Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Teżor moħbi lest biex jiġi skopert

Teżor moħbi lest biex jiġi skopert


Patri Mario Attard OFM Cap

L-Istitut Agostinjan minn dejjem ħadem kemm felaħ biex iġib ‘il quddiem l-imħabba lejn il-Kelma ta’ Alla, kif mgħoddija lilna b’tant imħabba u fedeltà minn Missirijiet il-Knisja. F’dawn il-Missirijiet, fosthom l-għaref Santu Wistin, l-Istitut Agostinjan jara l-importanza u r-rilevanza tagħhom mhux biss għat-tiġdid kontinwu tal-Knisja imma wkoll, fuq kollox, għat-tiġdid ta’ kull persuna li trid li jkollna relazzjoni mal-Mulej li “tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24).

Għalhekk, konxju mill-importanza kbira ta’ dawn il-Missirijiet fil-ħajja tan-Nisrani u ta’ dawk fostna li, b’sinċerità u b’qalb miftuħa, qegħdin ifittxu l-verità li timliehom bil-paċi biex jibqgħu jfittxuha aktar u aktar fil-fond l-Istitut medd għonqu għax-xogħol sabiħ u ta’ sfida li jwassal dan it-tagħlim sabiħ li jinforma u jifforma.

Fit-teoloġija ta’ Missirijiet il-Knisja wieħed jammira viżjoni sħiħa u maqgħuda ta’ Kristjaneżmu. Fil-fatt, meta wieħed jidħol fil-fond ta’ din il-viżjoni wieħed jintebaħ li t-teoloġija ta’ Missirijiet il-Knisja hija waħda Trinitarja, Kristoloġika, pnewmatoloġika, ekkleżjoloġika, eskatoloġika u antropoloġika. F’kuntrast kbir mat-teoloġija skolastika medjevali fejn kienet għal kollox iddominata mid-dimensjoni teoċentrika vertikali biex imbagħad ġiet mibdula, aktar tard, mid-dimensjoni antropoloġika, Missirijiet il-Knisja qabdu dawn iż-żewġ dimensjonijiet u żewġuhom flimkien. Huma kellhom il-ħila li jikkumplimentawhom ħalli jservu l-istess għan. Fit-teoloġija ta’ Missirijiet il-Knisja ma kien hemm l-ebda qasma bejn it-teoloġija kontemplattiva u dik spiritwali u liturġika. Hija tassew ħasra li l-Kristjaneżmu tallum jagħmel din il-qasma ċara u li tinħass. Tgħid minħabba din il-qasma li wħud minna tgerrxu mill-Knisja?

Missirijiet il-Knisja kienu dawk li għaddewlna dan il-wirt għani u ħaj. Wirt li m’huwiex biss xi tifkira mejta tal-passat imbiegħed. Iżda huwa wirt li meta nidħlu fih isir tassew punt ta’ riferenza kemm għall-Knisja tal-preżent u, wisq aktar, għall-Knisja tal-futur. Is-sbuħija tal-istudju ta’ Missirijiet il-Knisja huwa li f’kull epoka wieħed jista’ jidħol fiha u jiskoprieha mill-ġdid. Issa dan jagħmlu biex japprezza mhux biss ir-rilevanza tal-Knisja għal dak il-mument partikulari tal-istorja imma, u wisq aktar, għar-rilevanza tal-Knisja għaż-żminijiet tallum. Għalhekk kull ġenerazzjoni ta’ Insara, inkluż aħna tas-seklu 21, tista’ issib f’dawn l-istudji patristiċi t-teżor tal- messaġġ għaref u mediċinali li aħna, bħala Knisja, dejjem għandna bżonn. Mhux ta’ b’xejn li Henri de Lubac, wieħed mill-aktar teoloġi influwenti tas-seklu 20, tana definizzjoni eċċellenti għat-tradizzjoni Patristika: actualité de fecundation. Jiġifieri, messaġġ li, minnu nnifsu, jnissel. Jagħti l-ħajja. X’titlu isbaħ wieħed jista’ jagħti lill-istudji patristiċi aktar minn dan?

Tajjeb ngħidu li l-wirt patristiku dejjem kellu rwol importanti fil-Knisja Kattolika u f’dik Ortodossa. Spalla ma’ spalla mal-Bibbja x-xogħlijiet ta’ Missirijiet il-Knisja huma għalina sors primarju għal dak li nfissru bil-kelma Tradizzjoni tal-Knisja. Din it-tradizzjoni li m’għandhiex x’taqsam mar-regoli mejta, kif jaħsbu xi wħud. Iżda, l-għaliex it-Tradizzjoni hija ħajja, tħaddan fiha d-duttrina, it-tagħlim morali, is-sagramenti, il-liturġija, l-ordni tal-Knisja u l-liġi għanja tagħha. L-etimoloġija tal-kelma “tradizzjoni” turi li din il-kelma tfisser it-trażmissjoni u l-ilqugħ tal-esperjenza ta’ fidi ħajja mgħoddija minn għalliem għall-istudent, minn missier għall-ibnu.

Biżżejjed jekk wieħed jara ftit dak li jikteb San Pawl lill-Insara f’Korintu. “Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi Kristu Ġesù” (1 Kor 4:15). F’passaġġi oħra mill-Iskrittura Mqaddsa, l-appostlu jagħmel referenza diretta għat-tradizzjoni, waqt li jwiddeb lis-semmiegħa tiegħu biex jipperseveraw fiha b’ħafna fedeltà u mingħajr taħwid tal-moħħ: “Mela, ħuti, żommu ruħkom wieqfa u sħaħ fit-tradizzjonijiet li intom tgħallimtu sew bil-kelma sew bl-ittra tagħna” (2 Tess 2:15). Filwaqt li fl-Ewwel Ittra lill-Korintin San Pawl jgħid hekk lill-Komunità Nisranija ta’ Korintu: “Nfaħħarkom għax tiftakru dejjem fija u żżommu t-tradizzjonijiet li jien għaddejtilkom” (1 Kor 11:2). Dan kollu jurina li Missirijiet il-Knisja ippreservaw it-Tradizzjoni Mqaddsa għalina.

Kemm hi għaqlija l-idea ta’ Fr Georges Florovsky, it-teologu, storiku u ekumenista Ortodoss, meta qal: “Il-Knisja għadha mimlija bl-awtorità daqskemm kienet fi żminijiet l-imgħoddija. Ġaladarba l-Ispirtu tal-Verità iħaffifha issa mhux b’anqas effettività mis-snin imbiegħda”. Mela, mhuwiex possibbli li wieħed jillimita “ż-żmien patristiku” għal xi żmien partikulari tal-istorja. Dak li l-Isqof Kallistos Ware, l-Isqof ta’ Dijokleja, qal għall-Insara Ortodossi jgħodd bil-qabda għalina l-Kattoliċi wkoll. “L-Ortodoss m’għandux sempliċiment ikun jaf jew jikkwota lill-Missirijiet il-Knisja. Huwa jinħtieġlu li jidħol fl-ispirtu tal-Missirijiet u jikseb moħħ patristiku”. Jinħtieġlu għalhekk li jittratta lill-Missirijiet il-Knisja mhux bħala relikwi mill-passat iżda bħala xhieda ħajja ta’ żminijietna”.

Quddiem din il-viżjoni sabiħa u fl-istess ħin ta’ sfida, għandna t-tweġiba tanġibbli u effettiva tal-Istitut Agostinjan. Fil-fatt, is-sena akkademika 2016-2017 tal-Istitut Agostinjan f’tal-Pjetà, sejra tibda’ nhar il-Ġimgħa 7 t’Ottubru 2016. Fis-6.15pm ikun hemm Konċelebrazzjoni Ewkaristika presjeduta mill-Prov. Ray Francalanza OSA. Wara jsir diskors qasir ta’ merħba lill-partiċipanti mid-Direttur tal-Istitut il-Professur P. Salvinu Caruana OSA. Is-suġġett magħżul għal din is-sena hu Matristika u Patristika sekli 1 sa 5. L-ewwel parti tas-sena akkademika 2016-2017, ikun il-Kors Għal Kulħadd, sensiela ta’ 9 lezzjonijiet, kull nhar ta’ Ġimgħa, bejn is-6.15pm u s-7.15pm, ġewwa s-Sala Stu Wistin fl-Istitut Agostinjan f’tal-Pjetà. Il-kelliema ewlenin f’din is-sensiela ta’ taħdidiet sejrin ikunu Prof. Salvinu Caruana OSA, Prof. Martin Zammit (UOM), Revd Dr Jonathan Farrugia, Dr Ritienne Debono MD MRCP, Dr Pauline Dimech (UOM), il-Prof. Hector Scerri (UOM), Dr Nadia Delicata (UOM), u P. Mario Attard OfmCap. Nhar il-Ġimgħa, l-31 ta’ Marzu 2017, issir iċ-ċerimonja tat-tqassim ta’ Ċertifikat ta’ Attendenza fil-Knisja tal-Sorijiet tal-Klawsura Klarissi fi Triq Reġjunali S. Ġiljan. Wara l-quddiesa, il-Prof. J.M. Cacciottolo, Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta, iqassam iċ-ċertifikati. Għal iktar tagħrif, jew biex tirċievi b’xejn, kopja tal-programm għas-sena akkademika 2016-2017, ikteb lis-Segretarja PO BOX 61, IMSIDA PO, MSD 1000 – Malta, jew ċempel 2124 9407 – 2124 5934 – 2124 3557 ext.143/150 – mob 9940 2102 – 7929 4177 jew email caruana.salvino@gmail.comsalvino.caruana@um.edu.mt – jew Ms A. Borg, 2131 3644 mob 9945 0099, jew 7708 7711 jew email toineborg@onvol.net jew are l-website: http://www.augustinianinstitute malta.com

Beħsiebek tattendi ħalli tiskopri t-teżor moħbi fl-għalqa tal-Knisja u li hu mħejji biex jiġi skopert ? Liema teżor din is-sena jismu Matristika u Patristika sekli 1 sa 5?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: