Sħaba sewda


Patri Mario Attard OFM Cap

Is-sħab sabiħ. Meta jkun abjad. U, sħaba ‘l hawn u l’hemm, taf issebbaħ is-sema. Iżda meta jkun sħab iswed, jew ċombi, ma tantx hu sabiħ. Almenu għalija li ġej minn pajjiż fejn ix-xemx hija tant sabiħa. Għażiża. Xemx li tiżreġ. Iddawwal. Issaħħan.

Kollox sew! Hawn min is-sħab iswed iħobbu. Forsi wkoll jiġġennen għalih. U, skont dan il-qawl Latin: De gustibus non est disputandum. Jiġifieri, “fi ħwejjeġ ta’ gost m’hemmx tilwim”. Ngħadduha wkoll. Abbli għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha. Iżda l-ħajja m’hijiex sempliċiment gosti. Lanqas m’hi biss ħaġa differenti mill-oħra. U daqshekk! Le! Fil-ħajja jeżiżtu ħwejjeġ li magħhom hemm imżewwġa konsegwenzi. U konsegwenzi sbieħ inkella serji. Li ma kienx hekk kieku l-għaliex isiru għażliet? Jiġifieri dawk l-għażliet fuq sfond nazzjonali bħall-elezzjonijiet, referenda u l-bqija?

Daqshekk issa diskors fuq il-kamp soċjali u politiku. Ħa nidħlu issa iva ftit fil-kamp spiritwali-soċjali. Intom tgħixu f’dinja bħali. U l-arja tħossuha. Man-nies titħaddtu bħali. Aħbarijiet taqraw. Gazzetti u tabloids taraw ukoll. Huwa fatt li fid-dinja hawn ċertu toqol. Dinja li għadha ma ssettiljatx. Donnu ma kienx biżżejjed li għaddejna minn żewġ gwerer mondjali li, bejniethom biss, ħallew ‘il fuq minn mija u għaxar miljun ruħ mejta. Lanqas ma kienu biżżejjed il-ġenoċidji li saru maż-żminijiet, uħud minnhom ftit mijiet ta’ snin u, x’jien ngħid, uħud għoxrin sena jew tletin ilu. Donnu għandna ma tgħallimniex li l-konflitt armat m’hu se jsolvi xejn. Aħseb u ara kemm l-isfida tal-armamenti bejn blokk u ieħor ta’ pajjiżi tista’ tabilħaqq issolvi l-problemi internazzjonali.

Ħaġa oħra, u din tassew tħammrilna wiċċna bħala bnedmin li għandna tant grazzja li nitgħallmu, hija r-ras iebsa tagħna. Għandna tant opportunitajiet fejn nistgħu nitgħallmu ħalli ma nibqgħux akrati fl-istess żbalji? Għandna tant informazzjoni f’idejna li tista’ tibdlilna ħajjitna? Imma x’jiswa ħej li għandna din l-informazzjoni kollha taħt imneħirna u għad-diżpożizzjoni tagħna meta, din l-informazzjoni, dawn il-kwalifiki universitarji, ma jwassluniex li fil-ħajja nammettu li hemm bżonn nitgħallmu aktar? Li nikkorreġu ruħna f’modi ta’ kif naħsbu u naġixxu? Li nwessgħu l-mentalità tagħna?

F’dinja li qiegħda dejjem tiżviluppa x’sens jagħmel li jiena ningħalaq fid-dinja tiegħi? Li nibża’ minn ħaddieħor l-għaliex se jinvadili l-ispazzju tiegħi? Spazzju li għalija, l-għaliex immotivat/a mill-qima falza tiegħi innifsi, nqisu b’ġenna ta’ komfort meta, u fir-rejaltà, qed iwassalni għall-mard? Kif nista’ jien, li ġejt maħluq/a mill-AĦNA, irrilevanti jekk nemminx jew le, nippretendi li ngħix għal rasi?

X’garanzija qed jagħtini l-għejxien ta’ waħdi? Maqtugħ/a mill-oħrajn? Fil-komfort falz tiegħi? X’ġid tassew qed jagħmilli dan il-komfort? L-ironija taż-żmien li qiegħdin ngħixu fih hi li aktar mal-gadgets tal-komunikazzjoni soċjali żviluppaw fin-numru u fil-kwalità aktar ħajjitna saret miżera. Aktar m’hawn opportunitajiet biex wieħed jiltaqa’ online aktar is-solitudni kibret fuq li kibret. Illum, mill-kuntatti li l-Mulej jagħtini man-nies kuljum, nasal ngħid li din is-solitudni belgħetna. Kissritna. U, jekk ma noqgħodux attenti, waslet biex teqridna għal kollox. Tgħid se naslu sal-punt li meta naraw lil xulxin niksħu? Insiru tal-ġebel?

Ma rridx inkun il-profeta tad-dlam. Nobgħodu l-ħsieb. Ma jdoqqlix. Iżda ma nistax ma nsemmix dak li nara u mmiss b’idejja. Hawn ħafna persuni li huma irtirati mingħajr pensjoni. Minix qed nitħaddet għall-pensjoni li jagħti l-gvern imma dik li qed inġibu b’idejna aħna stess. Fir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin. Hawn wisq nies irtirati! Għaliex irritati! Hawn wisq nies li ħadu deċiżjonijiet drastiċi f’ħajjithom l-għaliex ingidmu minn xi ħadd. Forsi fdaw kelma ma xi ħadd u dan, jew din, parlaw aktar milli jmisshom. Inkella xi ħadd seraqhom. Jew tebbagħlhom id-dinjità tagħhom b’xi kelma jew għemil.

U x’jiġri meta dan iseħħ? Insiru allerġiċi għall-esseri umani bħalna. Ninqatgħu għalina waħedna. Ħalli ŻGUR ma nerġgħux nweġġgħu. U hawn, ta’ denbu twil, jagħmel festa bina! Għall-ewwel kollox jidher sabiħ. U tajjeb. Imma mbagħad jibda’ dieħel dak id-dwejjaq fin. Fin fin. Dwejjaq li, bil-mod il-mod, jibda’ jifgana. U, meta nqumu filgħodu, minflok nirringrazzjaw lill-Mulej li qomna għall-ġurnata sabiħa oħra nibdew nisħtu xortina li qomna għall-ġurnata mimlija mewt.

Ibda biex jekk ma nsibux il-ħalib fil-fridge għid li sa nagħmlu storja mill-kbar nett. It-Tielet Gwerra Dinjija! Imbagħad jekk ma nsibux il-kafè lest għid li se nagħmlu storja oħra. U storja oħra issir meta l-qmis ma tkunx impoġġija eżatt fuq is-siġġu. Inkella, bi żvista, il-biċċa ta’ isfel taż-żarbun ma tkunx ibblakkata kif suppost. Mamma Mia! Xi storja nagħmlu!

U din ma tkunx storja iżolata tafux! Iżda tkun storja li tagħmel parti minn għadd ta’ stejjer ta’ qsim il-qalb li, flimkien, jiffurmaw traġedja. Fid-dinja pagana ma jidhirlix li hemm xi stejjer ta’ tama. Anzi! Traġedji! L-għaliex meta l-allat u l-bnedmin kienu jiltaqgħu flimkien ma kienx hemm kumpassjoni, maħfra, aċċettazzjoni inkella korrezzjoni. Għall-kuntrarju! Bejniethom kien hemm rivalità, pika, vendetti, stmerrija, tradimenti. Li, ilkoll f’daqqa, jammontaw għat-traġedja.

Ejjew issa nitħaddtu ta’ żewġ adulti li aħna: kemm tabilħaqq dawn l-attitudnijiet żbaljati qiegħdin ittaqqluna illum! Qegħdin ngħixu f’dinja fejn il-JIEN u mhux l-AĦNA huwa ċ-ċentru. Mela dak li ma jaqbilx għal JIEN għandu jiġi issagrifikat. L-aqwa li l-AĦNA joqgħodu għal JIEN. Illum kollox sar ġustifikat. L-aqwa li l-JIEN ikun paxxut. Issa meta l-JIEN ikun paxxut, l-għaliex ikun ħa dak li ried, dan bilfors ifisser li l-ferħ tiegħu ikun tassew żdiedlu? Ejjew inħarsu ftit lejn l-uċuħ tan-nies.

Kemm hawn nies ferħana? Min jagħmilha man-nies jintebaħ li n-numru ta’ nies li għandhom wiċċhom imqarras qiegħed, kulma jmur, jikber. Mhux l-għaliex m’għandhomx flus fil-but. Wisq anqas l-għaliex m’għandhomx xogħol. Hawn min għal karozza għandu tnejn u tlieta. U djar għandu dik ta’ matul is-sena u l-oħra tal-villeġġatura. Iżda l-kuntentizza fil-qalb qed tixxotta. Minħabba li mhux qed insibu ħin għal xulxin. Qed nikkuntentaw niltaqgħu ma’ xulxin online u mhux offline.

Le ħbieb! Ejjew intajru minn fuqna din is-sħaba sewda tal-egoiżmu u l-iżolament billi nibdew niltaqgħu ma’ xulxin. Wiċċ imbwiċċ. Billi mmorru lura għal dik il-kapaċità smewwija li nirrakkuntaw. U nisimgħu lil min jirrakkonta. L-għaliex ir-rakkont jaf jagħmel ħafna aktar ġid lil moħħna, ruħna u ġisimna milli qatt nistgħu naħsbu aħna. Li ninġabru madwar mejda u naqsmu l-esperjenzi tagħna hija barka. Li nonoraw l-impenji professjonali, politiċi, soċjali, familjari u reliġjużi tagħna huwa fejqan u barka u qatt piż fuq l-istonku.

U, fuq kollox, meta ħarsitna tinfed is-sema u tmur direttament fuq it-Tron ta’ Alla, huwa hawnhekk li s-sħab iswed ta’ fuq rasna jibda jwarrab. L-għaliex nibdew naħsbuha u naġixxu minn dak li hemm fis-sema u mhux minn dak li hawn fl-art. L-għaliex l-aktar bniedem li għandu saqajh mal-art huwa dak li qalbu u ruħu jinsabu mħaddnin mas-sema!

Is-sema! ‘Il fuq ħafna mis-sħab iswed li qiegħed fuqna!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: