Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Tidħolx ħdejh!

Tidħolx ħdejh!


Patri Mario Attard OFM Cap

Qiegħdin ngħixu f’dinja sabiħa. Imma, fl-istess ħin, midinba. Id-dgħjufija tad-dnub inġorruha ilkoll. Jien l-ewwel wieħed. Għaliex bniedem bħalkom.

Nafu li fostna hawn tgħix il-grazzja ta’ Alla. Ninnutaw bil-qlub ġenerużi li hawn madwarna. Mhux sempliċiment l-għaliex il-ġabriet tal-Milied qiegħdin iwaqqfu r-records. Allaħares il-grazzja titkejjel minn hekk biss. Għalkemm dan hu tajjeb il-karità trid tkun is-sena kollha. Staqsi lill-istituti. Fil-Milied it-tfal ikunu fully booked bl-appantumenti. Issa ġew mistiedna l’hawn. Imbagħad ġew mistiedna l’hemm. Imma x’jiġri fil-jiem tas-sajf, fejn ħafna jaqbdu t-triq għall-ajruport ħa jsifru jew imorru fil-post tal-villeġġatura tagħhom? X’isir minnhom it-tfal anqas ixxurtjati minna? Naħsbu fihom bħalma naħsbu fil-jiem tal-Milied? Jew inħalluhom fl-istituti tagħna u nserrħu l-kuxjenza li hemm min jistedinhom basta mhux aħna? Mela, taqbel miegħi li l-karità mhux biss għandha issir imma li ssir l-aktar meta ma jkunx peak season għaliha li ssir. Bħalma, ngħidu aħna, fis-sajf.

Minkejja t-tajjeb li għandna, għax bnedmin ħażin għandna ukoll. B’xorti ħażina l-ħażin iħajjar. L-ewwel jiġi għandna ħelu daqs iċ-ċirasa. Il-ħażin iwiegħdna ħafna affarijiet sbieħ. Jipprova idurilna mal-lewża biex, naqra naqra, nillaxkaw mill-prinċipji li nħaddnu. Jibda’ jivvinta eċċezzjonijiet fejn ma jeżiżtux. U dan biex jiftħilna t-tieqa ħa nibdew it-triq fejn twassalna għal bla kontroll. Jiġifieri li nagħmlu mhux dak li hu sewwa, akkost li nbatu, imma biss li nixtiequ u li jaqblilna. Li, ovjament, ħafna darbi ma jkunx sewwa.

Il-ħażin mhux xi rejaltà newtrali. Forsi kif iridu jpinġuha xi wħud li ma jridux jingħaqdu mal-ebda twemmin. Inkella dawk li jippruvaw isibu soluzzjonijiet intellettwali għal dak kollu li jiġri fil-ħajja. Ikun għaqli jekk lil dawn ħutna infakkruhom f’dak li kien qal Adrian van Kaam: “Il-ħajja hija misteru biex tgħixu u mhux problema biex issolvieha”. Bil-mod! Minix ngħid li l-problemi ma tridx tipprova issolviehom. Imma mhux kull problema tista’ fil-fatt tissolva. Mhux problema li titlef lil xi ħadd li tkun tħobb? Għidli! Imma nistgħu inġibuh u nġibuha lura la darba ħarġu minn dan il-Wied tad-Dmugħ? Żgur li le! Min mar mar! U t-tama tiegħi u tiegħek hija li qed jistrieħ fis-sliem. Għaliex aħna, li nħobbuh u nħobbuha, hekk nixtiequlu. U nixtiequlha.

Il-ħażin warajh hemm persuna. Ix-xitan. Le! Minix ħa nagħtih importanza esaġerata. Lanqas l-importanza li tistħoqqlu. Għaliex fil-fatt ma tistħoqqlu l-ebda importanza lill-għadu qadim ta’ ruħna. Imma l-biċċa għerf, “kun af lill-għadu tiegħek”, hija ferm meħtieġa. Speċjalment fir-rejaltà spiritwali. Kif iħobb jfisser tant tajjeb Patri Elija Vella OFM Conv, eżorċista, predikatur u kittieb magħruf fostna, ix-xitan qisu bħall-kelb irrabbjat lest biex iqatta’ lil min imur maġenbu. Dan il-kelb huwa marbut b’katina twila. Mela imrażżan u limitat. B’daqshekk imma ma jfissirx li għandi nilgħabha tar-raġel u tal-mara u mmur nindiehes miegħu. Inkella jqattani biċċiet!

Jekk ma rridx lil dan il-kelb irrabjat iqattagħni ħaj u ħajja, ħa nieħu ħames pariri li jagħti l-eżorċista Taljan, Don Pasqualino Fusco, fil-ktieb tiegħu Preghiere di liberazione dal maligno.

L-ewwel mod hu li nevitaw id-dnub. Dgħajfa kemm aħna dgħajfa xorta waħda aħna msejħa li d-dnub naħarbuh. Ma jkunx qed jirraġuna jew jippriedka l-verità sħiħa min tant kemm jiffoka fuq il-fraġilità tal-bniedem li meta tisimgħu donnok tieħu l-impressjoni li hija ovvja li wieħed bilfors jaqa’ fid-dnub. Maqgħud mal-grazzja tal-Mulej il-bniedem ma jaqax fid-dnub. Wara kollox Ġesù ma qalilniex: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib” (Mt 26:41)? It-tieni mod kif lix-xitan nitbiegħdu minnu huwa permezz tal-qrar. Bis-sagrament tal-qrar id-dnubiet jinħafru. Ix-xitan jinkixef u l-influwenza tiegħu fuqna tiddgħajjef sakemm titkeċċa għal kollox. It-tielet mod huwa l-quddiesa. Meta nirċievi l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej jiena nitqawwa fil-ġlieda tiegħi kontra l-ħażen. Bil-preżenza ta’ Ġesù ħaj fija ix-xitan ikollu jdabbar rasu. Mal-quddiesa inżidu wkoll l-adurazzjoni ewkaristika. L-aħħar mod huwa r-Rużarju Mqaddes. Ix-xitan lill-Madonna jobgħodha. Bħalu hi ħlejqa ta’ Alla. Imma hi dejjem għamlet ir-rieda ta’ Alla. Mhux bħalu li irribella kontra l-Mulej.

B’dawn il-ħames armi serraħ rasek li int imħares u imħarsa mill-kelb feroċi. Mix-xitan.

  1. September 3, 2016 at 4:43 pm

    Eżatt fr.Mario ixitan andu habta jdeffes dembu kullimkien .Proset tal kitba kollha li tikteb filaikos

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: