Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-Fra li jnissillek tbissima

Il-Fra li jnissillek tbissima


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-filosfu Anglo-Amerikan, Thomas Paine, darba qal hekk: “Il-veru bniedem jitbissem fl-inkwiet, jieħu l-kuraġġ tiegħu mit-taħbit u jsir qalbieni bir-riflessjoni”. Din is-sentenza sabiħa ta’ dan l-attivist politiku Anglo-Amerikan tfakkarni f’persuna għażiża ħafna għalija, Fra Baskal Caruana OFM Cap.

Min kien eżattament Fra Baskal? Fra Baskal twieled fil-Mellieħa, nhar it-22 ta’ Jannar tal-1940. Fil-magħmudija ġie mogħti l-isem ta’ Francis. Dan l-isem kellu jkun il-gwida ta’ dak li l-Mulej sejjaħlu biex ikun aktar ‘il quddiem, Fra Franġiskan Kapuċċin. Meta kellu 16-il sena Francis wieġeb b’ġenerożità kbira għas-sejħa li l-Mulej kien qiegħed jagħmillu. Tant li abbanduna d-dinja u beda n-novizzjat magħna, l-Aħwa Minuri Kapuċċini, fil-Kunvent tagħna ta’ Għawdex. Dan seħħ nhar il-21 ta’ Ottubru tal-1957. Meta daħal il-kunvent is-superjuri ħasbulu wkoll għall-isem reliġjuż tiegħu. Ingħata l-isem ta’ Fra Baskal mill-Mellieħa.

Nhar is-27 t’Ottubru ta’ sena wara, jiġifieri tal-1957, Fra Baskal għamel il-professjoni sempliċi. Wara huwa kompla l-formazzjoni tal-bidu tiegħu billi ntbagħat fil-Kunvent tal-Kapuċċini tal-Floriana. Kien hawnhekk li huwa għamel il-professjoni perpetwa tiegħu li seħħet nhar it-30 ta’ Ottubru 1960. Minn hawnhekk il-ħajja ta’ Fra Baskal kompliet tintensifika ruħha f’għadd ta’ ħidmiet fil-kunventi tagħna. Fost dawn insibu l-ħidma tiegħu fil-Knisja Parrokjali tat-Trinità Qaddisa, il-Marsa, li ntemmet fl-1964. Imbagħad mill-1964 sal-1986 Fra Baskal ħadem bis-sħiħ fil-kunvent tagħna tal-Floriana. Hawnhekk it-twajjeb Fra kien jieħu ħsieb il-kċina u ż-żamma tal-kunvent. Fl-1986 l-ubbidjenza ħadet lil Fra Baskal fil-fraternità tax-Xemxija. F’dan il-kunvent Fra Baskal qeda b’imħabba kbira l-uffiċċju tiegħu ta’ Sagristan u kif ukoll kien jieħu ħsieb il-kunvent. Din il-missjoni Fra Baskal wettaqha b’tant imħabba sas-sena 2004. Għal darb’oħra l-ubbidjenza reġgħet sejħitlu biex isorr kollox u jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex sabiex jaqdi lil ħutu l-patrijiet fil-kunvent tagħna tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat. Fra Baskal qeda dan l-uffiċċju minn qalbu sa ma mar fid-Dar tal-Missier nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2016. Il-Fra qatta’ l-aħħar ġimgħatejn ta’ ħajtu fil-fraternità tal-Floriana.

Personalment għandi tifkiriet tassew sbieħ ta’ Fra Baskal. Kull darba li kont niltaqa’ miegħu dejjem kien ifendili xi ċajta. Inkella xi kumment li jħallini nitbissem, u, jekk mhux ukoll, iħallini mgħoxxi bid-daħk. Fra Baskal kien wieħed minn dawk l-aħwa li lili kien tant jagħmilli kuraġġ biex nissokta nikteb. Meta konna nkunu rasi u rasu kien iħobb jgħidli: “Minn fejn iġġibhom dawk l-idejat?” U jien kont inħobb nurih b’subgħajja l-werrej is-sema u ngħidlu: “Dak l-Imgħallem Baskal jiktibhom mhux jien! Infaħħruh sieħbi!” Kemm kont apprezzajt meta sirt naf li l-artikli li l-Mulej jagħtini nikteb Fra Baskal kien jiġborhom! X’imħabba u rispett fratern dak!

Fra Baskal kellu erba’ battuti tajbin li għalihom baqa’ magħruf. Nixtieq insemmi waħda minnhom li baqgħet sinonima miegħu. Darba, xi ħadd, biex jara ftit fejn ilaħħaq moħħu, staqsieh quddiem kulħadd: “Allura Fra Baskal, x’inhi l-ħajja reliġjuża?” U l-Fra, kollu sempliċità u spirtu pront, wieġbu bil-kalma kollha: “La Divina Commedia!” U ħallieh iċċassat! Kemm kellu raġun biex ibiegħ Fra Baskal b’dak il-kumment! L-għaliex il-ħajja reliġjuża hija tabilħaqq kummiedja tal-Mulej mill-bidu sal-aħħar. Jiġifieri kif għażel lil dawn u mhux lill-oħrajn. U kif lil dawn proprju ġabhom jgħixu ma’ dawk. Barra minhekk, il-ħajja reliġjuża hija wkoll kummiedja l-għaliex hija mixja li tibda’ f’din id-dinja u tiżbokka fil-ħajja ta’ dejjem.
Ħaġa oħra li kienet taffaxinnani f’dan il-Fra minn tagħna kienet l-ismijiet li kien jagħti lill-patrijiet. X’kapaċità kbira kellu li jistudja l-karattru tal-persuna li miegħu kien jgħix u jseħħlu jsiblu eżatt l-isem li joqgħodlu. Skont il-karattru tiegħu. Mhux il-każ li noqgħod insemmi l-litanija ta’ ismijiet li kien ta lill-patrijiet u lill-frajiet iżda dan il-fatt waħdu jurini kemm il-bniedem kellu saqajh mal-art u lil ħutu fil-kunvent kien jafhom sewwa. Mela żgur li ma kienx is-sempliċott li wħud, forsi l-għaliex ħasbu li kienu bravi ħafna, kienu jaħsbuh.

Għoġbitni ħafna l-omelija sabiħa li għamel il-Provinċjal, Patri Martin Micallef OFM Cap, nhar il-funeral ta’ Fra Baskal li seħħ nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju fil-Knisja tagħna l-Kapuċċini fix-Xemxija. Meta ikkummenta fuq kliem Ġesù: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu” (Mt 6:19) il-Provinċjal qal: “Fra Baskal ħallielna eżempju qawwi ta’ kif għandna ngħixu dan il-kliem ta’ Ġesù. Min kien jaf lil dan Ħuna u għex qrib tiegħu, jaf li huwa ma kellu proprju xejn: kamra fqira għall-aħħar bi ftit affarijiet li kien meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum. U madanakollu, xorta waħda huwa kien bniedem ferħan u trankwill, ta’ karattru ħelu u ċajtier”.

Hija verità li llum qegħdin ngħixu f’soċjetà u f’dinja fejn il-ferħ ixxotta. Wasalna fi żmien fejn trid tħallas biex jitbissmulek. Kemm skarsat it-tbissima! Wara kummenti daqshekk sbieħ mill-Provinċjal taf iddur lejja u tistaqni: “Patri Kif nista’ inkun ferħana u ferħan bħal Fra Baskal ?”

Ħa nagħmel il-wisa lill-Provinċjal ħa jwieġbek hu permezz tal-omelija għalliema li niseġ nhar il-funeral ta’ Fra Baskal. “Min kien jaf sewwa lil Fra Baskal jaf kemm din is-sentenza (Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu … ħarsu lejn l-għasafar tas-sema, la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madanakollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?”(Mt 6:25-26)) huwa kien jgħixha tassew b’mod prattiku fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa straħ ħafna fuq il-providenza ta’ Alla, fuq l-għajnuna tiegħu u fuq il-konvinzjoni li jekk il-Mulej jipprovdi lit-tajr tal-ajru, aħseb u ara lill-maħbubin tiegħu! Dan deher fil-ħidma li huwa wettaq l-ewwel: (1) fil-kunvent tal-Floriana; (2) fil-parroċċa tat-Trinità Qaddisa, Marsa fejn kellu l-ministeru ta’ sagristan tal-Knisja; (3) fil-kunvent tal-Floriana fejn kien jieħu ħsieb il-kċina u l-kunvent; (4) fix-Xemxija, fejn kien jieħu ħsieb il-knisja u l-kunvent; u (5) u fl-aħħar snin fil-kunvent ta’ Għawdex, fejn il-preżenza tiegħu kienet ta’ ferħ għal dawk kollha li kienu jiltaqgħu miegħu”.

Il-ħajja għażiża ta’ Fra Baskal tista’ tiġi aktar apprezzata mir-riflessjoni li huwa stess kien għamel rigward il-ħajja Franġiskana Kapuċċina meta qal: “Din hija ħajja sempliċi u umli. Hi ħajja ta’ qadi kontinwu fil-komunità u lill-poplu ta’ Alla. Ħajja li tgħinek tgħix verament kuntent”.

Il-ħajja ta’ Fra Baskal Caruana iġġagħlni ngħanni bil-kliem mirqum u meqjuż tal-poeta Kapuċċin, Patri Wistin Attard OFM Cap, li fil-poeżija tiegħu F’egħluq l-400 sena tal-Kapuċċini f’Malta, għanna hekk: “Kapuċċin: ħuk iż-żgħir, jekk int fqajjar, Kapuċċin: ħuk iż-żgħir, jekk sinjur, Kapuċċin: ħuk żgħir, jekk int f’saħħtek, Kapuċċin: ħuk iż-żgħir, jekk int magħdur”.

Dan kien ħbieb Fra Baskal Caruana OFM Cap: ħu l-fqajjar, is-sinjur, min hu b’saħħtu u l-marid. U għalhekk issa, mis-sema, Fra Baskal nistħajlu jgħid lil San Franġisk bil-kliem għalliem ta’ Patri Wistin: “O Franġisku, ħarisha bi mħabbtek lil dir-rimja li tajt lill-maltin; Kattar l-għadd ta’ l-ulied biex dil-ħidma Tibqa’ tikber mal-mixja tas-snin”.
Bit-tbissima tiegħu Fra Baskal kien strument f’idejn il-Mulej għall-iskop speċjali tiegħu. Tbissmietu kienet dawl li biha idda d-dawl tal-Mulej. Bi tbissmietu huwa qasam id-dawl tiegħu mal-oħrajn. Bi tbissmietu ifforma l-poplu tiegħu.

Grazzi Fra Baskal! Dejjem tibqa’ minna apprezzat! Il-Mulej jagħtik il-ħajja ta’ dejjem! Itlob għalina!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: