Iċ-ċpar


Patri Mario Attard OFM Cap

Milhux xi ħadd bgħattli ritratt mill-isbaħ tal-kunvent tagħna l-Kapuċċini tal-Kalkara. Aktar ma ħarist lejh aktar issaħħart fuq dan l-imbierek ritratt! Il-mod kif inhu mittieħed juri l-Knisja tagħna ta’ Santa Liberata flimkien mal-kampnar ħelu tagħha li qiegħdin jgħumu fiċ-ċpar.

Iċ-ċpar! Xi dwejjaq hux! Kemm jaħasra nkunu nistgħu naraw ħwejjeġ mill-aktar sbieħ iżda, permezz taċ-ċpar, tassew li ma nkunux nistgħu narawhom. U napprezzawhom! Kemm persuni jiċċajpru l-għaliex xi ħadd, minn ewl id-dinja, ifettillu jitħaddet jew jikteb xi ħaġa li tkerraħhom! Kemm ħwejjeġ jitilfu s-sbuħija tagħhom l-għaliex xi ħadd jagħmlilhom isem ħażin! Sewwa jgħidu, agħtini l-fama u itfagħni l-baħar!

Iċ-ċpar perikoluż! L-aktar fis-sewqan. U, skont website partikulari, anki titjiriet tal-ajru spiss jitħassru minħabba ċ-ċpar. Hemm silta fil-Bibbja li lili tant tfakkarni fil-kruha taċ-ċpar. Kemm dan it-tip ta’ ċpar jista’ tassew jagħmel ħsara lil min jagħżel li joqgħod fih. San Pawl jikteb hekk fl-Ittra tiegħu lill-Galatin: “L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn” (Gal 5:19-21).

Issa ħa ngħiduha kif inhi: mhux ċpar meta jiena ġismi nġibx ruħi bih b’rispett u b’imħabba li jixraqlu? Mhux ovvja li jekk ma nħobbx u ma nirrispettax lil ġismi aħseb u ara kemm se nħabbel rasi li nirrispetta l-ġisem ta’ ħaddieħor? Ma nsejjaħlux dan ċpar fija meta moħħni u mogħni mill-impurità? Jekk jiena fija qed nara d-dlam kif qatt nista’ nara d-dawl ta’ madwari? Imbagħad xi ngħidu għan-nuqqas ta’ rażan? Fejn kollox jgħaddi u kollox isir permess? Fejn il-qies ma jeżiżtix? Mhux ċpar dan l-għaliex itappan għal kollox il-kapaċità li l-Mulej tani għall-modestja? Għall-qies? Għar-rażan? Għad-dekor?

Ċpar ieħor li joħroġ minn dan il-qari, li hu tant rejali ma’ ħajjitna, huwa dak tal-idolatrija. Anki hawn għandna l-problemi. Jien kif nista’ naqbad persuna u nagħmilha idolu tiegħi? Għidli ftit x’jiġri meta dik il-persuna, l-għaliex persuna, u għalhekk dgħajfa, lili tittradini? Ma titfagħnix f’inkwiet kbir? Imbagħad xi ngħidu meta nagħmel idolu l-karozza jew oġġett ieħor. Inkella l-flus! X’massakru nagħmel minn nies ta’ madwari meta dawn il-ħwejjeġ nibda’ inġibhom qabel il-persuni li ngħix magħhom! Inkella l-annimal jew annimali li nrabbi lid-dar jibdew jieħdu post il-persuni l-oħra. U forsi, l-għaliex ta’ madwari ma jurunix ir-rispett li nistenna mingħandhom, nibda’ nagħti aktar attenzjoni lill-annimali li nrabbi, inżommhom paxxuti u ma jimpurtanix mill-persuni għeżież tiegħi. Jiena nista’ wkoll inkun idolu tiegħi innifsi. Dan iseħħ meta nwaħħalha f’rasi li dak li ngħid jien dejjem benfatt. Iva jiena qatt ma nista’ niżbalja? Qatt ma nista’ nieħu falza stikka fil-ħajja? Proprju qatt? Allura dan mhux ukoll ċpar fija?

Anki s-seħer ħbieb jista’ ikun ċpar. Tgħid għaliex jien għandi nitfa’ ħajti taħt stilla? Għandi nikkundizzjona ruħi skond ma jgħidli dak is-saħħar jew saħħara? Għaliex nitfa’ ruħi f’idejn ix-xitan? Dan mhux inkwiet bla bżonn? Ajma! L-aktar jekk immur għand is-saħħara biex nagħmel xi magħmul! U mhux ovvja li jien qed inċajpar ħajti stess l-għaliex minn taħt it-tmexxija tal-Mulej qed nitfagħha bi bluha taħt is-setgħat tad-dlamijiet li ma jaħfruhilix?

U xi ngħidu għall-mibegħda? Tgħid din ċpar? Jekk taqta’! Il-mibegħda iċċajparli ż-żminijiet sbieħ li qattajna flimkien qabel kellna xi ngħidu. Il-mibegħda iġġagħlni narak mhux aktar xbieha ta’ bniedem, allura xbieha ta’ Alla, imma xbieha ta’ mostru. Ta’ xitan. Il-mibegħda iġġagħlni naħqar u mhux inħobb lili nnifsi. Il-mibegħda titfagħni nakkuża u nsawwat lil dawk li ma jaqblux miegħi. Basta insaltan jien! Jaħasra! Issa dan mhux ċpar? Ċpar li jwassalni biex nagħti bis-sejf lil min naqasni? Mela insejt li min jagħti bis-sejf bis-sejf imut?

U xi ngħidu għall-għira? L-għira iġġagħlni narak kompetitur u mhux kollaboratur. L-għira titmagħni l-velenu tal-ħażen billi iġġagħli nifhem li minflok ma nitgħallem mingħandek jien għandi noqtlok b’kull mod. Basta postok nieħdu jien! Għidli int ħabib jekk l-għira hijiex tassew ċpar meta iċċapjarli l-ħbiberija li kien hemm bejnietna u ddawwarha f’mibegħda siekta? F’tellieqa għal min jaf l-aktar u għal min hu b’saħħtu l-aktar?

Iċ-ċpar tal-korla jwerwirni wkoll. Arani! Ma tistax tkellimni! L-għaliex inqattgħek ħaj! Irrid nibilgħek! U naf inkun aħrax u ħarxa daqs l-eħrex iljun. Il-korla iċċajparli l-fatt li int ġejt tistaqsini bl-innoċenza kollha. Li kont għaddej għall-affari tiegħek u lqatni mingħajr ma ridt. U jien, l-għaliex għadni ma iffaċjajtx ir-rabja ta’ ġo fija, dort għalik u ridt nieklok! Kerha r-rabja ħbieb! L-għaliex iċajparli l-fatt li int, bniedem, ukoll tista’ tiżbalja b’nuqqas ta’ ħsieb. U mhux bilfors b’malizja.

U l-partiti! Jiġifieri aħna u huma! Tagħna u tagħhom! Dawn ma jċapjrux il-fatt li aħna, qabel aħna u huma, aħna aħna! Li huwa bla sens li nimpikaw saħansitra fuq l-inqas kelma? Jew imqar fuq l-iċken mossa? Li l-pika iġġib aktar pika? U, ngħid jien, fejn se twassalna din il-pika esaġerata? Li kollox isir oġġett ta’ kompetizzjoni u kontestazzjoni u mhux aktar ta’ fraternità u fehma ta’ xulxin? Iċ-ċpar tal-partiti! L-aktar fejn tidħol reliġjon! Fuq l-istess qaddis u qaddisa! Ommi Mà!

Is-sokor ukoll huwa ċpar oħxon li hu ta min jevitah. Kemm inċidenti serji ġab dan it-tip ta’ ċpar! Kien hemm min mar isuq meta kien f’sakra ma jarax art. U x’ġara? Li ma ġarax! Tajjar lil dak. U tajjar lil dik. Baqa’ dieħel fuq dawk. Jew spiċċa mkaħħal ma’ ħajt jew tal-post ma’ arblu. Inkella mifqugħ ma’ siġra. Kien hemm min saħansitra qala’ ġlied kbir meta kien taħt l-effett tal-alkoħol. Għaliex jew qal kliem li ma kellux jgħidu. Inkella x-xorb ġagħlu jagħmel tipi ta’ mġieba li ma jixirqulniex bħala bnedmin. Eh! xi jġib ix-xorb bla rażan li jwassal għat-tbaħrid!

L-ambizzjoni bla rażan iċċapjrilna l-kapaċità li nirraġunaw. Li ma nqisux fejn nistgħu naslu iżda li nippruvaw nagħmlu l-impossibli. Kien hemm min biex iseħħlu jasal fejn xtaq għaffeġ kemm felaħ lil min sab quddiemu. Basta illum laħaq! L-ambizzjoni iċċajprilna r-rispett u s-sens ta’ ġustizzja li għandu jkollna fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn. Iċċajprilna l-kapaċità li nagħrfu li ħaddieħor ukoll għandu d-dinjità tagħna. Li ħaddieħor ukoll għandu d-dritt li jiżviluppa kif għandna d-dritt li niżviluppaw aħna.

Xtaqt nagħlaq din ir-riflessjoni fuq iċ-ċpar billi nsemmi ċ-ċpar tal-firda. Jekk irridu nkunu sinċieri dan iċ-ċpar spiss insibuh idur fostna. Għidli int f’liema familja, parroċċa, komunità, grupp u l-bqija ibatux minn dan it-tip ta’ ċpar ikrah? Iċ-ċpar tal-firda jnessina l-fatt li aħna aħwa ta’ xulxin! Inessina l-fatt li nistgħu nirrikonċiljaw ruħna ma’ xulxin. Li nistgħu nibdew paġna ġdida f’ħajjitna!

Ħbieb! Ejjew intejbu l-viżibiltà tagħna “bl-imħabba, bl-hena, bis-sliem, bis-sabar, bil-ħniena, bit-tjieba, bil-fidi, bil-ħlewwa, bir-rażan” (ara Gal 5:22-23). Kontra dawn iċ-ċpar ma jaħdimx! L-għaliex m’għandux ma xiex iqabbad duffrejh! Mela dawn il-kwalitajiet sbieħ tal-Ispirtu s-Santu sprenjahom kemm tiflaħ madwarek sieħbi ħa jneħħu ċ-ċpar li hawn idur fostna u madwarna!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: