Int apprezzata!


Minn Patri Mario Attard

Spiss l-Imgħallem ilaqqagħni ma’ nisa tad-dar. U, ħafna minnhom, ismagħhom jitħaddtu minn dak li jgħaddu minnu! Uħud minnhom jgħiduli: “Patri! Ma japprezzawniex!” U, hemm hi, id-demgħa tal-uġiegħ diġà bdiet nieżla minn għajnejhom!

Għalikom nisa tad-dar li ma tħossukomx apprezzati nixtieq nippreżentalkom dan id-diskors mill-isbaħ li ħareġ mill-qalb u l-moħħ tal-Venerabbli Papa Piju XII. X’diskors sabiħ hu dan dwarek, mara tad-dar, fuq l-irwol uniku tiegħek fil-familja tiegħek!

“Il-mara hija x-xemx tal-familja. Hija x-xemx tagħha bl-ispirtu tagħha ta’ ġenerożità u sagrifiċċju, bid-disponnibiltà kontinwa, bl-attenzjoni, bil-ħlewwa u bit-tattika f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ferħ tagħha, ta’ żewġha u dak ta’ wliedha. Hija titfa’ dawl u sħana … Il-mara miżżewġa hija x-xemx tal-familja permezz tad-dawl ta’ tbissmitha u tal-imħabba ta’ kelmitha: tbissima u kliem li jispiraw, li jgħaġnu u jrattbu r-ruħ. Li jgħolluha ‘l fuq mill-konfużjoni tal-passjoni u jġibu lil żewġha l-ferħ tat-tajjeb u tal-ħajja tal-familja f’għeluq ta’ ġurnata twila ta’ xogħol bla ma jaqta’ u forsi diffiċli fil-professjoni tiegħu. Kemm jekk qed jaħdem fl-għelieqi inkella fix-xogħol iebes tal-kummerċ u l-industrija. Ħarsa waħda minn għajnejha titfa’ dawl imżewwaq b’għadd ta’ riflessjonijiet. Dawl u nixxiegħa ta’ din ix-xorta ġejjin minn qalb ta’ omm, joħolqu u jġeddu l-ġenna tat-tfulija, jiddu t-tjubija u l-ħlewwa kullimkien anki meta jikkoreġu u jikkastigaw ħalli l-erwieħ ċkejkna li jħossu aktar jkunu jistgħu jifhmu iżjed fil-fond il-liġijiet tal-imħabba.

Il-mara hija x-xemx tal-familja permezz tas-sinċerità naturali tagħha, tad-dinjità ġenwina tagħha, tal-imġieba eżemplari u Nisranija tagħha. Hija x-xemx tal-familja fir-riflessjoni u r-retitudni tal-ispirtu, fl-armonija sottili tal-attitudni u tal-mod kif tilbes, fl-eleganza u fl-azzjonijiet tagħha, riservati u, fl-istess ħin, affettivi. Il-ħlewwa tas-sentiment, is-sbuħija tal-wiċċ, is-skiet naturali u t-tbissim, tislima doċli … ilkoll jagħtuha l-grazzja li tkun fjura mill-aktar sabiħa u pura li tiftaħ il-weraq tagħha biex tirċievi u tirrifletti l-kuluri tax-xemx. Li kieku biss tkun taf b’liema sentimenti profondi ta’ mħabba u apprezzament ritratt bħal dan ta’ mara miżżewġa u omm jmiss il-qalb tar-raġel u tal-ulied! …”

Iva mara tad-dar! Int ix-xemx tal-familja! Xemx li r-raġġi tiegħek jisimhom ġenerożità u sagrifiċċju, disponnibiltà kontinwa, attenzjoni, ħlewwa, tattika f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ferħ tiegħek, ta’ żewġek u wliedek! Int xemx ta’ dawl u sħana! Tbissmitek u mħabbtek li toħroġ minn kelmtek jispiraw, jagħġnu u jrattbu r-ruħ! Tbissmitek u kelmtek iġibu ferħ lil żewġek u l-ħajja lil familtek wara jum iebes ta’ xogħol! Ħarsa waħda minn għajnejk hija biżżejjed biex idawwal u tisqi l-imħabba li qalbek biss ta’ omm taf tagħti! Int toħloq il-ġenna tat-tfulija! U bi tjubitek u ħlewwietek tikkoreġi liċ-ċkejknin uliedek biex aktar jħossu l-liġijiet profondi tal-imħabba li tmiss u tibdel il-qalb!

O mara tad-dar! Int, xemx tal-familja, fik hemm is-sinċerita naturali! Int dinjità ġenwina! Imġieba eżemplari u Nisranija! Int xemx tal-familja għaliex tirrifletti u retta fl-ispirtu tiegħek! Fik hemm armonija sottili bejn l-attitudni tiegħek u ilbiesek! Int eleganza fl-azzjonijiet tiegħek riservati u affettivi! Il-ħlewwa tas-sentimenti tiegħek, is-sbuħija ta’ wiċċek, is-skiet naturali u t-tbissim tiegħek flimkien mat-tislima doċli tiegħek, jagħmluk bħall-fjura mill-isbaħ u safja! Int tiftaħ il-weraq tiegħek biex tirċievi u tirrifletti l-kuluri tax-xemx!

Mela miss ja raġel, bint u iben, il-qalb ta’ martek u t’ommok! Apprezzaha! Faħħarha! Għinha! Ferraħha! Ħalli tissokta taqdi d-dover tagħha li tkun ċentru ta’ mħabba, qadi u paċi fil-ħajja tal-familja!

Mara tad-dar! Grazzi! U biex tkompli tikber fl-imħabba u fil-grazzja ta’ Alla ħallini nfakkrek bla ma nieqaf: INT APPREZZATA!

  1. Antida DeBattista
    August 6, 2016 at 10:22 pm

    PRoset Father Mario xi gmiel ta tif hit ghal dik lOmm li taf tad her,thobb,tirispetta,thenn, u tamel kill sagrificju ghal zewga hu wiled a. Grazzi mill qalb ta Omm Antida God bless you

    Sent from my iPad

    >

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: