Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > L-aqwa messaġġ tal-Mulej!

L-aqwa messaġġ tal-Mulej!


Patri Mario Attard OFM Cap

Ara kemm nisimgħu fuq Ġesù! U min jgħid ħaġa fuqu u min jgħid oħra. Kulħadd iżid u jnaqqas mill-opinjoni tiegħu u tagħha. Imma, li kieku xi ħadd kellu jistaqsik u jistaqsini, bl-akbar sinċerità li teżiżti fil-qiegħ ta’ qalbu, dwar liema hu l-aqwa messaġġ ta’ Ġesù, int u jien, li nemmnu fi Kristu, x’inwieġbuh?

Filwaqt li nirrispetta t-tweġiba tiegħek, bħalma nirrispetta tiegħi ukoll, nixtieq iva noffrilek b’rigal dak li qal Papa Franġisku f’omelija li għamel fil-Ħames Ħadd tar-Randan, nhar is-17 ta’ Marzu 2013, fil-Parroċċa ta’ Sant’ Anna. “Aħna wkoll, naħseb, li aħna dak il-poplu li, min-naħa nixtiequ nisimgħu lil Ġesu’, imma min-naħa l-oħra, xi drabi, jogħġobna nsawwtu lill-oħrajn, nikkundannaw lill-oħrajn. U l-messaġġ ta’ Ġesu’ huwa dak: il-ħniena. Ngħid għalija, bl-umilta’ kollha, huwa l-messaġġ l-aktar qawwi tal-Mulej: il-ħniena”.

Jekk, skont il-Papa Franġisku, il-ħniena hija l-aqwa messaġġ tal-Mulej, jiena u int kif ħa nħennu? Kif se nġibu fil-prattika din il-virtù daqshekk importanti? Daqshekk importanti li, bħalma jirraġuna l-Kardinal Walter Kasper fil-ktieb tiegħu, Mercy: The Essence of the Gospel and the Key to Christian Existence, il-ħniena hija l-kappa li tiġbor fiha l-attributi kollha ta’ Alla ilkoll flimkien? Nerġa’ intenni, il-ħniena hija ħniena għaliex prattika. Mhux għaliex hi fl-arja. Għalhekk beħsiebni nagħti xi eżempji li jistgħu jħeġġuna biex inħennu. U nħennu minnufih u kemm nifilħu! Għaliex, sintendi, imħeġġa mill-kliem li ma jmut qatt tal-Vanġelu, għandna nżommu quddiem għajnejna, u ċar daqs l-iprem kristall li jeżiżti taħt ix-xemx, il-kliem ta’ Ġesù, li “hu wiċċ il-ħniena tal-Missier” (mill-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, Misercordiae Vultus, 1): “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36).

Ejja issa ninżlu s-sellum u naqbdu t-triq tal-ħajja! Li nħenn ifisser li nigdem ilsieni u ma nxerridx aktar madwari s-saħta tas-sarkażmu razzjali. Ħeqq, dan it-tip ta’ sarkażmu huwa l-oppost tal-ħniena. Ejja ma ninsiex x’jgħallimni Salm 141, li hi l-Kelma ta’ Alla li fuqha ġurnata se niġi ġudikat/a: “Qegħedli, Mulej, lġiem fuq fommi, agħmilli l-għassa ma’ bieb xufftejja” (S 141:3).

Il-ġid sabiħ! Importanti. Imma mhux imbagħad inħallih jagħmilni ilsier/a tiegħu! Mela ħallini milli norbot qalbi miegħu! Għalhekk li nkun ħanin/a jfisser ukoll li nagħti minn qalbi u b’ġenerożità minn dak li l-Mulej ipprovdhieli. Ejja ħa naqsam dak li l-Mulej għoġbu jberikni bih ma’ ħaddieħor!

Il-ħniena toħroġni mill-fosdqa tas-sigurtà tiegħi. Anzi! Tlaqqagħni mal-batut/a! Ma’ min hu muġugħ/a. Fuq kollox emozzjonalment u spiritwalment. Għalhekk li nkun ħanin/a jfisser ukoll li nċempel lil xi ħadd li jħossu waħdu, waħedha. Minn dawn għandna ħafna f’pajjiżna. Wisq nibża’ li hawn aktar mill-postijiet battala li għandna mxerrda fil-bliet u fl-irħula tagħna. Issa dan għandi nagħmlu anki jekk naf li persuna taf tkun waħedha l-għaliex din is-sitwazzjoni ta’ solitudni ġabitha fuqha b’idejha stess. Huwa propju minħabba f’hekk li għandi naqbad dak it-telefon u nċemplilha!

Mingħajr il-maħfra, li nitlobha u nagħtiha gratwitament, irrid ninsieha li se ngħix kuntent/a. L-għaliex mingħajr il-maħfra nista’ biss neżiżti. Bħalma teżiżti l-karozza ta’ ma nafx kemm-il elf ewro li għandi ipparkjata fil-garaxx. Għalhekk, f’din is-Sena iddedikata lill-Ħniena ta’ Alla, ħa nikteb ittra ta’ maħfra lil xi ħadd. Jekk din l-ittra ma nistax nibgħatha għaliex forsi din il-persuna għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem inkella għal xi raġuni oħra, għaliex ma naqbadhiex u nberikha bl-ilma mbierek? Għaliex ma nitlobx ukoll lill-Mulej Ġesù Kristu biex jkollu ħniena minni u mill-persuna li għaliha ktibt din l-ittra? U wara li noħroġ dak li hemm f’qalbi ħalli iva naħraqha jew, jekk nippreferi, nidfinha.

Waħda mill-Opri tal-Ħniena li jmissu r-ruħ hija li nistabar b’min idejjaqli qalbi. X’jfisser dan fil-prattika għalija? Li nkun ħanin/a jfisser li nitlob b’impenn u b’interess ġenwin għal min idejjaqni. Imarradni. U iregħdli l-istonku tiegħi. Hemm bżonn li f’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena nitgħallem nitlob hekk: “Għażiż Mulej, bierek [u nsemmi l-isem tal-persuna li ddejjaqni] u jkollok ħniena minni!” Għax, fil-verità, it-tnejn li aħna għandna bżonn il-ħniena. Tiftakru x’tgħallimna l-iskola tal-ħajja? Ħadd fil-ħajja m’għandu kompletament tort inkella raġun!

Il-ħniena tistampa ruħha wkoll ma’ postijiet speċjali ta’ qima. Mela, f’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, nista’ inħejji pellegrinaġġ żgħir għal xi santwarju. U, biex insebbaħ u nagħmel dan il-pellegrinaġġ espressjoni tassew ħajja tal-ħniena ta’ Alla li, bħall-qawsalla, tinfirex fuq kulħadd, nista’ tul it-triq ngħix l-opri tal-ħniena li “nilqa’ lill-barrani.” Lil dak jew lil dik li ma nafhomx. U dan inwettqu daqslikieku qed nilqa’ lil Kristu stess!

Fil-vanġelu skont San Mattew Ġesù jitlob minni u minnek li nkunu kopja perfetta tal-Missier tas-Sema. Jiġifieri ta’ Dak il-Missier li “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (Mt 5:45). Għalhekk, fil-prattika, dan għalija jfisser li nagħmel att ta’ karità u ta’ ġid ma’ xi ħadd li ma jinżillix. Ma’ xi ħadd li weġġagħni. Jew b’xi kumment li għadda fuqi quddiemi jew wara dahri. Inkella b’xi azzjoni ħażina. U vendikattiva.

Il-ħniena ta’ Alla tidħol anki fir-rejaltà virtwali. Fl-oċejan online. Li nkun ħanin/a online ifisser li nkun responsabbli x’nippostja fuq il-Facebook. X’nippostja fuq it-Tweeter. X’kummenti nibgħat għall-artikli li naqra online. U x’tip ta’ artikli qed nikteb online. B’għajnejja imsammra ma’ dawk ta’ Ġesù, li ġurnata għad jiġġudikani, tajjeb nistaqsi jekk b’dak li qed nikteb x’qiegħedx nibni jew inħott? Infejjaq jew niftaħ il-ferita? Tajjeb ukoll li nara ftit jekk b’dak li qed nikteb inix naqdi tassew il-ġid ta’ kulħadd jew sempliċiment niżvoga r-rabja li hemm tbaqbaq ġo fija biex numilja lill-oħrajn?

Opra oħra sabiħa tal-ħniena hija li nitlob għall-ħajjin u għall-mejtin. Jekk tassew nemmen li l-persuni l-oħra għandhom ruħ, bħalma għandi jien, kemm qed noffri quddies għall-ħbieb u għall-membri tal-familja tiegħi? Kemm qed noffri quddies għal nies, anki jekk dawn ma nafhomx minn Adam? U noffriehomlhom l-għaliex, minn dak li qrajt jew li qaluli oħrajn dwarhom, għandhom bżonn min jitlob għalihom? Għaliex għaddejjin minn żmien diffiċli?

Att ieħor ta’ ħniena, li uħud minna jħossuhom skomdi għalih, huwa li nħalli lil min jgħini. Qed nittrabbew f’kultura ta’ independenza kompleta minn xulxin. Għalkemm li jkolli ċerta indipendenza hija tajba biss meta din tkun esaġerata tagħmel aktar ħsara milli ġid. Għalhekk, f’din is-Sena tal-Ħniena, ejja jkolli l-ġenerożità lejn l-oħrajn li nħallihom jgħinuni. Ejja ma ninsiex li n-nies għandhom bżonn jħossuhom utli li qiegħdin jgħinuni. Ħa nħallihom jgħinuni!

Dawn kienu biss għaxar eżempji ta’ kif nista’ ngħix il-ħniena. U ngħixha mhux biss għal din is-Sena iddedikata lill-ħniena biss imma għall-ħajti kollha. L-għaliex bħalma ċ-ċappetta tal-bieb, mingħajr iż-żejt tispiċċa iżżaqżaq, hekk ukoll ħajti, mingħajr il-ħniena, tispiċċa iżaqżaq! U ż-żaqżieq ma jagħmilniex nies!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: