Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Kemm iħobbhom lin-nies!

Kemm iħobbhom lin-nies!


Patri Mario Attard OFM Cap

Ġesù jaffaxxinani! Mhux għax jien Patri. Lanqas għax Nisrani. Jaffaxxinani, l-ewwel u qabel kollox, għax bniedem.

Ġesù huwa Alla nnifsu. Mhux hekk jgħidilna San Ġwann fl-ewwel sentenza tal-Prologu tal Vanġelu tiegħu: “Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla” (Ġw 1:1)? Issa dan il-Verb, li hu Alla, li “kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar” (Ġw 1:3), ħalaq ukoll il-bniedem. Mela ħalaq lilek, li temmen mod. U l-kulur tiegħek huwa dan. U lili, li nemmen mod ieħor. U l-kulur tiegħi huwa ieħor.

Issa dan Alla sar bniedem. Bħali u bħalek. Jerġa’ ifakkarna San Ġwann: “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14). U hawn beda l-bużillis ta’ kollox. Li dan Alla, li baqa’ jaħseb ta’ Alla u mhux ta’ bniedem, avolja ħa ġisimna u demmna ta’ bnedmin, baqa’ jara l-affarijiet ta’ Alla li hu. Mhux ta’ b’xejn li ixxokkja lil niesu. “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11)!

Imma x’Alla hu dan? Kif niesu ma laqgħuhx? Ħa nurik ħabib. “Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn” (Lq 18:9). Dawn kienu nies li kienu aktar jibżgħu x’jgħid il-bniedem fuqhom milli l-Mulej nnifsu. Aktar kien jimpurtahom kif jarawhom in-nies li jaraw sa mneħirhom milli kif kien jarahom Alla, li jaf x’hemm moħbi fil-qalb. Ħallieha li San Franġisk jgħidilna li l-valur tal-bniedem huwa kif jidher quddiem Alla! Dawn kienu nies li kienu jħobbu “iduru mat-toroq bi lbiesi twal, u jħobbu t-tislim fil-pjazez u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet, iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu” (Lq 20:46-47). Dawn kienu l-istess nies, li kienu iffissati fuq kif jidhru quddiem il-bniedem, u li kienu jbiegħu ruħhom basta l-fama tagħhom quddiem in-nies tibqa’ tajba, lil Ġesù, il-Ħniena Divina li din is-Sena suppost qed ngħixuh ilkoll, għajruh li kien “‘bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!’” (Lq 7:34).

Imma hu x’weġibhom lil dawn in-nies li l-ilsien imxajtan tagħhom lanqas lil Ġwanni Battista ma ħafirha, l-għaliex fuqu qalagħha li avolja la kien “jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid” xorta waħda ittimbrawh għax qalu “li ‘għandu fih xitan’” (Lq 7:33)? X’weġibhom lil dawn in-nies Ġesù li tant kemm kienu ‘qaddisin’ kienu jinqatgħu għalihom waħedhom li ma jmorrux jitniġġsu? Li ma jidhrux ma’ Marì għax tgħidx kemm tparla? Ja ċarlatana? Jew ma’ Żeppu li tgħidx kemm jagħmel qrejjen?

Eżatt wara dan id-diskors tiġi l-esperjenza tal-“midinba magħrufa” (Lq 7:37) tal-belt. Din żgur li ma kelliex fama tajba. Midinba! Xmun li stieden lil Ġesù għandu tgħidx kemm kien jibża’ għar-reputazzjoni tiegħu! Ried ikun makak u jagħmilhiex ma’ kulħadd. Issa bil-maturità kollha tiegħu Xmun lil Ġesù la ħasillu riġlejh bl-ilma, la biesu u lanqas diliklu rasu biż-żejt (Lq 7:44-46). Stiednu għandu u ma laqgħux! Imma hi, il-mara, stiednet ruħha b’idejha. Qabdet u daħlet f’dar ħaddieħor. “X’pastażata!” ngħidu jien u int. U lil Ġesù il-mara xarrbitlu riġlejh bi dmugħha u xxuttathomlu b’xuxtiha. Ma waqfitx tbuslu riġlejh u dilkitlu riġlejh b’żejt ifuh (ara Lq 7:44-46). U Ġesù x’qal fuq il-mara lil Xmun, li ma kienx jitħallat ma’ kulħadd daqskemm kien ‘qaddis’? “Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb” (Lq 7:47).

U lil mara, li tant il-‘qaddisin’ madwarha, tawha titli x’qalilha? “Dnubietek maħfura” (Lq 7:48). U “l-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem” (Lq 7:50).
Ġesù, “li hu waħdu l-Ġust”, dejjem baqa’ jħobbni u jilqagħni. Avolja midneb. Jien min jien biex ma nitħallatx man-nies? Jien, li suppost qed nirrappreżentah? Issa qed nifhem l-għaliex il-Mulej sejjaħli biex inkun Patri. Iridni bħalu, inħobb lin-nies. Nitħallat ma’ kulħadd. Mhux hekk qed jagħmel Papa Franġisku?

Mulej, int li ġurnata għat-tħares f’għajnejja u tiġġudikani, u għall-ġudizzju tiegħek m’hemm l-ebda bord tal-appell, għallimni inħobbhom lin-nies kif tħobbhom int. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: