudji u t-talb kienu importanti ħafna l-laqgħat flimkien ta’ ħbiberija u “mħabba evanġelika” mhux biss mal-mexxejja imma wkoll fuq livelli nazzjonali u lokali. Għenu qatigħ iż-żjajjar tal-Papiet f’postijiet u wkoll fi knejjes luterani kif ukoll iż-żjajjar ta’ isqfijiet, pastors u nsara luterani fil-Vatikan. Ta’ min isemmi li meta fis-snin sebgħin l-ewwel grupp luteran li mar iżur lill-Papa Pawlu VI, bi mħabba wara stqarrew: “Dan mhux l-antikrist li kienu jpinġulna!”. Ma rridux ninsew is-sehem li taw uħud mill-Movimenti ekkleżjali ġodda, fosthom il-Moviment tal-Fokolari u l-Komunita’ ta’ Sant’Eġidju għal dan il-għan qaddis.

F’dan il-kwadru rridu niftakru wkoll l-ħidma bla waqfien mal-Knejjes Ortodossi: il-laqgħat storiċi tal-Papa Pawlu VI mal-Patrijarka Atenagors fl-1964 li tkompliet mal-Patrijarka Bartolomew u ma’ oħrajn. U fi Frar li għadda mal-Patrijarka Kirill ta’ Moska li saret f’Kuba. U wkoll il-laqgħat mal-Primati kollha Anglikani minn żmien il-Konċilju Vatikan II sallum.

L-Ispirtu s-Santu jekk nagħtuH ċans jaf iwassal il-Pjan t’Alla fit-twettieq sabiħ u sħiħ tiegħu.
Nitolbu tul dan ix-xahar li dan ikompli jseħħ. Aħna l-Franġiskani nħossuna aktar mgħaqudin f’din iċ-ċirkustanza meta niftakru li San Franġisk kellu tant għal qalbu l-għaqda u l-imħabba fis-sempliċita’ jgħin ħafna wkoll.

Forsi xi wħud jgħidu anke f’qalbhom: Imma b’hekk huma dejjem l-oħrajn li ser jirbħu! Inħoss li għandna aktar inwarrbu “l-aħna” u “huma” u ntennu: “Huwa Kristu biss li ser jirbaħ”.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: