Dawra mal-Imdina


Patri Mario Attard OFM Cap

Dak il-jum kien wieħed ta’ sħana kbira. Sħana li x-xemx taqli l-ġrieden fis-sajf ta’ Malta biss taf tagħti. Imma issa fi żmienha qiegħdin. Ma tistenniex ħaġa oħra. Veru?

Biex naqtagħha fil-qasir iddeċidejna li dik illejla kellna nqattgħuha b’mod speċjali. Mhux neċessarjament fir-rimi tal-flus. Le! Biex tgawdi u tieħu gost m’hemmx għalfejn tonfoq bl-addoċċ. Ir-raġunament: “La għandi ejja ħa naħraq!” ma jreġix. Huwa argument ta’ min jara sal-ponta ta’ mnieħru. U x’jiġrilu min jara biss sal-pont ta’ mnieħru? Mhux jitwerreċ sieħbi! Int trid titwerreċ? Jekk ma tridx, bħalma ma rridx jien, mela ejja naraw ‘il bogħod ‘il bogħod minn din in-naqra ta’ ponta li għandna fuq imneħirna!

Issa daqshekk omeliji u priedki! Kienu s-7.30 ta’ filgħaxija. Qbadna l-karozza u rħejnielha lejn … l-Imdina! Wasalna. Ipparkjajna. Għall-erwieħ! Sibna mhux biss il-parking lest, donnu kien lest għalina, imma wkoll apprezzajna li kullimkien nadif xummiema. Sabiħa meta kulħadd jagħti sehmu. Għax b’hekk l-affarijiet jimxu! Grazzi Mulej!

Bdejna mexjin minn taħt is-swar u dħalna minn Bieb il-Griegi. Kemm ġera moħħi x’ħin dħalt minn dan il-Bieb tassew sabiħ! Minn xi tiftix li għamilt sibt li dan il-Bieb jissejjaħ Bieb il-Griegi l-għaliex probabli kien taħt il-ħakma ta’ xi Griegi li kienu jgħixu f’dik il-parti tal-Imdina. Dan il-bieb antik kien jintuża sewwa fis-seklu 15. Min jaf kemm nies ra għaddejjin minn ġo fih! U minn liema nazzjonalità!

Kien x’kien il-każ fuq dan l-imbierek bieb ma stajtx ma nissaħħarx bit-triq dejqa ta’ San Nikola li tibda’ ma’ dan il-Bieb sabiħ. San Nikola! Il-qaddis Padrun Tas-Siġġiwien! U kif ukoll tan-nies ta’ Bari. Fil-fatt hekk jgħidulu t-Taljani: San Nicola di Bari! Qaddis orjentali li ħutna l-Ortodossi u l-Kattoliċi tar-Rit Biżantin tant iqimu b’imħabba u b’ġieħ li jsaħħruk! Fil-fatt, fi triq San Nikola hemm Kappella tassew ħelwa. Ma noħodhiex bi kbira li hija iddedikata lilu ġaladarba li fl-Imdina hemm Kappella li hija ddedikata lil dan il-Qaddis kbir.

Issuktajna mexjin. F’qalbi ġiet il-komunità Lhudija li kienet tgħix f’din il-Belt Medjevali. F’dak il-mument għadda minn moħħi u qalbi dak li konna nitgħallmu fil-lezzjoni tal-Istorja ta’ Malta fis-Sekondarja. Jiġifieri li fiż-żmien nofsani kien hawn numru sostanzjali ta’ Lhud f’Malta, tant li f’perjodu minnhom, madwar terz tal-popolazzjoni tal-Imdina kienet tista’ tgħid Lhudija. Fl-Imdina l-Lhud kellhom kollox għalihom. Wieħed minnhom, li ismu baqa’ jidwi f’qalbi, kien Beneditt minn Malta. Min jaf l-għaliex telgħali f’qalbi hux? Il-Malti jgħid: “Min issemmih lesti x’tagħtih!” Tgħid x’għandu bżonn Beneditt? U mhux it-talb? Mela, dak il-ħin, tlabtu hekk lill-Mulej għalih: Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Amen.

Imbagħad bqajna mexjin lejn il-post fejn stajna naraw dehra mill-isbaħ ta’ nofs Malta. Iżda fit-triq rajna Turista li bdiet tredda lit-tarbija tagħha f’nofs tat-triq dejqa. Kos hux! Anki f’post storiku kulħadd jaqbdu l-ġuħ! Il-ġuħ li mhux biss ikun ġej mix-xewqa li wieħed isir midħla ta’ missirijietu. Iżda wkoll il-ġuħ li bniedem għandu bżonn jissodisfa biex jgħix! Il-ġuħ li jwasslu biex jaqdi l-bżonnijiet l-aktar bażiċi tiegħu!

Għax f’din il-Belt sabiħa, unika u siekta, l-arti u l-ħajja ta’ kuljum, is-sagru u l-uman, huma żewġ ġawhriet li jagħmlu parti minn kullana waħda.

F’dawn il-jiem tas-sajf aqbad il-karozza u itla’ sal-Imdina filgħaxija. U, hemmhekk, ħalli lilek innifsek tinbela’ mill-qawwa tal-istorja li saħħarek ta’ pajjiżna! Ħu gost! Tgħaxxaq bl-istorja tagħna! Iżżi ħajr lill-Mulej għaliha! U … kompli żomm l-indafa tazza li diġà issaltan f’din il-Belt tal-ħolm!

Żur l-Imdina!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: