Kamarti …


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli laqgħa fil-kunvent fejn bdejt l-avventura jew il-ħolma li l-Mulej tani, bi grazzja u mhux l-għaliex jistħoqqli, li ngħix. Ħolma li issa tlaħħmet f’ħajti l-għaliex sirt Patri Franġiskan Kapuċċin. Is-sħab ma baqax sħab. Sar stil ta’ ħajja. Rejaltà.

Dħalt fil-kunvent pittoresk tagħna l-Kapuċċini tal-Kalkara. Għat-8.30 ta’ filgħodu. Diġà l-mawra tiegħi lejn il-kunvent issaqqet mill-grazzja tal-karità. Wieħed mill-Patrijiet żgħażagħ tagħna tani lift sal-kunvent. Kemm apprezzajt!

X’ħin dħalna fil-kunvent ir-riħa tal-fjuri u s-siġar tal-kjostru dlonk ħaddnuni magħhom. X’jum sabiħ kien dakinnhar! Dħalna mill-kuritur tar-refittorju u mbagħad irħejnielha lejn it-taraġ li jwassal għall-ewwel sular tal-kunvent. Fejn qabel kien hemm il-kamra tat-telefon. Meta rajt il-bieb tal-istudentat miftuħ ma stajtx ma naqbiżx qabża s’hemm. X’binja ta’ tifkiriet sbieħ! Ġawhar fil-ħajja reliġjuża tiegħi!

Tlajt sa fuq u sellimtlu. Kien hemm, fil-Kappella, jistennieni. Dejjem hemm baqa’. Huwa jien li ħallejtu waħdu. Madankollu din id-darba mhux l-għaliex warrabtu. Imma minħabba li s-superjuri tiegħi talbuni biex immur kunvent ieħor. Ħaġa li għamiltha minn qalbi! Hekk kienet titlob il-formazzjoni tal-bidu tiegħi.

Imbagħad irħejtilha lejn il-kuritur tal-postulandat. Ma stajtx ma naqbiżx sal-kamra numru 37. Il-kamra fejn bdejt l-avventura Franġiskana Kapuċċina tiegħi. X’ħin dħalt fiha ma sibtx aktar l-ispazzju li kelli qabel. Illum mimlija bi ħwejjeġ oħra. Fiha jinsabu l-mobbli tal-istudentat. Ippruvajt niftaħ it-tieqa. Iżda kien hemm wisq affarijiet biex nieħu battikata bħal dik. Għalhekk ikkuntentajt li nħalli kollox f’postu.

Imma moħħi ma setax le jibqa’ f’postu. Ankrat mal-preżent. Le! Moħħi ġera ‘il bogħod ‘il bogħod. Fiż-żmien bejn is-sena 1993 u l-1994. Id-dawl elettriku tal-kamra magħluqa fid-dlam ma rnexxielux inessini d-dawl mill-isbaħ li kien idawwal kamarti ċkejkna fil-kunvent. Kemm kont naraha sabiħa minnha l-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp tal-Kalkara! Kont nitpaxxa nħares lejn il-koppla ħelwa tagħha! Oh kemm ħarsti kienet tiġri lil hinn minnha biex iseħħilha tiltaqa’ mal-ikħal tal-baħar li jiksi l-port tal-ħolm tagħna!

Għax f’dik il-kamra ċkejkna illum nista’ ngħid li kelli l-ġenna fiha. Dik il-pjanta ħelwa li kont nieħu ħsieb b’tant għożża u skurplu li nsaqqiha eżattament kemm kellha bżonn. Inkella dak l-għasfur ħelu fil-gaġġa li kelli fuq il-ħoġor tagħha. Darba imsarni niżlu f’saqajja ħbieb! L-għaliex, dan l-imbierek ta’ għasfur, ma nafx kif sab ruħu fil-ground t’isfel jogħla u jinżel mal-ballun tal-football taż-żgħażagħ! Għadni sallum niżżi ħajr lill-Mulej kif dan l-għasfur baqa’ magħna! Ara veru dan l-għasfur xorob l-ispiritwalita Franġiskana Kapuċċina! Baqa’ jtir ħieles minkejja x-xuttijiet qawwija taż-żgħażagħ mimlija ħajja tagħna! Kemm kont fraħt x’ħin qbadtu mill-ġdid u tellajtu lura f’kamarti! F’dak il-waqt stajt inħoss x’ħasset Marija meta sabet lil Ġesù! L-“għall-erwieħ!” tagħha ingħaqdet ma’ “l-għall-erwieħ” tiegħi!

Imbagħad ir-radju l-griż! Li dejjem kien ikun fuq Radju Marija tal-Italja. Kemm kont inħobb nisimgħu lil Padre Livio ixandar. U lil Roberta li, skont semmiegħ li kien xuffier tat-trailers, laqqmilha l-leħen tagħha bħala la voce bella! Il-leħen ħelu! U kif nista’ ninsa’ l-magħruf programm li kien isir kull nhar ta’ Ħamis fis-7.00 ta’ filgħaxija fuq l-istess stazzjon smewwi, jiġifieri Movimento Giovani consacrati a Maria! Kemm fraħt meta, darba minnhom, il-preżentatur semma’ ismi u isem it-tlett postulanti ħuti Kapuċċini li, bi grazzja, konna nktibna fil-lista taż-żgħażagħ ikkonsagrati lil Marija!

U l-akwarju li kellna fl-indana tat-taraġ għandi narah s’issa quddiemi, waqt li qed nikkoppja mill-qalba ta’ qalbi l-kliem għażiż li jfisser dawn it-tifkiriet qaddisa. Dak il-ġifen nofsu mgħarraq u kannelli għadni nilmaħ u nisma’ ħoss il-bżieżaq telgħin minnu. Għandi nara l-ħut jgħum fih, barra minnu u madwaru.

L-akwarju li joħodni għall-kampnar fejn l-isbaħ kliem fuq Ġesù li smajt hemmhekk, fis-satra tallejl, għadu jferraħ u jħeġġeġ lil qalbi.

Għax kollox ħareġ mill-kamra numru 37. Il-kamra li minnha rajt u ħabbejt lid-dinja għall-ewwel darba. Il-kamra fejn fiha ltqajt ma’ Kristu b’idejja f’idejn Franġisku! Il-kamra li issa daħlet tant ġewwa fija li ngħix fiha kuljum. Il-qalb Franġikana Kapuċċina li l-Mulej tani b’ħafna għożża biex ngħix fiha jien u … nagħmillek il-wiesa’ ħa tgħix miegħi int ukoll!

Kamarti …

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: