Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Iġbidlu r-riedni!

Iġbidlu r-riedni!


Patri Mario Attard OFM Cap

Iż-żwiemel sbieħ! Jogħġbuni! Annimali intelliġenti u sensittivi ħafna. Mela biex issuqhom trid għerf kbir!

Dan narah mill-ġerrejja bravi tagħna li għandna l-Marsa. Nibqa’ mistgħaġeb bil-mod kif issuqhom. L-aktar kif iqassmulhom it-tiġrija! Ma jistax ikun li jkollok żiemel f’idejk u titfgħu għal hemm mill-bidu. Jiġifieri tibda’ tisprintjah mill-bidu. Lanqas jekk ikun żiemel li jibda’. Li malli titlaq il-karozza tat-tluq arah mill-ewwel imurlek quddiem mar-rails. Iż-żiemel trid tibża’ għalih. Ħalli meta titolbu jaqla’, u jaqla’ minn fejn ikun, ikun jista’ jaqla’ u jagħtik il-gost tar-rebħa. Jekk dan il-kontroll ma jseħħx jew iż-żiemel jingħalaq wara l-bhejjem l-oħra. Inkella ma jkunx jiflaħ jiġri kemm għandu jiġri u miskin jeqleb. Għalhekk, ġerrej tajjeb irid joqgħod b’seba’ mitt għajn biex liż-żiemel tiegħu jikkontrollah fejn għandu jikkontrollah ħalli jasal fuq il-ġister tat-trijonf!

Aħna wkoll ġieli jiġrilna bħaż-żwiemel li jkunu jridu jiġru ġiri sfrenat fejn suppost m’għandhomx jiġru hekk. Aħna ilkoll ninġarru minn waqtiet ta’ passjoni fejn wara jiddispjaċina li nkunu għedna dik il-kelma. Jew li nkunu ġibna ruħna b’ċertu mod. Il-weġgħat li nħallu madwarna u ġo fina juruna li f’ċertu waqtiet inkunu għafasna wisq il-gass. U għalhekk nispiċċaw imkaħħla ma’ xi siġra! Jew mac-central strip!

Spiss jiġini f’moħħi dak il-passaġġ mill-Kelma ta’ Alla li jitħaddet minn dawn il-mumenti fejn inkunu ħallejna demmna jitla’ wisq għal rasna. Taqalgħna l-purtiera. U ma nibdewx naraw saħta! L-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin issemmilna dawk li ssejħilhom “l-għemejjel tal-ġisem”. Jiġifieri dawk l-għemejjel fejn ir-rażan jisparixxi fina. U x’inhu r-riżultat kiefer ta’ meta rażan fl-imġieba ma jkunx hemm? “Żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn” (Gal 5:19-21). Is-sentenza għal min jibqa’ jgħassed f’dawn l-għemejjel hija kerha ħbieb! San Pawl jgħid: “Nwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla” (Gal 5:21).

Mela la dawn it-tip ta’ għemejjel-froġa hu ta’ min jikkundannahom allura mhux lant li nibqgħu ngħoddsu fil-ħama tagħhom. Irridu iva nibdew infittxu modi ġodda ta’ kif ngħixu ta’ bnedmin. Bnedmin li, bil-magħmudija li rċevejna, aħna sirna wlied Alla. Bnedmin li fina jgħammar l-Ispirtu s-Santu. Smajtha sieħbi bħalma smajtha jien? Bnedmin li fina jgħammar l-Ispirtu s-Santu! U min hu dan l-Ispirtu s-Santu? Żgur li mhux xi ħlejqa. Imma l-Ħallieq nnifsu!

Tajjeb! U issa kif naf li dan il-Ħallieq, l-Ispirtu tal-Qdusija, qed jgħix fija? Fl-istess Ittra San Pawl jgħidilna li dan l-Ispirtu jingħaraf mill-frottijiet tiegħu fija. Mela, jekk fija hemm il-frott tal-Ispirtu li huma “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22-23), fija l-Ispirtu s-Santu jgħix! Il-prova ta’ dan hija sempliċi. Kif jista’ fija jgħix l-Ispirtu tar-rażan u nibqa’ niżni? Nagħmel is-seħer? Inġib il-mibegħda? Niġġieled minn filgħodu sa filgħaxija? Ngħir għal kull ħaġa ta’ xejn? Ninkorla fuq l-iċken mossa? Ninġarr mill-ambizzjoni hekk li nagħmel terrapin lil min insib quddiem wiċċi? Naqbad il-flixkun tax-xorb u minn fommi ma nitilqux qabel nara l-qiegħ nadif tazza? U nitbahrad ‘l hemm u l’hawn?

Jekk fija hemm l-Ispirtu tar-rażan, li huwa l-Ispirtu s-Santu, allura l-ġibdiet li jmegħkuni fil-ħażen jiena insallabhom mas-salib ta’ Kristu. Għax lill-Mulej ngħidlu: “Mulej nagħtik l-għira li għandi għal dan il-proxxmu u inti agħtini mħabbtek għalih u għaliha ħa nagħmlilhom il-ġid u mhux il-ħsara”. Ara x’differenza! Jiena nagħtih iż-żiebel ta’ ġo fija. U Hu jagħtini lilu nnifsu!

Kemm hu għaqli hux li kuljum lill-Ispirtu s-Santu ngħidlu: Mulej, fawwarni bl-imħabba, bl-hena, bis-sliem, bis-sabar, bil-ħniena, bit-tjieba, bil-fidi, bil-ħlewwa, bir-rażan tiegħek! Għax meta l-Ispirtu ta’ Alla jiġbidli r-riedna jien tant kemm jibqagħli nifs li aktar ma ngħix aktar nisprintja fil-qdusija ta’ Alla. U hekk nirbaħ l-aqwa trijonf. Il-ħajja ta’ dejjem!

Mulej, iġbidli r-riedni!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: