Qed inġorr!


Patri Mario Attard OFM Cap

Issa wasalt. U qiegħed f’kunvent ġdid. Jekk tgħidli issetiljajtx ngħidlek, bl-akbar sinċerità, “Bil-mod sieħbi!” Il-bniedem mhux robot! Irid iż-żmien. U ż-żmien jibqa’ żmien. La tista’ tkejlu u wisq anqas tippretendih!

Iżda ħsibijieti immorru iva f’dik l-esperjenza kbira li għaddejt minnha ftit tal-ġimgħat ilu. Esperjenza li ħallietli marka f’ħajti. Marka mhux fis-sens ta’ traġedja, kif inhuma l-kulur inkella t-togħma li wħud iridu jagħtuha. Iżda l-marka li għandi f’moħħi u li toqgħod kexxun għal din l-esperjenza hi dik ta’ għerf, riflessjoni u kompassjoni. Marka ta’ paċi. Għalkemm dik in-naqra uġiegħ bilfors li se tkun hemm. U nifimha! L-għaliex din l-esperjenza hija, fiha nnifisha u qabel kollox, sfida. Iżda, għal min tassew jemmen u ma jimxix biss fuq dak li jgħidlu moħħu inkella mkaxkar minn tulu mis-sentimenti umani tiegħu, din l-esperjenza hija wkoll tieqa ta’ kuntatt mal-eternità.

Li iġġorr minn post għall-ieħor m’hijiex ċajta. Li nħalli warajja dak li għalija kien tant għażiż, sabiħ u li jfisser ħafna, hija ġlieda. Ġlieda l-ewwel nett ma’ dak li tgħaddi minnu qalbi. Jiena u nippakkja ħwejġi u l-kotba, li tant jdaħħluni mhux biss fil-garigori ta’ ħsibijieti iżda wkoll fil-korsa tal-għemejjel tiegħi, bdejt nintebaħ li f’ħajti, sewwasew fil-ktieb ta’ ħajti, kienet qed tinkiteb storja oħra. Storja irrepetibbli. Storja unika. Mhux l-għaliex fiha kont involut jien. Li kieku kien hekk jiena stess kont inqatta’ dan li l-Mulej qed jagħtini nikteb fuq din il-karta illum. M’għandix għalfejn nippromovi lil nnifsi! L-għaliex jiena qaddej. U l-qaddej ta’ qaddej jista’ jagħtik! Imma, l-għaliex qed nippromovi lis-Sinjur, lis-“Sultan tal-glorja” (Salm 24:7-10), qed nintebaħ kemm huwa tabilħaqq meħtieġ li ngħid dak li DAK LI HU qed ipoġġili f’qalbi li ngħid.

U x’qed ipoġġili? Li meta nġorr jiena qed nagħti xhieda ta’ xi ħaġa li hija lil hinn ħafna minn din id-dinja ta’ ħakma, setgħa, tixħim, kontroll u inġustizzja. X’tista’ tikkontrolla fis-smewwiet? Min jista’ jikkontrolla l-univers? Min jista’ jieħu f’idejh is-setgħa fuq dak li jeżiżti lil hinn mill-pjaneta tagħna? Aħna nitfixklu fil-galassja tagħna l-għaliex hija vastissima! Lanqas nibdew magħha! Veru? Aħseb u ara kemm se naħkmu l-univers?

Jiena u nġorr ħwejġi għall-kunvent ieħor stajt nara kemm fil-ħajja jien għandi nintelaq f’idejn id-dinja li ma tidhirx. Dik ir-rejaltà li, nemmen jew ma nemminx, hija fil-qalba ta’ din ir-rejaltà muġugħa u imħawda bħalma hi din id-dinja. Dan aktar fhimtu meta darba, jiena u nitħaddet mal-mibki Papas Vito Borġa, kont tlabtu jekk nistgħux nitolbu talba flimkien. U niftakar, qisu issa, Papas Borga kien dar lejja u qalli: “X’naqbdu nitolbu Fra Mario? Jekk biss ngħidu l-ewwel kelma tat-talba tal-Missierna nistgħu nibqgħu hawn u ma noħorġux minn hawn iżjed”.

Xi kliem għaref hux! X’immensità l-Missier tagħna tas-Sema! L-għaliex kien dak il-Missier stess li, permezz ta’ Ġesù, lil Franġisku qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: bigħ kull ma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet: mbagħad ejja u imxi warajja” (Lq 18:22). U, kuntrarju għal dak iż-żgħażugħ li, “meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani” (Lq 18:23), Franġisku mar, kollu “ferħan … ibigħ kull ma [kellu]” (Mt 13:44). Basta xtara “dik l-għalqa” (Mt 13:44).

Imma x’għalqa kien xtara? Jew aħjar x’bigħ Franġisku biex jixtrieha? Bigħ lir-rieda tiegħu! Il-libertà tiegħu! Din l-attitudni tistona bil-kbir fid-dinja u fis-soċjetà mhux biss ta’ żmien San Franġisk imma, u fuq kollox, tallum! Iva! Illum! Fejn ħadd ma jista’ jkellem lil ħadd. Fejn, ngħidu aħna, daqxejn ta’ tifla ta’ tnax-il sena tippretendi li fil-ħajja ma jgħallimha ħadd. Li kapaċi tiddeċiedi għaliha innifisha. Għax, mingħaliha, li taf! Ma tħossx il-bżonn li xi ħadd jurieha. Imma, jaħasra, u propju minħabba f’hekk, li l-għadu tagħha qiegħed wara l-kantuniera ta’ ħajjitha. Jistenna. Biex żgur jagħmilha tritaq! Mela oħti! Isma’ minn min qed jiftaħlek għajnejk! Twebbisx rasek! Issabbatx saqajk! Tagħmilix ta’ xi ħadd li m’intix!

San Franġisk għandu frażi li lili tgħidx kemm tagħmilli ġid kull darba li niftakar fiha. Huwa jirriferi għar-rieda tal-bniedem bħala tqalligħ. Tajjeb ngħidu li San Franġisk ma kellu xejn kontra r-rieda tal-bniedem. Anzi! Kien japprezzaha. Jistmaha. Jonoraha. Għall-kuxjenza tal-bniedem, meta immexxija mill-Ispirtu tal-Mulej u mhux mill-bniedem innifsu, Franġisku kellu ġieħ kbir lejha. Iżda meta r-rieda tal-bniedem titħassar iva “biż-żína, bil-faħx, bin-nuqqas ta’ rażan, bl-idolatrija, bis-seħer, bil-mibegħda, bil-ġlied, bil-għira, bil-korla, bl-ambizzjoni, bil-firda, bil-partiti, bl-invidja, bis-sokor, bit-tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn” (Gal 5:19-21) tant kemm tmur lura li tispiċċa tarmi lilha nnifisha fil-miżbla tal-ħażen.

Għalhekk huwa importanti li r-rieda supperva tal-bniedem tiġi mifdija mill-umiltà. Ma taffordjax li tibqa’ rieda ikkonċentrata fuqha innifsha. Li tħares biss lejn l-interessi tagħha. Li tfittex il-kumdità tagħha. Li tagħmel lilha innifsha assoluta. Inkella li tispiċċa paljazza ta’ stint li jġegħla saħansitra tbigħ lilha innifisha biex takkwista l-kariga. Le! Ir-rieda hija mifdija meta tingħata kollha kemm hi lill-Mulej li ħalaqha. Li ġabha fl-eżiżtenza. Li jħobbha. Li “jiżborha u jnaddafha biex tagħmel frott aktar” (Ġw 15:2).

Imma x’inhuwa l-frott aħħari ta’ rieda li tintelaq fir-rieda tal-Mulej? Rieda li lesta tibdel saħansitra fejn toqgħod? Rieda li lesta tmur fejn ir-RIEDA tibgħatha? Se nerġa’ indur bil-ferħ lejn San Franġisk innifsu. U, bid-dmugħ f’għajnejja, nixtieq nikkwota l-kliem tat-Talba li hija attribwita lilu. Huwa f’din it-talba li jiena nara il-frott aħħari ta’ rieda li lesta tissagrifika lilha innifisha basta l-ġid komuni jseħħ. U jiġi iċċelebrat ħalli jfejjaq.

“Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek. Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba; fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra; fejn hemm id-dubbju, ħallini ndaħħal il-fidi; fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama; fejn hemm id-dlam, ħallini inkebbes id-dawl; fejn hemm in-niket; ħallini nxerred il-ferħ. La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien; la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddiehor jien; la tħallix li iżjed ikun maħbub, milli nħobb jien. Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu. Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura. Għax meta mmutu, nqumu għall-Ħajja ta’ dejjem”.

Għaliex għalija, Patri midneb u maħfur, li qed inġorr ifisser li qed infiq mill-mibegħda permezz tal-imħabba, mill-ħtija permezz tal-maħfra, mid-dubbju permezz tal-fidi, mill-qtiegħ il-qalb permezz tat-tama, mid-dlam permezz tad-dawl, minn niket permezz tal-ferħ. Huwa għalhekk li issa aktar qed inħossni li għandi nfarraġ jien, inħobb jien, nagħti jien, naqla’ jien, naħfer jien, immut jien.

Għax qed inġorr il-jien m’għandux il-jien sulu, tiegħu innifsu, imma l-jien sar aħna! Fraternità! Solidarjetà! Karità! Sar iva, mingħajr ma jistħoqqli, għaliex midneb, TRINITÀ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: