Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Qalb familjari

Qalb familjari


Patri Mario Attard OFM Cap

Qalb Papa Franġisku hija, mingħajr dubju, familjari. Qalb li tħabbat mal- u għall-familja. Dan l-aħħar iltqajt ma’ diskors li l-Papa għamel nhar it-Tnejn 21 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet lill-ħaddiema li jaħdmu mas-Santa Sede u mal-Belt-Stat tal-Vatikan. Dan id-diskors fih erba’ battuti li tassew iġagħluk taħseb. Fih ftit pariri li tassew jinżlu għasel għall-familji tagħna l-Maltin.

Il-Papa ħeġġeġ lill-ħaddiema biex jieħdu ħsieb aktar lill-familji tagħhom. Qalilhom: “Inħeġġiġkom biex tieħdu ħsieb iż-żwieġ tagħkom u l-uliedkom”. Saħqilhom: “Ħudu ħsiebhom u twarrbuhomx. Ilgħabu ma’ wliedkom”.

Franġisku imbagħad għadda biex qabbel iż-żwieġ ma’ pjanta. “Iż-żwieġ huwa bħall-pjanta. M’huwiex bħall-komodina li wieħed ipoġġi fil-kamra. U jkun biżżejjed li wieħed, xi minn daqqiet, ifarfarha. Il-pjanta hija ħajja. Wieħed jieħu ħsiebha kuljum. Wieħed jara kif inhi sejra. Isaqqieha u l-bqija. Iż-żwieġ huwa rejaltà ħajja. Il-ħajja tal-koppja m’għandha qatt tittieħed ta’ kaf kaf fl-ebda fażi tal-ħajja tal-familja”.

Imbagħad il-Papa issokta juża’ l-metafora tal-pjanta biex biha fisser l-għaqda fiż-żwieġ tal-ġenituri. “Niftakru li l-aktar rigal prezzjuż għat-tfal m’huwiex l-affarijiet imma l-imħabba tal-ġenituri. U b’hekk minix qed infisser biss l-imħabba tal-ġenituri għall-ulied imma fil-fatt l-imħabba tal-ġenituri bejniethom. Jiġifieri r-relazzjoni miżżewġa tagħhom. Din tagħmel lilkom u wkoll lill-uliedkom, tant tajjeb! Tittraskurawx il-familja! Għalhekk, qabel kollox, ħudu ħsieb il-‘pjanta’ taż-żwieġ, li intom intom il-miżżewġin”.

Aspett ieħor li Papa Franġisku saħaq fuqu hija l-importanza li l-ġenituri jqattgħu ħin ma’ wliedhom. Issokta jgħid il-Papa: “U, fl-istess ħin, ħudu ħsieb tar-relazzjoni tagħkom ma’ uliedkom. Anki hawnhekk iffukaw aktar fuq ir-relazzjoni umana aktar milli l-affarijiet. Tkellmu ma’ uliedkom. Isimgħuhom. Staqsuhom dwar kif jaħsubha. Dan id-djalogu bejn il-ġenituri u l-ulied jagħmel tant tajjeb! Jgħin lit-tfal jikbru fil-maturità”.

Waqt dan il-kliem tant ħelu, fejqani u mimli għerf, il-Papa ħeġġeġ lill-miżżewġin biex jieħdu ħsieb lin-nanniet. “Niffukaw fuq il-ħniena, fuq ir-relazzjonijiet ta’ kuljum, bejn ir-raġel u l-mara, bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn l-aħwa subjien u bniet. U aħna nieħdu ħsieb in-nanniet”. Papa Franġisku issokta jfisser dwar l-importanza li lin-nanniet tagħna nieħdu ħsiebhom. “In-nanniet huma tant importanti fil-familja. In-nanniet għandhom memorja; għandhom l-għerf. Tħallux lin-nanniet f’ġenb wieħed! Huma importanti ħafna”.

Biex isaħħaħ il-punt tiegħu Franġisku qasam ma’ dawk preżenti esperjenza personali ta’ x’għallmietu omm żgħażugħa. “Mara żgħażugħa kienet qed tgħidli li hi għandha tifel ta’ seba’ snin u li nannietha, li daħlet fid-disgħinijiet, tgħix magħha. Imma m’hijiex daqshekk tajba f’saħħitha. Tawha parir li tpoġġieha f’dar tal-mistrieħ. U din il-mara żgħażugħa għaqlija, li ma studjatx fl-università, wieġbet lil dak li taha l-parir biex tpoġġi lin-nannietha f’dar tal-mistrieħ: ‘Le! Nixtieq li ibni jgħix ma’ nanntu!’ Għarrfet it-tajjeb li n-nanniet jagħmlu lin-neputijiet”.

Fl-aħħar nett il-Papa indirizza l-problema tat-tilwim fi ħdan il-familja. “Ħudu ħsieb il-paċi fil-familja: ilkoll nafu li hemm it-tilwim fil-familja. Fejn m’hemmx tilwim fi żwieġ jidher li mhux normali. Dak li hu mportanti hu li ma ttemmux il-jum qabel tagħmlu paċi. Jeżiżtu aħwa li ma jkollhomx xi jgħidu? Imma huma dejjem jagħmlu paċi. U intom, ġenituri, meta uliedkom ikollhom xi jgħidu, qabel ma jmorru fi friexhom, għidulhom: ‘Agħmlu paċi. Ħudu b’idejn xulxin. Agħtu bewsa lil xulxin.’ Jinħtieġ li wieħed jitgħallem dan l-għerf li jagħmel paċi. Għamiltu gwerra lil xulxin matul il-ġurnata? Għadha sħuna l-gwerra tagħkom? Tħalluhiex issir kiesħa l-għaliex ‘il-gwerra kiesħa’ tal-jum ta’ wara tkun aktar perikoluża mill-‘gwerra sħuna’. Fihmtu? Agħmlu paċi filgħaxija, dejjem!”

Dan id-diskors tad-deheb, fis-Sena tal-Ġublew tal-ħniena li qiegħdin ngħixu bħalissa, jgħallimna li, kif qal il-Papa Franġisku, “il-Mulej jħobb lil min jipprattika l-ħniena fiċ-ċirkustanzi ordinarji”. U mela ejjew bħala koppja naħfru lil xulxin kuljum! Inqattgħu aktar ħin ma’ uliedna! Inżommu lin-nanniet tagħna jgħixu magħna!

Għax x’hemm tassew isbaħ milli nesperjenzaw il-ferħ tal-ħniena, ibda’ mill-familji tagħna stess? Kif għallmitna b’tant għerf, ħlewwa u qawwa l-qalb familjari tal-Papa Franġisku?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: