Il-penalties


Patri Mario Attard OFM Cap

Għadna kemm spiċċajna l-kompetizzjoni tal-EUFA EURO 2016. Awguri lil kull min ħa sehem. Nifirħu lilkom li rbaħtu! Filwaqt li nirringrazzjaw lilkom li tħabbatu sal-aħħar! Tassew ammirajniekom! Dmugħkom wera li tajtu qalbkom u dak kollu li tafu sal-aħħar!

L-aktar ħaġa li nikktitni f’dan il-kampjonat, u anki fil-kampjonati l-oħra ta’ din ix-xorta, hija l-għoti tal-penalties. Wara li żewġ timijiet ikunu baqgħu jissieltu sal-aħħar nifs għal kull ballun jasal dak l-imbierek mument, biex ma ngħidlux ħaġa oħra, fejn ikollna nassistu għall-lotterija! X’tensjoni! Xi qtiegħ ta’ qalb! Ma nafx jekk qattx kienx hemm xi tabib li skuraġġixxa bil-kbir lil xi pazzjent milli għandu, li qalbu ma tantx hi f’saħħitha, milli jara l-għoti tal-penalties. Dan m’hu spettaklu sabiħ xejn! Ħa ngħidilkom, għaliex ġarrabtha jien stess, li f’dak il-ħin il-kamra l-baxxa, jew ir-restroom, tkun trid! U mhux is-sett jaħraq tat-televiżjoni! Nifhem minn qalbi lil dawk li, saħansitra, jagħżlu li ma jarawx dan it-tejatru ta’ swied il-qalb. Nerġa’ ngħid, nifimhom! U nifimhom bil-bosta! L-emozzjoni tkun b’saħħitha wisq! Imma … Il-ħajja!

Iva ħbieb! Il-biċċa tal-penalties tfakkarni kemm fil-ħajja jiġri li, biċċa xogħol, wara li wieħed ikun ħadem u stinka għaliha għal ma nafx kemm-il sena, jaf f’daqqa waħda issir suf! Dan iseħħ bħal meta wieħed ikun daħal għal negozju li, mill-kalkoli li jkun għamel qabel, ħaseb li bih ikun se jaqla’ kemxa ġmielha. Meta, għal xi raġuni jew oħra, dan l-imbierek ta’ negozju mhux talli ma jirnexxix talli jmur tant ħażin li jfalli. U, dak l-imsejken raġel, jispiċċa b’idu f’idu! Jispiċċa jittallab il-karità għaliex ikun imtela’ tilja dejn nobis!

Imbagħad, il-biċċa tal-penalties tfakkarni f’dak ir-raġel li jkun ħadem għal ma nafx kemm-il sena għall-familja tiegħu. Kull sold li għandu jipprova jagħmlu tnejn. Basta jasal sal-punt fejn, wara ħafna xogħol, jittama li jara l-għaraq ta’ tbatijietu jinbidel fi fwieħa ta’ ħajja sabiħa mal-familja tiegħu. Li, wara kollox, għandu kull dritt għaliha! Imma x’jiġri? X’ma jiġrix sieħbi! Jidħol dak il-misħut mikrobu u dik il-misħuta marda li jibdew, bħall-kamla qerrieda, inaqqruh minn ġewwa! U tant kemm saħħtu tmur lura li jispiċċa mwaħħal ma’ qiegħ ta’ sodda sakemm jinżel fil-ħofra!

X’taqbad tgħid ħabib għal sitwazzjoni bħal din? X’inhi l-ewwel kelma li, bħala bniedem li għandek qalb u moħħ bħalma għandi jien, toħroġlok bla ma trid? “Kemm hi kiefra l-ħajja! X’inġustizzja!”

Fix-xogħol tiegħi mal-morda, li għalija huwa xogħol li nqisu tassew bi privileġġ kbir, smajt persuni jirrejaġixxu b’modi differenti għal sitwazzjonijiet daqshekk tanġibbli tal-ħajja. Kien hemm min sitwazzjoni bħal din tant kemm għakksitu li minn fommu ma ħarġux ħlief dawn, minn għadd oħra, ta’ espressjonijiet. “Lili Alla ma jħobbnix!” “Alla mhux ġust miegħi!” “La Alla ma fejjaqnix allura Alla ma jeżiżtix!”

Fuq in-naħa l-oħra tal-biegħa kien hemm min qal: “Grazzi Mulej ta’ dan kollu li għaddej minnu”. Inkella “grazzi Mulej l-għaliex issa fil-familja tiegħi stajt nara fil-verità kemm lili ħabbewni”. U, kien hemm min saħansitra qal: “Grazzi Mulej li bqajt tistennieni daqshekk u nqdejt b’din il-marda biex lili ressaqtni lejk. Għall-erwieħ! Fl-aħħar għamilt dik il-qrara qabel nagħlaq għajnejja. U issa nħossni fil-paċi!” Jew, “noffri l-uġiegħ tiegħi għal dawk imbegħdin mill-Mulej sabiex iduru lejh”.

Jeżiżtu tipi differenti tal-lotterija tal-penalties fil-ħajja. Quddiemhom hemm min jingħalaq u jisħet xortih. Iżda hemm ukoll min jarahom bħala opportunità ħalli jmewweġ fuq il-problemi tal-ħajja sakemm jasal fil-port tas-salvazzjoni.

Mulej, urini li l-għawġ li ngħaddi minnu narah bħala okkażjoni ħa nagħraf x’inhu l-għan veru ta’ ħajti. U ngħixu b’kuraġġ u b’ħafna ferħ. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: