Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Tista’ titlob għalija?

Tista’ titlob għalija?


Patri Mario Attard OFM Cap

Xi xhur ilu kont qed inżur familja. F’daqqa u l-ħin id-diskors dar bħal ċirasa fuq frażi li jien, bħala Patri, tgħidx kemm nismagħha! L-aktar fl-Isptar fejn naħdem! “Patri, tista’ titlob għalija?”

Waħda mir-raġunijiet l-għaliex ix-xogħol fl-Isptar inħobbu hija li f’dan il-post qaddis inħossni nieħu tagħlima wara l-oħra. Mhux ta’ b’xejn mela li għal San Ġorġ Preca l-Isptar huwa wieħed mill-kotba l-kbar tal-ħajja! Għalhekk, meta smajt din il-frażi tidwi f’moħħi u f’qalbi, għedt: “La jien Nisrani, ħa nara x’tgħid il-Bibbja fuq din il-biċċa li nitolbu għal xulxin?” U bdejt infittex… U aqta’ x’sibt?…

“Stqarru wieħed lill-ieħor in-nuqqasijiet tagħkom u itolbu għal xulxin, biex hekk tfiqu. It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira” (Ġak 5:16). “Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha” (Efes 6:18). “Nitolbok l-ewwelnett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha” (1 Tim 2:1). “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr” (Fil 4:6). “Għalhekk aħna wkoll, mindu smajna bikom, ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali” (Kol 1:9). “Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (Mt 5:44). “Ħuti, itolbu wkoll għalina” (1 Tess 5:25).

“Nħeġġiġkom, ħuti, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu u permezz ta’ l-imħabba ta’ l-Ispirtu, tqabdu miegħi intom u itolbu lil Alla għalija” (Rum 15:30). “Żommu sħiħ fit-talb, ishru fih b’radd ta’ ħajr lil Alla” (Kol 4:2). “Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu” (Lhud 4:16). “Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rum 8:26). “Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom” (2 Tess 3:1). “Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom” (Mt 18:19). “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom” (Ġw 15:7).

Kemm kwotazzjonijiet ħbieb li jsostnu r-rejaltà u l-ħtieġa li nitolbu għal xulxin! Imma d-diskors f’din il-familja issokta jinżel aktar fil-fond minn hekk. Sabiħa meta tkun taf li xi ħadd qed jitlob għalik. Veru? Imma dan huwa biżżejjed? Ma naħsibx.

F’din id-diskussjoni sabiħa li kelli ma’ dawn it-talin ħarġet ċara l-importanza li meta xi ħadd jgħidli: “Patri! Itlob għalija?” jien li għandi nagħmel hu li nistaqsih fuqhiex. U, f’dak il-ħin stess, nibda’ nitlob mal-persuna. Kemm ħadt gost nisma’ esperjenzi sbieħ fejn seħħu tassew affarijiet mill-isbaħ wara li persuna talbet ma’ oħra. U tifhem l-għaliex! L-għaliex meta jiena nitlob ma xi ħadd jien qed inwettaq opra ta’ ħniena mill-aktar kbira. Tiftakruha l-aħħar opra tal-ħniena tar-ruħ: “Itlob lil Alla għall-ħajjin u għall-mejtin?”

Ħbieb, ejjew f’din is-sena tal-Ħniena nitħarrġu aktar f’din l-opra tal-ħniena. M’għandekx le għalfejn tkun patri, soru, qassis jew fra biex titlob man-nies. Biżżejjed tkun temmen li fl-Isem u d-Demm ta’ Ġesù dak li hu impossibbli għalina l-bnedmin isir possibbli għall-Missier tagħna tas-sema. Mela poġġi jdejk u itlob ma’ min ikun talbek biex titlob għalih. Meta nitolbu flimkien il-qawwa tal-Mulej tassew tinżel fuqna. Imbagħad jibdew iva isiru dawk il-mirakli u l-għeġubijiet li titħaddet fuqhom il-Kelma ta’ Alla.

Wara kollox fl-Ittra lill-Korintin San Pawl ma qalilniex: “L-armi tagħna għall-ġlied m’humiex tad-dinja; iżda għandhom il-qawwa ta’ Alla biex iġarrfu l-fortizzi” (2 Kor 10:4)?

Patri, itlob miegħi!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: