Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Ġriegħi ma’ jdejja

Ġriegħi ma’ jdejja


Patri Mario Attard OFM Cap

Darba kont għall-laqgħa ta’ talb u l-persuna li mexxiet il-laqgħa kienet qaltilna biex niġu għall-laqgħa b’idejna mfaxxati. Jiena hekk għamilt. Għalkemm f’moħħi u f’qalbi telgħuli elf mistoqsija.

Intant. Waslet il-laqgħa u jiena mort. Intasabt bilqiegħda u bdejt nirċievi. Il-passaġġ tal-Kelma ta’ Alla dakinnhar kien meħud mill-profeta Żakkarija. Kien jgħid hekk: “U jekk xi ħadd jistaqsih: ‘X’inhuma dawn il-ġrieħi fuq idejk ?’ hu jwieġeb: ‘Dawn għamluhomli fid-dar ta’ ħbiebi’” (Żak 13:6).

Il-ġriegħi mal-idejn. Jiġifieri t-tradimenti. Li, kif tgħidilna l-Kelma ta’ Alla, iseħħu fid-dar ta’ ħbiebi. Ta’ sħabi. Tan-nies li jkunu viċin tiegħi. Tajjeb ngħidu li l-Ġuda f’ħajjitna mhux il-Mulej jibgħatulna. Le! Ġuda huwa aħna li nagħżluh! Il-Mulej qatt ma jagħtina persuni li mhux tajbin għalina. Madankollu aħna, sforz id-dgħjufija tagħna, spiss nagħżlu l-persuni żbaljati biex magħhom niftħu qalbna. Ngħidu s-sigrieti tagħna. U x’jiġrilna? Ningidmu minnhom. Sintendi, bla ħniena ta’ xejn.

L-ispirtu ta’ tradiment huwa spirtu dijaboliku. Spirtu ħażin. Bħalma nafu l-Mulej huwa fedeltà assoluta. Il-Kelma ta’ Alla tgħidilna f’Salm 117 li “l-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem” (Salm 117:2). Saħansitra l-Kelma ta’ Alla tgħaqqad il-fedeltà tal-Mulej mal-ħniena tiegħu meta tgħid: “Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna” (Salm 117:2). Mela li nkun fidil u nżomm kelmti, li ma nittradix, ifisser, fis-sens tal-Bibbja, li jien ħanin u ħanina bħall-Mulej. Għalhekk mhux ta’ b’xejn li s-salmista jgħid: “Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; it-tjieba u l-fedeltà tiegħek iħarsuni għal dejjem!” (Salm 40:12).

L-ispirtu ta’ tradiment joħloq rabja kbira. Immaġina, ngħidu aħna, persuna li int tkun fdajtha u tkun weġġgħet lil xi ħadd li hu għażiż għalik. Setgħet weġġgħetu jew b’għemilha inkella, u din sfortunatament iġġib ħafna aktar ħsara, bil-paroli li tkun qalet kontrieh minn wara dahru jew daharha. Darba persuna biex turina kemm hi kerha l-ipokresija ġiet liebsa nofs qmis safra u l-oħra kaħla. Libsithom nofs bin-nofs u għamlet ċoff daqshiex wara daharha. Meta staqsietna jekk aħna jogħġobniex bil-mod kif libset uħud qalulha: “Kemm tidher taċ-ċajt!” Iżda kien hemm tweġiba li tassew laqgħtet il-musmar fuq rasu. Xi ħadd weġibha: “Bil-mod kif ilbist qed turi kemm int imħawda!”

Hekk hu ħbieb! L-ispirtu ta’ tradiment huwa spirtu ta’ taħwid. Ix-xitan, kuntrarju għall-Mulej, iħawwad fil-borma. U jaħdem fis-skiet biex ikompli jħawwad. U t-taħwid iġib miegħu spirtu ieħor ħażin, dak tar-rabja. Immaġina ftit meta t-taħwid fil-familja, fil-Knisja, fil-postijiet tax-xogħol, fil-ħbiberiji u l-bqija jitla’ fil-wiċċ. Ara ftit x’rabja titla’! U minn rabja dak l-ispirtu jaf iġib spirtu ieħor miegħu, dak tar-ribelljoni. Kemm hawn persuni li, għax seħħew żbalji fil-Knisja, weħel il-Mulej ma’ rashom. Il-Mulej m’għandu tort ta’ xejn! Iżda dan huwa kollu xogħol l-ispirtu ħażin ta’ ribelljoni li jakkuża lil xi ħadd li huwa innoċenti! L-għaliex ġaladarba ġie migdum issa jeħel miegħu kulħadd!

Importanti għalhekk li spirtu ta’ tradiment nikxfu. Inkella jekk ma nikxfux jaqla’ lili ‘l barra. U dan nagħmlu mhux biex nobgħod lill-persuna li tkun ittradietni. Dan nagħmlu biex dan l-ispirtu, f’isem Ġesù, jitkeċċa lejn l-infern. Bħalma issemma aktar ‘il fuq, meta ngħidu kontra xulxin jew fuq xulxin aħna nidħlu iva f’dan l-ispirtu dijaboliku. Imma kif ninduna li jien isseħħibt ma’ dan l-ispirtu ħażin? L-ewwel, meta xi ħadd jiġi jgħid kontra persuna li għalija hi ħabib/a tiegħi jiena iddefendejtu/iddefendejtha? Jew għedt kontrieh/kontrieha jiena wkoll? Għalhekk l-enfażi li rrid nagħmel mhux x’qaltli l-persuna l-oħra kontra l-ħabib/a tiegħi iżda x’weġibtha lura jien. X’ħareġ minn fommi! It-tieni, irrid nara ftit xi ħbieb għandi. Jekk raġel jew mara ma jirrispettawx il-ħalfa taż-żwieġ li għamlu fuq l-altar l-għaliex jeqilbuha lis-sieħeb/sieħba tagħhom kif se jirrispettaw il-ħbiberija tiegħi? Imbagħad nagħmel tajjeb li nitlob għall-persuna li ttradietni. U, għalkemm nieqaf nafdaha, nitlob biex din ddur lejn il-Mulej u tieqaf tweġġa’ persuni oħra bħalma weġġgħet lili.

Mulej, nħossni irrabbjat/irrabjata għal dak jew dik li ttradewni. Nagħtik ir-rabja tiegħi għalihom biex int iddawwarha fuqhom fi grazzja sabiex jieqfu jittradixxu lil oħrajn bħalma ittradew lili. Mulej naħfrilhom u nberrikom. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: