Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira

Ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kont għal Festival Dinji taż-Żgħażagħ. F’dan il-festival kien hemm ferħ kbir! Ferħ li ma tfissrux bil-kliem! Ferħ li bilfors iġagħlek temmen li meta niftħu qalbna, (u ħafna aktar minn moħħna) għall-Mulej, dak li hemm fis-sema tassew li jinżel hawn fl-art! Għax x’hemm isbaħ ħbieb milli tkun fil-preżenza ta’ Ġesù u Ommu u Ommna Marija? X’hemm isbaħ mill-familja ħbieb tiegħi?!

Mela dawn iż-żgħażagħ volontarji, li minnhom tgħidx kemm kien hemm, kienu liebsa flokk vjola bil-kliem li bl-ilsien Ingliż kien jgħid hekk: Do small things with great love. Kemm laqagħtni dan il-vers ħbieb! Meta fittixt ftit fuqu sibt li dan il-vers kien meħud mis-sentenza sabiħa li l-Beata Madre Tereża ta’ Calcutta kienet tħobb tgħid: “Mhux ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu ħwejjeġ kbar. Imma nistgħu nagħmlu ħwejjeġ żgħar b’imħabba kbira”.

Hekk hu! Ħwejjeġ żgħar. Forsi żgħar ħafna. Imma b’imħabba kbira! Mela, jekk issa qed taqra dawn il-ħsibijiet, għodu għodu, quddiem dik it-tazza tè jew kafè, nixtieqek li ddur lejn il-mara, ir-raġel, u tfaħħarhom għal xi ħaġa sabiħa li għamlulek. Sibilhom imqar waħda! U ċert li xi waħda għandhom żgur! “Grazzi kemm tieħu ħsiebi”. Inkella, “grazzi kemm tagħtini pariri tajbin li jgħinuni nħobbok u nirrispettak aktar”. Tista’ iddur fuq it-tifel, jew it-tifla, u tgħidlu u tgħidilha: “Ibni! Kemm jiena ferħan u ferħana li int ibni! Li int binti!” U, bilħaqq, anki jekk tkun għadek kemm tajt battikata lil għażiża ommok u missierek, mur tibżax għidlu u għidilha, meta issibhom ftit kwieti: “Mà! Pà! Grazzi tas-sagrifiċċji kbar li għamilt u għadek qed tagħmel għalija! Bik f’ħajti jiena imbierek u mbierka!” Kemm huma sbieħ hux dawn il-kummenti! X’kuraġġ! U, jekk trid tkun speċjali, eroj, nissuġġerilek li titlobhom maħfra l-għaliex tkun tajthom kedda number one!

Xi ġenituri jħobbu jgħallmuni li fil-ħajja l-kliem ħelu, li, fi kliem Ġorġ l-Għannej tal-Mulej, jaf jiffranka battikati sħaħ (għax hekk iħobb jgħanni Ġorġ: “Kelma tajba u edukata tiffrankalek battikata”), għalkemm huwa mportanti iżda mhuwiex biżżejjed. Il-kliem jinħtieġlu jintiseġ bil-fatti! Bħalissa qed jiġini sabiħ u ħelu ħelu f’qalbi l-kliem tad-deheb li Papa Franġisku qal fl-Angelus tal-Ħadd 10 ta’ Lulju 2016: “Opri tajba u mhux biss kliem li jtir mar-riħ. Qed tiġini f’moħħi din il-kanzunetta: ‘Parole, parole, parole’. Le. Aġixxi. Agħmel. U bis-saħħa tal-opri tajba li nagħmlu mal-proxxmu bl-imħabba u bil-ferħ, il-fidi tagħna twarrad u tagħti l-frott”.

U minn fejn se nibdew? Nibdew billi naġixxu u nħennu fil-familja tagħna stess. Fiha irridu nibdew inpoġġu fil-prattika dak li rridu naraw iseħħ madwarna! Nibdew iva minn dawk li jħokku magħna. Dan l-aħħar kemm apprezzajt ġest mill-isbaħ li wettqu ħuti, il-Patrijiet Kapuċċini, f’Mater Dei. Kien ġest sempliċi imma li jitkellem volumi sħaħ ta’ mħabba ta’ Kristu! Ġest li ħarab lil tat-televiżjoni u tal-gazzetti daqskemm hu fin. Imma, l-għaliex hu fin, hu speċjali. Ġest li nħossni fid-dmir li nsemmih. Bħalissa, ftit ‘il bogħod mill-kwartieri tagħna, spiss jkun hemm membru tas-sigurtà li jagħmel ir-ronda. U l-Patrijiet mimlija ħniena tagħna, b’qalb kbira, joffrulhom dik it-tazza kafè. Juruhom lil dawn ħutna li huma magħhom. Ħuti Kapuċċini! Grazzi tal-eżempji sbieħ li tagħtuni b’dan il-ġest ċkejken iżda mimli mħabba kbira tagħkom. Keep it up ħuti Kapuċċini!

Imbagħad l-aħħar ġest kbir li wieħed jista’ jagħmel għall-oħrajn, b’ħafna sempliċità u bi mħabba li ma tfissirhiex bil-kliem, hija li jitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina. Itlobha ħabib kuljum, fit-3.00 pm, din il-Kurunella. U jekk ma tistax inħeġġek titlobha fl-għaxija. Offrieha għal min għandu bżonn talbek jew qallek biex titlob għalih. Jekk ma tafhiex nissuġġerilek tidħol fuq YOU TUBE u itlobha ma’ dan il-link: https://www.youtube.com/watch?v=2I_PYwFtwIY

Kelma, azzjoni u talba sempliċi, anki jekk ċkejknin, għandhom il-qawwa li jbiddlu d-dinja. Kun protagonist u protagonista! Emmen fihom! Wettaqhom! Xandarhom! Ħalli ħaddieħor jagħmel bħalek! U hekk Malta u d-dinja jkunu iva … differenti l-għaliex ikunu aktar kuntenti!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: