Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Għand id-dentista

Għand id-dentista


Patri Mario Attard OFM Cap

Kull sitt xhur tawni parir biex inaddafhom. Mhux biss biex jibqgħuli sbieħ. Bojod, kemm jista’ ikun, bħall-ħalib. Iżda wkoll, u mingħajr dubju, biex jibqgħuli b’saħħithom. Sabiex iservu aktar. Għaliex għandi bżonnhom! Biex nigdem l-ikel u mhux in-nies. Almenu hekk nispera.

Wara li għamluli checkup mill-aqwa mill-Isptar irrefrewni għand id-dentista. Persuna mill-aktar kapaċi f’xogħolha! Professjonali għall-aħħar. L-ewwel nett apprezzajt bil-kbir l-attitudni ta’ din id-dentista brava. Ħlewwa kbira! U mhux hekk jistħoqqlu l-pazzjent x’kull waħda? U mhux b’hekk iħossu tassew stmat u irrispettat ta’ bniedem li hu? Bid-dinjità kollha tiegħu u tagħha?

Stednietni bl-akbar ħlewwa u professjonalità biex inpoġġi fuq il-couch, komdu komdu, fejn taħdem. Minn dik il-pużizzjoni stajt nilmah xi ftit mill-apparat. Kamritha kienet imħejjija bl-aqwa teknoloġija! Il-bozza tal-fiduċja bdiet tixgħelli l-aħdar. Striħajt. U f’qalbi għedt: “Grazzi Mulej! Mela żgur li qiegħed f’idejn tajba!” Kemm irrilassajt!

Imma hawn daħlet, ħelu ħelu, l-ewwel tagħlima kbira għalija bħala Patri. Fil-mawra tiegħi għand il-brava dentista. Donnha d-dentista qratli moħħi. Kienet taf li jien mill-labar nibża’. X’għamlet? Bdiet titħaddet miegħi. U jien magħha. U kemm tħaddittna fuq affarijiet! Fil-ftit ħin li kellna għad-diżpożizzjoni! Sakemm, f’punt minnhom tad-diskussjoni, u bl-akbar għaqal, id-dentista stednietni, bl-akbar ħlewwa, biex niftaħ ħalqi. U dan hu li jien għamilt. Ftaħt ħalqi. Qisni se ngħid il-kelma: AAAAA! U waqt li kont b’ħalqi miftuħ tagħtni l-injezzjoni tal-loppju. Mingħajr ma intbaħt.

Għall-ewwel ma tajt każ ta’ xejn. Iżda mbagħad, aktar ma beda għaddej il-ħin, aktar bdejt ninduna li dak li d-dentista tefgħetli fil-ħanek ma kienx ilma iżda loppju. U kif intbaħt? L-għaliex ħalqi bdejt inħossu jintefaħ, jintefaħ, u, nerġa’ ngħidilkom, jintefaħ. Hemm int Patri! Illuppjat! Imma mhux biex tieħu bażż! U lanqas biex tkisser il-ħajja tal-oħrajn għall-kapriċċik! Le! Illuppjat ħa jżommulek snienek fl-aqwa forma ħalli b’hekk tkun tista’ taqdi aktar lill-akbar numru possibbli ta’ nies!

X’tagħlima din ħbieb! Il-loppju jingħata bil-mod! U mhux bl-addoċċ. Bil-mod ma jikkawża uġiegħ ta’ xejn. Anzi! Kważi kważi ma ngħidlekx li tieħu gost jekk jagħtuhulek. U l-effetti tiegħu xorta hemm jibqgħu! Tiċċajta! Għedtlek diġà, xufftejja bdejt inħosshom daqshiex! Daqskemm kienu minfuħin!

Eh ħbieb! Anki fil-ħajja! Il-korezzjoni għandna bżonnha. Santu Wistin kien iħobb jgħid hekk, almenu skont waħda mill-kitbiet li qiegħdha, sewwasew, fuq ras il-Gwardjan, fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini f’Għawdex: Qui non corrigit non regit. Jiġifieri “min ma jikkoreġiex ma jmexxiex”. Imma, u hawn ħallini ndawwlek ftit, ħija, oħti, bħalma għandi bżonn qablek jiena stess, hemm mod u mod kif nikkoreġi. Ma tantx inkun qed ngħinek jekk nieħdok bil-ħawda. Jekk ngħajjat quddiem kulħadd. U, biex nuru taparsi xi nsarraf, nagħmel show bik quddiem l-oħrajn. U lanqas ma nkun qed ngħinek jekk, bid-daħka u b’dik it-taparsi ħlewwa fi mġiebti u sarkażmu li jreżżħek fuq fommi, naqtagħlek rasek! Jekk nasal li nagħmel hekk inkun tassew kannibalu mill-kbar! Dittatur ieħor!

Il-korezzjoni għandna nagħtuha b’ħafna ħlewwa. Bis-sabar. B’għaqal. U b’sensittiva kemm għal dak li hu sewwa u għal min qed isofri mill-ħażen li rċieva u anki b’sensittiva għal min żbalja. Għaliex, għamel x’għamel, xorta bniedem jibqa’.

Imbagħad id-dentista, li mlietli żewġ sinniet, qaltli biex niekol wara sagħtejn. Jiġifieri fil-ħajja aħjar nistenna qabel infattarha. Għax jekk, bil-ġuħ li għandi, ma niflaħx nistenna sagħtejn, il-konsegwenzi fuq snieni jafu jkunu diżażtrużi! U l-ħsara li nagħmel fuqhom taf tibqa’!

Ejja nikber fis-sabar. Nitgħallem nistenna. U meta nikkoreġi ħa nikkoreġi bil-ħlewwa, b’sensittività u b’responsabbiltà.

Kemm tagħlim hux għand id-dentista!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: