Id-dell


Patri Mario Attard OFM Cap

Kemm hi sħana hux bħalissa! Anqas tista’ toħroġ naqra barra fix-xemx li ma tinqeliex! Almenu hekk jiġrili jien! Ma nafx intom. Mhux ta’ b’xejn li meta nixref rasi ‘il barra arani nilbes bil-ġiri dik il-beritta l-bajda u n-nuċċali l-kanella tax-xemx! Inkella xemxata fuq il-qargħa miskina li, kulma jmur, dejjem qed tinkixef. U ħarqa ħarqun lill-ħbub għajnejja! Naħseb li ma jaqbilx hux!

Ix-xemx saret tikwi wisq. Kollu ħtija tad-diżażtri ambjentali li s-sinjuri kumpaniji multi-nazzjonali, flimkien ma’ uħud li ħarqu l-foresti, għoġobhom jagħmlu mat-tul iż-żminijet. U issa, int u jien, qed inlaqqtu l-borma minħabba fihom! Intant! Taf li avolja nilbes iċ-ċoqqa xorta waħda nħossha taqbad fuqi! Mill-ewwel insir ilma. U l-għatx jibda’ dlonk jattakka lil fommi. Nipprova nħarrek ilsieni. Imma x’inħarrku inħarrku! Isir eżattament bħall-biċċa laqxa! Inkella biċċa għuda! U emmnuni! Inħossni nagħmel l-istess esperjenza tas-Salmista tas-Salm 22 meta qal: “Ħalqi niexef bħal xaqqufa, lsieni mwaħħal ma’ ħnieki; ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt” (Salm 22:16).

Naf x’se tgħidli: Patri evita x-xemx bejn l-10.00 ta’ filgħodu u s-6.00 ta’ filgħaxija. Nixtieq kieku! Imma mhux dejjem nista’. Ġieli jkolli noħroġ mill-kunvent f’dawk il-ħinijiet. Ġieli jkolli nimxi l-għaliex mhux dejjem inkun nista’ nieħu lift. Għalhekk ikolli nesponi ruħi għax-xemx. Xi nies ġieli qaluli: “Eh Patri! Mela min jaf dawk li xogħolhom huwa fuq barra! Kemm ibatu msieken!”

Veru! U għalhekk li, fis-sikta ta’ qalbi, inħoss li għandi noħroġ dik il-kuruna mill-but, l-għaliex hekk naf nitlob, u nżebbeġ dik il-posta jew tnejn għalihom. Inħoss li aktar ma’ nitlob lill-Mulej, bit-talb ta’ Marija, għal dawn it-talin, aktar il-Mulej se jagħtihom kuraġġ ħa jkomplu jaqdfu ‘il quddiem fil-ħajja. Minkejja l-isfidi, l-inkwiet u l-persekuzzjonijiet.

Imma, l-esperjenza tiegħi fix-xemx ħanina, għalkemm qawwija, ta’ Malta, f’sajf jaqli l-ġrieden, għallmittni ħaġa oħra importanti: li nfittex il-mistrieħ fid-dell. U hekk, mal-ewwel siġra li nsib, inkella ħajt għoli, arani nipparkja taħtu u noqgħod hemm għall-kwiet. Mhux l-ewwel darba li ninfaqa’ nidħak bija nnifsi! L-għaliex, nibda’ ngħid bejni u bejn ruħi: “Ara ftit! Qisni xi alligator! Imkaħħal mal-art! Jistenna!”

Iżda x’jiġri eżatt waqt li nkun fid-dell, nistenna? Darba minnhom kont ma’ xi nies li kellhom imorru f’post. Jiena ma kelliex għalfejn nidħol fil-post. Għaliex ma kelliex x’naqsam fl-istorja. Għalhekk bqajt barra. Niftakar li kien għall-ħabta ta’ nofsinnhar. U l-werżieq, minħabba s-sħana li tgħidx kemm kienet ikkargat f’dik il-ġurnata, beda jwerżaq u ma waqafx. Mela waqt li dawn it-talin kienu ġewwa kelli x-xorti li l-karozza ipparkjawha taħt siġra. U jien, hekk kif sibt ruħi fid-dell, dak li ridt biex nagħmel xalata. Ħriġt, bil-mod il-mod, mill-karozza, u qgħadt taħt is-siġra.

U x’ħassejt taħt is-siġra? Frisk kbir! Żiffa ħelwa! Dik iż-żiffa li ħass il-profeta Elija meta l-Mulej mar iżuru. Għax dik iż-żiffa, għalkemm kalma kalma, bdiet dieħla ġewwa fija. Bdiet tinfed iċ-ċoqqa tiegħi u tiġri ma’ ġismi kollu. Dik iż-żiffa bdiet, saħansitra, tippenetra ħwejġi, sakemm daħlet f’qalbi. U meta daħlet jiena ħassejtni ninqata’ minn din id-dinja tal-inkwiet, tat-toqol, tal-problemi, tat-tkissir ir-ras u tal-iljieli mingħajr rqad, u sfajt imżerżaq għal dinja oħra.

U l-viżjoni li din iż-żiffa ġabitli kienet tassew sabiħa! Ħassejtni dieħel f’Belt kbira u sabiħa. L-art u l-bini tagħha kienu tad-deheb. Deheb iżda li m’għandux x’jaqsam ma’ dak ta din id-dinja. Iżda, u jkolli ngħid, huwa l-istess deheb li jinżel mis-sema fuq l-altari tagħna meta s-saċerdot, fil-kliem għażiż tal-konsagrazzjoni, jgħid il-frażi: “Għall-maħfra tad-dnubiet!”

Kemm ħassejtni tajjeb ħbieb f’din il-Belt dehbija! Ma kellix għalfejn nixrob iżjed. Lanqas niekol. Ħassejtni mimli bl-imħabba li xxabba l-qlub. Ħassejtni li l-KOLLOX għamilni ħaġa waħda miegħu.

Meta tkun maqtul bis-sħana sib post għad-dell. U meta tibda’ tħoss iż-żiffa ħelwa tħaddnek magħha għalaq għajnejk u ħu gost tħossok imħaddan minn Missierek tas-Sema. U meta issibek imħaddan u mħaddna miegħu, għidlu, anki jekk ilek ma tqerr: “Pà! Inħobbok ħafna! Titlaqnix minn din it-tħaddina ma’ qalbek!”

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: