Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Kliem ta’ min jixtarru

Kliem ta’ min jixtarru


Patri Mario Attard OFM Cap

L-Ittra Pastorali li ħarġu Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Solennità ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema, hija informattiva, formattiva u proattiva. Is-sinsla tal-argument tagħhom kienet karba u tħeġġiġa: Ngħożżu l-ħajja.

L-Isqfijiet qasmu din l-Ittra Pastorali qasira, diretta u għalliema f’erba’ partijiet. L-ewwel parti titħaddet fuq il-bżonn li nipproteġu l-ħajja dejjem u kullimkien. It-tieni parti tisħaq fuq it-theddida għall-ħajja fil-bidu tagħha. It-tielet tindirizza l-ewtanasja bħala t-theddida għall-ħajja. Filwaqt li fir-raba’ u l-aħħar parti l-Ittra Pastorali tħeġġeġ fuq l-importanza li nżidu l-kura u mhux noffru l-mewt.

L-Isqfijiet dehru mħassbin li “d-dritt tal-ħajja huwa mhedded ukoll b’modi anqas drammatiċi iżda xorta terribbli”. Mal-Papa Franġisku huma sejħu dan it-theddid bħala “l-ewwel terroriżmu”. Mal-Papa ikkundannaw it-throwaway culture, jiġifieri “l-kultura li tpoġġi l-flus qabel il-bniedem”. Huma fissru li “din il-kultura, fost l-oħrajn, toqtol it-trabi mhux imwielda, tittraskura l-anzjani, twarrab lill-persuni b’diżabilità, tagħti valur lill-bniedem skont kemm kapaċi jipproduċi u jikkonsma, tkun inġusta mal-fqar, u tisfrutta l-ambjent biex jistagħnew il-ftit u jinsterqu l-ħafna”.

Fl-Ittra Pastorali tagħhom l-Isqfijiet saħqu fuq li “l-ħajja rridu nipproteġuha dejjem, kullimkien u f’kull stadju tagħha. Dan mhux biżżejjed. Jeħtiġilna naħdmu wkoll biex il-kwalità tal-ħajja ntejbuha f’kull aspett”. Fakkru wkoll li “aħna l-Insara għandna dmir speċjali li naħdmu biex ngħożżu l-ħajja għaliex għalina, il-ħajja umana hija rigal mingħand Alla, li waħdu huwa sid tagħha mill-bidu sa tmiemha”. Insistew li “l-liġi għandha tipproteġi l-ħarsien ta’ kull ħajja umana mit-tnissil tagħha sal-mewt, u dan aktar u aktar meta xi bniedem ikun f’pożizzjoni vulnerabbli jew żvantaġġjata”.

L-Isqfijiet semmew żewġ kwistjonijiet partikolari li nqalgħu f’pajjiżna u li “jistgħu jheddu l-ħajja fil-bidu tagħha u lejn it-tmiem tagħha.” L-ewwel kwistjoni fissruha bħala “theddida għall-ħajja fil-bidu tagħha”. Ir-Rgħajja spiritwali tagħna qalu li “l-ħajja tal-bniedem, fl-ewwel ġranet tal-eżistenza tagħha, tista’ tiġi mhedda meta jittieħdu pilloli jew mediċini bl-iskop li l-ħajja li tkun tnisslet fl-omm ma tkomplix tiżviluppa, anzi tinqered”. Fissru li “l-effett ta’ xi pilloli f’xi ċirkustanzi jista’ jkun abortiv”. Il-persuna Nisranija “għandha l-obbligu morali li tfittex l-informazzjoni sħiħa dwar l-effetti kollha ta’ dawn il-prodotti mediċinali biex tagħmel deċiżjoni responsabbli favur il-ħajja”. Meta jinbet dubju xjentifiku fuq dawn il-prodotti mediċinali l-Isqfijiet qalu li “d-deċiżjoni għandha tkun dejjem favur il-ħarsien tal-ħajja”. Huma fakkru wkoll li għandha tiġi rispettata l-oġġezzjoni fil-kuxjenza tal-professjonisti fis-settur tas-saħħa li “jippreskrivu jew ibiegħu dawn il-prodotti mediċinali minħabba d-dubju xjentifiku dwar l-effetti tagħhom”.

Rigward il-kwistjoni tal-ewtanasja, li hija “theddida għall-ħajja”, l-Isqfijiet jgħallmu li “l-valur tal-ħajja umana ma jiddependix minn kemm persuna hija b’saħħitha jew sodisfatta bil-ħajja tagħha”. Saħqu “li l-ewtanasja qatt ma tista’ tkun fl-aħjar interess tal-pazjent jew pazjenta”. L-Isqfijiet saħħew il-pożizzjoni tagħhom bi kliem Papa Franġisku meta sejjaħ l-ewtanasja bħala “theddida gravi għall-familji fid-dinja kollha” (Amoris Laetitia, 48)”. Filwaqt li sostnew li “l-persuna għandha d-dritt, legali u morali, li tirrifjuta t-trattament mediku meta dan ma joffri l-ebda tama ta’ ġid, jinvolvi spejjeż enormi jew jikkaġuna tbatija insopportabbli” madankollu “għandha tibqa’ tingħata kull kura li ttaffi l-uġiegħ fiżiku u psikoloġiku li jista’ jkun hemm sakemm il-proċess naturali tal-mewt jieħu l-kors tiegħu”. Għalhekk “is-soċjetà għandha l-obbligu morali li tipprovdi s-servizzi mediċi biex tħares dan id-dritt għall-ħajja”.

Suġġeriment prattiku ta’ kif il-Knisja f’Malta se “turi l-wiċċ ħanin tagħha [ma’] persuni vulnerabbli” f’pajjiżna hija l-proġett tagħha ta’ “Dar il-Ħniena.” Jiġifieri dik ir-“residenza ġdida [li se] toffri servizzi speċjalizzati u ta’ livell għoli fil-kura li tnaqqas it-tbatija lill-persuni b’mard terminali”.

L-Isqfijiet apprezzaw bil-kbir il-“ħafna familji li juru għożża kbira mal-morda terminali, l-anzjani u l-persuni vulnerabbli u, fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, jagħżlu li jibqgħu jduru bihom fi djarhom stess”. Din it-tip ta’ kura l-Isqfijiet iddeskrivewha bħala “ġest mill-isbaħ ta’ umanità”.

Quddiem dan il-kliem għaqli, għalliemi u ta’ min jixtarru li ħareġ mill-qalb tal-Isqfijiet tagħna, ejjew nitolbu biex il-Mulej jużah ħalli jibdel il-qlub tagħna, il-Maltin u l-Għawdxin, u jagħmilhom difensuri qalbiena favur il-ħajja fl-istadji kollha tagħha.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: