Home > Dr Nadia Delicata, Familja, Ġenerali > Iż-Żwieġ fil-kultura ta’ żmienna

Iż-Żwieġ fil-kultura ta’ żmienna


Dr Nadia Delicata – Lecturer tat-Teoloġija Morali fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta

(Dan l-artiklu kien publikat fir-rivista “Il-Karmelu”)

Id-dinja tinbidel. Jew ahjar, waqt li l-bniedem ibiddel id-dinja li jgħix fiha, jinbidel hu nnifsu wkoll.

Fis-seklu għoxrin għaddejna minn bidla kulturali radikali. It-tifel u t-tifla ma baqgħux jitrabbew biex isegwu l-passi tradizzjonali ta’ l-omm u l-missier. Bħal ħutha subien, il-bint bdiet titrawwem kiex tagħti “kontribut” lis-“soċjetà”—jew aħjar lill-ekonomija—billi tiżviluppa t-talenti kollha tagħha.

Il-ħidma u l-organiżżazzjoni domestika—it-trobbija tat-tfal u l-kura tad-dar—ma baqgħux daqshekk ċentrali għall-identità tal-mara. Jekk ix-xogħol tad-dar sar iktar mekkaniżżat (u allura meqjus ta’ inqas dinjità), it-tfal bdew jgħaddu iktar ħin l-iskola (u allura, r-rwol tal-omm bħala edukatur prinċipali ddgħajjef).

Iktar kruċjali minn hekk, jekk sa ftit qabel, il-mara kienet tirriskja ħajjitha ma’ kull tqala, issa l-mediċina setgħet tagħtiha ċertu serħan il-moħħ. It-tqala u l-ewwel snin delikati tal-ħajja ma baqgħux ġlieda kiefra kontra l-mewt. Anzi, iktar ma l-mediċina saħħet ir-rwol tagħha bħala l-“missier” tal-ħajja umana, iktar ir-rwoli bioloġiċi tal-mara bħala omm saru romantiċiżżati. Biżżejjed nikkunsidraw l-attenzjoni eżaġerata tal-media meta personaġġi famużi jkunu qed jistennew it-trabi tagħhom. L-impressjoni hi ċara: it-tfal ma baqgħux fatt tal-ħajja miżżewġa, imma saru għażla meqjusa hekk kif il-kultura tagħmel pressjoni qawwija biex kull wild li aħna nixtiequ, u allura nagħżlu li jitwieled, ikollu l-aħjar opportunitajiet.

Bħalma ż-żwieġ innifsu sar għażla bbażata fuq bżonnijiet affettivi—l-attrazzjoni, il-kompatibilità, ir-rispett reċiproku, u idealment, l-“imħabba”—hekk ukoll l-ulied saru mhux biss għażla imma kważi l-“proġett” l-iktar importanti tal-ħajja tal-koppja. Koppja responsabbli tgħallmet tistenna l-“aħjar waqt” biex ikollhom t-tfal. Għandna stabbilità finanzjarja biex naħsbu għal tarbija? Id-dar komda biżżejjed? X’se nagħmlu bil-karriera? Lesti li naċċettaw il-bidla fil-lifestyle tagħna li ġġib magħha tarbija? Aħna ppreparati emozzjonalment biex nilqgħu tarbija? Kif se nkunu l-aħjar ġenituri possibli għal uliedna? Dawn saru mistoqsijiet li ħafna koppji mhux biss jistaqsu lilhom infushom, imma li kultant jġiegħluhom jaħsbuha darbtejn biex ikollhom it-tfal, jekk mhux ukoll li jaqtgħulhom qalbhom.

Ma’ dawn, għall-mara b’mod speċjali żdiedet ukoll mistoqsija oħra mportanti. Kemm fadalli żmien biex inkun nista’ nsir omm? Meta kont tfal, dan il-kumment  kien jingħad b’nofs cajta: “Lanqas li fadalli ż-żmien…” Illum diffiċli biex mara ma tiħux ir-realtà  taż-“żmien” b’ħafna serjetà. Għax iktar ma nieħdu snin biex niskopru lilna nfusna, lill-partner, biex nibnu karriera, biex inkunu ekonomikament stabbli… iktar jonqos “iż-żmien.”

Il-ħajja nnifisha saret mgħaġġla u stressanti—jew almenu din hi l-esperjenza ta’ ħafna. Flimkien mal-ambjent fiżiku li ngħixu fih, l-ikel li nieklu, il-kimiċi li nikkunsmaw, l-istil ta’ ħajja li ngħixu… dawn kollha jaffettwaw mhux biss is-saħħa ta’ ġisimna, imma wkoll l-istat emottiv tagħna, l-ispirtu tagħna u allura, l-fertilità tal-koppja. Ir-realtà tal-familja umana, ir-relazzjoni dejjem dinamika tal-koppja li frott tagħha jitwieldu l-ulied, qatt ma tista’ tkun riduċuta għal fatturi bioloġiċi biss. M’humiex biss l-“organi u ċelloli umani” li jirriproduċu, imma l-bnedmin, irġiel u nisa, fit-totalità kumplessa fiżika, psikoloġika, spiritwali u ekoloġika tagħhom—l-ambjent sħiħ li jikkontribwixxi biex jagħmilhom dak li huma.

Dari konna ftit li xejn nisimgħu bi “problemi ta’ fertilità.” Dawk li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux ikollhom tfal, jew tilfu t-tfal tagħhom qabel jew wara t-twelid, ma tantx kellhom għażla ħlief li jibqgħu jgħixu bil-piż ta’ dan id-dulur kbir. Imma llum li r-rwol tal-mediċina kiber tant li jippenetra kull aspett tal-ħajja umana—speċjalment dik ġdida—il-koppja tiffaċċja dilemmi ġodda li ma kinux jeżistu fil-ġenerazzjonijiet ta’ qabel. Permezz tal-mediċina, mhux biss inpoġġu taħt il-mikroskopju s-saħħa tal-koppja, imma l-proċess kollu li jwassal għall-konċepiment (u allura l-ħajja l-iktar intima tal-koppja). Bl-istess mod, kull aspett tat-tqala tal-mara, il-ħlas u t-twelid tat-tarbija jaqgħu taħt skrutinju u jsiru medikaliżżati (u allura l-mara, bla ma trid, tispiċċa tiddistakka ruħha mill-proċessi naturali ta’ ġisimha stess). Għaldaqstant diffiċli biex il-koppja moderna ma tqajjimx ukoll mistoqsija oħra kruċjali: aħna x’lesti nagħmlu, jew ma nagħmlux, biex ikollna t-tfal li nixtiequ, biex insiru l-ġenituri li noħolmu li nkunu?

Naħseb li dan huwa l-kuntest kulturali wiesgħa li fih għandna nifhmu r-realtà tat-teknoloġiji ġodda ta’ riproduzzjoni umana, tal-protezzjoni tal-embrijun u tal-bidla kulturali kontinwa fejn il-kunċett tradizzjonali tal-familja mibni fuq ir-rabta naturali “tad-demm” huwa fi kriżi. Bla dubju, kulħadd jagħder is-sitwazzjonijiet diversi u dejjem partikolari ta’ tant koppji li jixtiequ li jsiru ġenituri, imma li xahar wara xahar, sena wara sena, isofru l-weġgħa tad-diżappunt. Tajjeb ukoll li nkomplu nagħrfu li l-vokazzjoni tal-ġenitur ma nistgħux norbtuha biss mal-proċess bioloġiku tar-riproduzzjoni. Hija l-imħabba li tipperfezzjoni r-rabta ġenetika mal-ulied. Imma, iktar minn hekk, hija l-istess imħabba li tipperfezzjona r-relazzjoni ta’ trobbija tal-omm u l-missier ma’ uliedhom anke meta l-ulied huma adottivi. Għax il-qawwa tal-imħabba hija spiritwali, u li tkun missier u omm timplika mhux biss xewqa bioloġika jew fatt ġenetiku, imma mpenn ta’ mħabba sħiħa: impenn tal-persuna kollu jew kollha kemm hi, fir-ruħ u fil-ġisem.

Iżda, fil-waqt li qatt ma għandna ninsew l-istejjer personali ta’ ħafna koppji li qed ibatu, tajjeb ukoll li ma nitilfux il-kuntest uman li fih il-ħajja soċjali tagħna tiżviluppa jew tiddgħajjef. Huwa għal din ir-raġuni li t-tagħlim tal-Knisja Kattolika jemfasiżża b’qawwa kbira li l-bidu ta’ ħajja ġdida għandu dejjem jaspira li jkun fil-kuntest ta’ mħabba, u ta’ mħabba l-iktar sħiħa u perfetta. Għalhekk, il-Knisja tgħallem fuq ir-rabta intrinsika bejn iż-żwieġ sagramentali bejn raġel u mara (rabta umana li hi simbolu ħaj tal-imħabba ta’ Kristu lejn il-Knisja) u r-rigal ta’ ħajja umana ġdida—minna nnifisha, dejjem simbolu tat-tama tagħna għall-ħajja futura iktar sħiħa. Il-bniedem li Alla kkrejah biex ikun maħbub u biex iħobb għandu, mill-mument tal-konċepiment tiegħu, iduq, u allura jeżisti, f’ambjent uman ta’ ntimita u mħabba: l-ewwel, il-ġisem tal-omm li jilqgħu u jagħtih il-ħajja. U fit-twelid, fil-familja li tgħożżu u trabbih fl-imħabba distinta tal-omm u l-missier. Anke meta ż-żminijiet jinbidlu, anke meta l-ħajja tikkumplika ruħha, anke fil-kuntest uman dejjem fraġli, l-imħabba li tbierek ir-relazzjonijiet tagħna għandha tkompli taspira li tkun dejjem iktar perfetta, iktar sħiħa, iktar bħal tal-Missier li hija s-sors ta’ kull ħajja.

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: