Home > Dr Nadia Delicata, Familja, Ġenerali > Il-Knisja Kattolika, iż-żwieġ u relazzjonijiet oħra

Il-Knisja Kattolika, iż-żwieġ u relazzjonijiet oħra


Dr Nadia Delicata – Lecturer tat-Teoloġija Morali fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta

(Din il-kitba kienet publikata fil-gazzetta “Il-Mument” 19-4-2015)

Il-Knisja Kattolika tara r-relazzjoni bejn mara u raġel bħala essenzjali, u allura naturali, għall-bniedem. Dan mhux biss fuq livell sesswali, fejn ir-relazzjoni bejn mara u raġel tnissel ġenerazzjonijiet ġodda. Imma anke għax ir-relazzjonijiet tagħna jagħtuna identità. L-adult jiżviluppa permezz ta’ relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni, ħbiberija u mħabba, waqt li t-tarbija għandha bżonn kura fiżika u ħafna għożża biex tikber u timmatura. Għalhekk l-importanza tal-familja, fejn l-omm u l-missier jieħdu ħsieb u jħobbu lil xulxin għall-iżvilupp intimu u personali tagħhom, waqt li jgħożżu lil uliedhom u jkunu ta’ eżempju għalihom biex dawn isiru cittadini tajba.

F’diversi kulturi, l-istituzzjoni taż-żwieġ hija l-mezz principali biex jinżamm dan il-bilanc bejn il-bżonnijiet personali ta’ intimità u l-ġid komuni tas-socjetà. Madanakollu l-Knisja dejjem rat li dan l-ideal mhux facli biex tgħixu. Għalhekk titkellem fuq iż-żwieġ mhux biss bħala istituzzjoni umana, imma bħala sagrament. Is-sagrament jagħti qawwa spiritwali lill-miżżewġin insara biex jibqgħu fidili lejn xulxin u marbutin f’imħabba li tagħti frott lill-Knisja u lis-socjetà. Fis-sagrament taż-żwieġ, ir-rabta naturali bejn il-miżżewġin, li mhux biss hija tajba għalihom, imma ta’ servizz għas-socjetà, tista’ tissaffa u tissaħaħ.

Bħala rabta omosesswali, relazzjoni gay temfasizza l-għażliet u x-xewqa għall-imħabba u ħbiberija tal-individwi koncernati iktar milli l-ġid komuni. Il-Knisja ukoll tara l-att sesswali mhux biss bħala espressjoni tal-intimità tal-koppja, imma bħala att ta’ mħabba miftuħ għall-ħajja. Għaldaqstant, għall-Knisja Kattolika, ir-relazzjoni bejn koppja gay, anke jekk sana, ma tistax tissejjaħ żwieġ. U jekk mhix żwieġ, ma tistax tkun imqaddsa permezz tas-sagrament taż-żwieġ.

Dan ma jfissirx li persuni gay ma jistgħux jircievu sagramenti oħrajn u jippartecipaw fil-ħajja tal-komunità nisranija. Il-Knisja tilqa’ fi ħdanha u toffri ħidma pastorali lil kull min jixtieq jimmatura fil-ħajja morali u spiritwali tiegħu jew tagħha. Imma s-sagrament taż-żwieġ għandu fini specifici: qawwa spiritwali għall-koppji nsara eterosesswali li lesti jingħaqdu għal dejjem fi mħabba reciproka li hi miftuħa għall-ħajja. Jekk fost l-imgħammdin, hemm elementi neqsin minn din il-formula—per eżempju, koppji eterosesswali li akkost ta’ kollox ma jridux tfal, relazzjonijiet konjugali bejn iktar minn mara jew raġel wieħed (il-poligamija), relazzjonijiet eterosesswali wara divorzju, jew relazzjonijiet omosesswali—il-Knisja ma tirrikonoxxihomx bħala żwieġ, u allura ma toffrix is-sagrament taż-żwieġ.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: