Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Biex naqbad mal-WIFI

Biex naqbad mal-WIFI


Patri Mario Attard OFM Cap

Niftakar li kien il-Ħadd 10 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù fix-xmara Ġordan. X’jum sabiħ kien! Emmnuni li ġurnata ta’ 12-il siegħa xogħol ma rajtiex għaddejja f’Mater Dei! X’saħħa ħassejt tiġri ma’ ġismi u ruħi f’dak il-jum!

Dakinnhar kelli nqaddes il-quddiesa ta’ nofsinnhar. Quddiem Knisja ippakkjata bin-nies kif se nfisser il-magħmudija? Qabel bdejt l-omelija tlabt bħas-soltu man-nies lill-Ispirtu s-Santu ħalli l-omelija tkun ġejja minnu mhux minn moħħi. Kif ftaħt għajnejja l-viżjoni tahieli ċara kristall. L-ismart phone!

Min illum m’għandux smart phone? Illum tant kemm saru komuni li tgħidx kemm raħsu! Fl-ismart phone hemm funzjoni għall-wifi. Min illum ma jużax wifi? Huwa bil-wifi jaqbillek sieħbi! Ġesù u x-xitan it-tnejn li huma għandhom wifi. Ta’ Ġesù huwa l-WIFI. Filwaqt li tax-xitan, minħabba li hu imitation, hu sempliċiment wifi. Iż-żewġ wifi’s għandhom password. Il-password tal-WIFI ta’ Ġesù hi IVA. Jiġifieri IVA għal dak kollu li hu qaddis. Filwaqt li l-password tax-xitan hija LE. Hija LE għal dak kollu li l-Mulej irid. Insomma, il-password ta’ Ġesù hija sottomissjoni sħiħa għar-rieda tal-Mulej. U l-password tax-xitan hija ribeljoni grassa kontra r-rieda tal-Mulej.

Il-WIFI ta’ Ġesù għandu l-benefiċċju tal-barka. Il-wifi tax-xitan għandu marbut miegħu s-saħtiet u l-magħmuli. Il-WIFI ta’ Ġesù jagħtik il-garanzija għall-ħajja ta’ dejjem. Filwaqt li l-wifi tax-xitan jagħmilhielek faċli biex tintilef għal dejjem fl-infern. Ħafna ippruvaw iż-żewġ wifi’s u jgħidulek li l-WIFI ta’ Ġesù m’hawnx prezzu. M’għandekx għalfejn tħallas għalih. B’xejn! Imma l-wifi tax-xitan trid tħallas għalih b’ġisem u b’ruħek għal dejjem fl-infern. Mela taqblu miegħi li l-wifi tax-xitan ma fihx ħobż!

Jiena u int bnedmin. Ġieli noħorġu mill-WIFI u nidħlu fil-wifi. Veru? Tibżax! Malajr Nindunaw! Kemm inħossuna mdejqin! Imtaqqlin! Imgerfxin! Mitlufin! Mejtin ħajjin! Tgħid kif nerġa’ naqbad mal-WIFI ta’ Ġesù Kristu meta nispiċċa offline minn miegħu? Ara togħġbokx din sieħbi!

L-ewwel mod ta’ kif nidħol mill-ġdid fil-WIFI ta’ Ġesù Kristu hu li naħrab mid-dnub. Fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin San Pawl jgħidilna: “S’issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih” (1 Kor 10:13).

It-tieni mod ta’ kif nikkonnetja mal-WIFI li jsalvani ta’ Ġesù huwa permezz tas-sagrament tal-qrar. Meta kien qed ikellem lilna s-saċerdoti fuq il-Qrar Papa Franġisku qalilna hekk: “Ejjew qatt ma ninsew, kemm bħala penitenti u kif ukoll bħala konfessuri: M’hemm l-ebda dnub li l-Mulej ma jistax jaħfer! L-ebda wieħed! Huwa dak biss li jiċċaħħad mill-Ħniena Divina li ma jistax jiġi maħfur l-għaliex jinħeba mix-xemx li allura ma tistax iddawwlu u s-ssaħħnu”.

It-tielet mod ta’ kif nerġa’ pront pront u pronta pronta nidħol online fil-WIFI ta’ Ġesù huwa permezz tal-quddiesa. F’omelija ta’ Corpus Christi Papa Franġisku qal: “L-Ewkaristija hija s-sagrament tal-komunjoni li joħroġna mill-individwaliżmu ħalli nimxu warajh flimkien, ngħixu l-fidi tagħna fih [f’Ġesù Kristu]”.

Ir-raba’ mod ta’ kif nerġa’ insib ruħi maqgħud\a mal-WIFI ta’ Ġesù huwa permezz tal-adorazzjoni Ewkaristika. Fuq dan San Ġwann Pawlu II qalilna hekk: “L-adorazzjoni ta’ l-Ewakaristija barra mill-Quddiesa hi ta’ siwi bla qjies fil-ħajja tal-Knisja… Min ma jħossx il-bżonn li nerġgħu nibdew ngħaddu xi ħin f’taħdita spiritwali, f’adorazzjoni siekta u b’sentimenti ta’ mħabba quddiem Kristu preżenti fis-sagrament imqaddes ta’ l-altar? Dan jien nagħmlu sikwit, għeżież ħuti, u dejjem inħoss lil Kristu jqawwini u jfarraġni u jgħinni” (Ecclesia de Eucharistia, 25).

L-aħħar mod ta’ kif nerġa’ naqbad mal-WIFI ta’ Ġesù huwa permezz tar-Rużarju. Papa Piju XI qal: “Ir-rużarju hija arma qawwija li tħarrab lix-xjaten u li tħarrab mid-dnub … Jekk tixtiequ paċi f’qalbkom, fi djarkom, u fil-pajjiż tagħkom, iltaqgħu kull filgħaxija u itolbu r-Rużarju”.

Sieħbi! Mal-WIFI ta’ Ġesù jaqbillek!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: