Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > X’jagħmel ħabib ta’ veru?

X’jagħmel ħabib ta’ veru?


Patri Mario Attard OFM Cap

Xi xhur ilu xi ħadd fettillu jibagħtli emejl li tgħidx kemm ħadt gost naqraha! Mhux hekk biss. Imma spiċċajt nagħrbilha tant li issa se naqsam magħkom vjaġġ li terraqt flimkien magħha fir-riflessjoni.

It-titlu ta’ din l-emejl kien: Dan hu li jagħmel Ħabib Tassew! Il-punt esklamattiv tani naqra f’għajni. Dan l-għaliex l-awtur ta’ din il-kitba donnu ried jagħti l-impressjoni li dawn l-ingredjenti, u dawn biss, huma li jagħmlu ħabib tassew. Ħabib ta’ min jorbot fuqu. Fi żmienna fejn is-sentenza: “Illum ma’ tista’ tafda lil ħadd” saret il-mantra tas-soċjetà post-moderna tagħna, li jkollok ħabib hija tassew grazzja. Mhux ta’ b’xejn li l-Ktieb ta’ Bin Sirak jistqarr: “Kenn sod il-ħabib ta’ min jafda fih, u min isib wieħed ikun sab teżor” (Sir 6:14). Ħa ngħaddu issa għall-ingredjenti li jsawwru ħabib tassew.

Ħabib tajjeb jibqa’ miegħek anki fi żminijiet iebsa. Ħbieb tassew se jibqgħu dejjem hemm għalik biex jagħtuk idhom ħa jgħinuk. Ilkoll nafu l-esperjenza qarsa ta’ min ippreżenta ruħu b’ħabib ta’ veru f’ħajjitna. Imma mbagħad, meta ra li ma kienx jaqbillu aktar, dabbar rasu. Eżattament bħalma jgħid l-awtur ta’ Bin Sirak: “Hemm il-ħabib li joqgħod miegħek mal-mejda, imma ma jiqafx miegħek dakinhar ta’ l-għawġ” (Sir 6:14). Dan hu “ħabib meta jaqbillu” biss (Sir 6:8)! Mhux lant li tagħżlu b’ħabibek!

Għaliex ħabib hu dak li, għax jafek, jibqa’ jħobbok bl-istess mod. Irrilevanti jekk intix fqir jew għani. Influwenti jew le. Sabiħ inkella ikrah. U, ħaġa oħra importanti, ħabib tassew ma jħallikx tagħmel ħwejjeġ li jġibuk fi nkwiet kbir. Le! Jiftaħlek għajnejk! Għax, kif jgħallem Sant Tumas minn Akwinu, l-imħabba vera hija li tixtieq il-ġid lil ħaddieħor jew li tixtieq lil ħaddieħor jirnexxi. U jekk tassew nixtieqlek il-ġid kif se nagħlaq ħalqi u nħallik tegħreq fl-iżball? Dik xi mħabba hi?

Ħabib tassew jaqsam miegħek l-esperjenzi li tgħaddi minnhom. U jipproteġik. Ħabib veru, għaliex ikun jafek, jgħinek tara n-naħa l-oħra tal-munita. Hekk kull deċiżjoni li tagħmel tkun aktar ħolistika. L-għaliex l-affarijiet tkun tfajthom ilkoll fuq il-mejda bil-għan li tara l-istampa kollha. U tiżen it-tajjeb minn dak li jidher tajjeb. U l-ħażin minn dak li jidher ħażin. Għalhekk, il-parir ta’ ħabib mhux ta’ min jinjorah. Imma ta’ min jonorah!

Ħbiberija vera m’hijiex sempliċiment imkejla mill-ammont ta’ żmien li int u ħabibek ilkom tafu lil xulxin. Daqskemm li minn kemm ilkom tafu lil xulxin qatt ma ħallejtu lil xulxin. Qatt ma tbegħdtu wieħed mill-ieħor.

Kos hux! Kemm il-ħbiberija vera hija li tagħti lil dak li tqisu b’ħabibek xi ħadd li fuqu jista’ iserraħ. Li taf li hu qiegħed hemm għalik dejjem! Tkun f’hiex tkun! Din l-emejl ġagħlitni naqbel waħda kbira magħha meta għallmitni li “ħabib ta’ veru huwa għajnejk fid-dinja”. Dan l-għaliex tant kemm isir ħaġa waħda miegħek li l-ħbiberija ta’ bejnietkom tgħinek ikollok viżjoni oħra tal-ħajja. Sintendi mingħajr ma tiċħad, tgħattan jew twarrab il-viżjoni tiegħek!

L-aħħar parir li nissuġġerixxi lil min jixtieq ikollu ħabib huwa dak li joffrilna Bin Sirak: “Meta tikseb ħabib, iksbu wara li tkun ġarrabtu, u tkunx mgħaġġel biex tafda fih” (Sir 6 :7). Ġarrbu kemm tiflaħ ħa tara għandekx fuq min isserraħ. Għax ħabib huwa bħal bastun. Jew li isserraħ fuqu. Inkella li tissawwat bih. Min ma ħax iż-żmien tiegħu biex jafda ħabib spiċċa msawwat bla ħniena. Imma min ġarrab u ittestja lil ħabibu u ra li hu ta’ min jafdah illum jista’ iserraħ qalbu miegħu.
Il-ħbiberija tkun soda meta tkun ankrata fil-Mulej! Eżatt bħalma qal l-awtur ta’ Bin Sirak: “Min jibża’ mill-Mulej imexxi tajjeb il-ħbiberija tiegħu, u kif ikun hu, ikun ħabibu” (Sir 6:17).

B’dawn il-ħsibijiet f’moħħok u f’qalbek għid issa lil veri ħbiebek li tħobbhom!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: