L-anġli tal-vara


Patri Mario Attard OFM Cap

Fl-ewwel jiem tiegħi fil-Marsa, fil-Parroċċa tat-Trinità, wara lejl iebes ta’ xogħol fl-Isptar Mater Dei, x’fejqan inħoss meta ninżel dik u nagħmel dik il-passiġġjata fil-Knisja vojta minn nies! U jien u miexi ngħid f’qalbi: “ Grazzi Mulej! X’kapolavur ta’ knisja din!”

Nimxi. U għajnejja, ġieli magħluqin bil-għejja tal-kilometri li nterraq fl-Isptar, f’ħidmieti mal-morda, donnhom jieħdu r-ruħ kull darba li ninżel f’dan il-post qaddis. Santwarju mibni b’tant imħabba mis-sinjuri Balbi. Xempju tal-ġenerożità.

Nimxi. U ngħaddi minfejn l-istatwa mill-isbaħ tal-Madonna tar-Rużarju. Insellmilha. Imbagħad nimxi ftit ieħor. U nieqaf. Għajnejja imbexxqin mill-ewwel jirċievu qawwa li m’hijiex ta’ din id-dinja. Qawwa ġejja mill-għoli. L-għaliex quddiemi għandi x-xorti li nara r-rappreżentazzjoni artistika tal-Għoli. Li, il-parroċċa għażiża tagħna, għandha l-grazzja li għandha bħala titular.

U nħares. U x’nara? Barra l-figura imponenti tat-Trinità Qaddisa nara lilhom. L-erba’ anġli. Jew, kif issejħilhom il-Bibbja, l-erba’ ħlejjaq ħajjin. L-erba’ anġli li, fl-istrixxa li għandhom f’idejhom, qiegħdin iwasslu dak li hemm minqux b’tant sengħa u mħabba f’din l-istatwa tat-Trinità. Dawn l-erba’ anġli nħosshom tassew ikellmuni u jimlewni bil-ħila li għandi bżonn f’ħajti. Għax mhux dak li jagħmillek l-anġlu sieħbi, jiġifieri jfakkrek li l-Mulej huwa miegħek? Li jħarsek? Tgħaddi minn xiex tgħaddi?

Jiġi l-ewwel anġlu, dak tan-naħa tax-xellug tal-vara. U jgħidli: Alla l-Missier, il-Ħallieq. Kemm tagħtini kuraġġ din il-kitba! Ġieli, f’dak li ngħaddi minnu f’ħajti, qisu jiġu mumenti fejn inħossni orfni. Abbandunat. Ġieli ħassejtek bħali? Iżda mbagħad, meta dak il-mument iebes jgħaddi, nerġa’ nieħu r-ruħ għaliex niftakar li Alla tiegħi huwa Missieri! U hawnhekk, mingħajr ma rrid, nieqaf quddiem l-anġlu u nibda’ nitlob minn qalbi t-talba tal-Missierna. Ħaġa tal-għaġeb! Aktar ma nitlobha minn qalbi aktar inħossha tfarraġni! Tfarraġni! U tfarraġni!

Sieħbi, meta tħossok l’isfel, bir-riħ kontrik, għajjien, maqtul bix-xogħol, mimli tilja problemi, tħabbel rasek xejn. Ieqaf. Sib rokna għall-kwiet. U, bil-mod, iva, kelma kelma, itlob it-talba tal-Missierna. Kemm tħossok aħjar! Niggarantilek jien li aktar ma titlobha minn qalbek aktar tħossok qed tiġi maħluq u maħluqa minn Alla l-Missier mill-ġdid!

Wara li nħares lejn l-ewwel anġlu imbagħad nagħti ukoll titwila lejn it-tieni wieħed. Jiġifieri dak l-anġlu li għandu miktub fuq l-istrixxa tiegħu: Alla l-Iben, il-Feddej. Meta nara dan l-anġlu titlagħli fawra u tgħidx kemm inħossni mimli enerġija! Mill-ewwel tiġini l-karba ta’ Bartimew l-għama f’moħħi u tidwi f’qalbi: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!” Għandi bżonnha il-ħniena jien? Għandi bżonn nitħaddan minnha? Għandi bżonn inħalli l-ħniena taħkimini? Iva! U ngħidx! Imma mhux il-ħniena tal-bniedem. Dik tal-miskin u l-jaħasra! Dik mhix ħniena. Iżda tirrannija tal-prima klassi. Ma nistax nagħtik xi ħaġa f’idejk biex ittemm ħajtek għax nitħassrek? Le! Iżda irrid inkun hemm għalih sabiex ngħinek ħa taffronta t-tbatija b’mod li jagħmillek ġieħ. Dik hija tabilħaqq l-vera ħniena!

Il-ħniena ta’ Ġesù għalija, midneb, turi ruħha f’ħafna modi. Fil-ħajja sempliċi tiegħi ta’ Patri l-Mulej jibgħatli ħafna nies kbar, li ma jaf bihom ħadd, li lili jgħallmuni nħenn. F’dawn in-nies nara il-qawwa tiegħu li jħenn għal kulħadd. Li jħenn għall-batut. Li jiġri wara n-nagħġa l-mitlufa. Sa ma jsibha. U meta jsibha arah jagħmel festa festun. L-għaliex sab in-nagħġa li kienet intilfitlu!

B’mod spontanju, meta nkun quddiem dan l-anġlu, idi tmur fuq il-Kuruna tar-Rużarju. Ħa nitlob it-talba tal-Ħniena. Il-Kurunella tal-Ħniena Divina! X’talba dik ħabib! Xi ħniena toħroġ minnha!

Mawrieti fil-Knisja artistika tat-Trinità toħodni ħdejn it-tielet anġlu. F’Kelma waħda dak li jinsab wara t-tieni anġlu fir-rokna u li għandu miktub fuq l-istrixxa tiegħu Alla l-Ispirtu s-Santu, il-Qaddies. Alla li jqaddes. Dan l-aħħar il-Mulej poġġieli fuq fommi talba lill-Ispirtu s-Santu li nħobb naqsamha ma’ kulħadd. Din it-talba tgħid hekk: Spirtu s-Santu, int in-nifs tiegħi! X’sens fiha hux! L-għaliex jekk jien ma jkollix nifs kif ħa ngħix? U int min qallek li f’ħajjitna m’għandniex bżonn in-nifs ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu, ħa jgħinna naqdfu kemm nifilħu ‘l barra?

Għajnejja mbagħad jispiċċaw iduru fuq l-aħħar anġlu li jinsab moħbi fuq in-naħa ta’ wara tal-vara. Dak l-anġlu li joqgħod lura. Dan l-anġlu għandu f’idejh dan l-istrixxun: Trinità Qaddisa Alla wieħed. U hawn nieħu nifs kbir il-ġewwa u ieħor ‘il barra! L-għaqda! Kemm hi sabiħa! L-għaqda! Mhux bil-forza imma dik l-għaqda li toħroġ mill-għaqda tal-libertà ta’ kull persuna. Fejn hemm bilanċ perfett bejn l-“jien” u l-“aħna”.

Xi ġmiel dawn l-erba’ anġli! Grazzi erba’ anġli li tfakkruni kontinwament li meta f’ħajti jkun hemm il-ħolqien, il-fidwa u l-qdusija jiena nkun bomba ta’ veru!

Mela, Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: