Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-qaddisin jitbissmu!

Il-qaddisin jitbissmu!


Patri Mario Attard OFM Cap

Xi ġimgħat ilu kelli l-grazzja li nkun preżenti għat-68 Kapitlu Ordinarju Elettiv tal-Provinċja għażiża tagħna l-Kapuċċini Maltin. Il-Kapitlu huwa nifs ġdid. Jew, kif iħobb jgħid bl-ilsien Ingliż wieħed mill-patrijiet tagħna, full stop u fresh line.

F’wieħed mid-diversi waqfiet li kellna għall-kafè wieħed mill-Patrijiet tagħna irrakkuntali fatt li tant għamilli ġid u ġagħlni tassew nirrifletti. Dan il-Patri qalli li wieħed raġel, mimli tattoo minn rasu sa’ saqajh, mar iqerr ħdejn l-istatwa tal-Qaddis San Luigi Gonzaga. Hekk kif temm il-qrara tiegħu dan ir-raġel dar lejn il-Patri tagħna u qallu: “Kos Patri! Taf x’qed ngħid? Intom lilna tgħidulna kemm il-qaddisin kienu ferħanin. U ħa ngħidlek, ma tarax statwa tagħhom, imqar waħda, li tippreżenta qaddis mbissem”. Ma ninsa’ qatt x’qalli dan il-Patri ħabrieki: “Osservazzjoni bħal din ħallietni għal ħafna sigħat naħseb, fuq kollox li dan il-bniedem kellu raġun!”Tgħid għandu raġun dan il-bniedem? Hija fatt ħbieb li t-tbissima f’pajjiżna qed tgħib. Issa dan mhux qed ngħidu jien għaliex jien Patri. Dan tgħiduh intom stess li, bħali, tagħmluha man-nies. Illum donnu ma tantx għadek tara nies jitbissmu. Din tassew ħasra tafux! Il-ħajja tgħaddi malajr. Jiena, lil min ifettaq fuq kull ħaġa u donnu jagħtini l-impressjoni li mhu ħa jmut qatt, inħobb ngħidlu b’esperjenza: “Sieħbi! Trid tara kemm il-ħajja hija dgħajfa? U kemm mhi xejn? Asal wasla sal-Isptar Mater Dei”. Fi żmien li ilni naħdem hemm rajt nies li, fi żmienhom, kienu kapaċi jaqilbu kantuniera. Imma l-mard ġabhom tant dgħajfa li anki buffura riħ taf tmegħkom mal-art. U tant kemm megħkithom li wasslithom sal-qabar!

Il-ħajja qasira! U, l-għaliex qasira, irridu ngħixuha b’ħafna ferħ! Il-ferħ ħbieb! Tema li llum, b’xorti ħażina, qed narawh jitnaqqrilna quddiem għajnejna! Imma l-għaliex qed inkunu anżjużi? Forsi minħabba d-djun li akkumulajna? Inkella bis-sigħat ta’ xogħol? Jew minħabba li f’ħajjet uliedna irridu nagħmlulhom l-ilma jiżfen? Irridu nagħtuhom kollox? Forsi l-għaliex imdejqin? Jew minħabba l-fatt li m’għandniex ċans ngħidu kelma flimkien? Għax minn xogħol għal xogħol? Jew minħabba problemi oħra li nidħlu fihom meta l-imħabba nippruvaw infittxuha mhux mill-erba’ kantunieri ta’ djarna u l-komunitajiet tagħna iżda minn imkejjen oħra li jġarrfuna? U, ngħid jien, l-għaliex dan il-ferħ tnaqqrilna? Forsi l-għaliex m’aħniex nitolbu bħala familja u komunità? Jew aħna isqra fuq xulxin? Tant li spiċċajna nikkontrollaw ħajjet xulxin?

Iżda, fuq livell ieħor u aktar nkewtanti, jiena nista’ nagħmel id-doveri reliġjużi tiegħi. Nista’ saħansitra immur il-quddies kuljum u nitlob. Iżda xorta waħda wiċċi għadu imqarras! U mqarras ġmielu! Dan ifakkarni f’sentenza li jgħidu li kienet qalet Santa Tereża ta’ Ġesù: “Minn devozzjonijiet bla sens u uċuħ mqarrsa, twajjeb Mulej eħlisna!”

Iva ħbieb! Irridu ninħelsu minn uċuħ qarsa! Uċuħ li jaqtgħu l-qlub ta’ min ikollu x-xorti ħażina li jkun fil-preżenza tagħhom! Kemm għandu x’jgħallimna dwar dan Papa Franġisku. Bħalissa jiġi quddiem għajnejja l-kliem dehbi tal-omelija mill-isbaħ li kien għamel il-Papa waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, nhar l-10 ta’ Mejju 2013. Dakinnhar Papa franġisku tkellem dwar il-ferħ għaliex ried, b’mod jew b’ieħor, jiddeskrivi dak li kien qed iħoss minħabba l-preżenza, fl-istess residenza tiegħu, tal-Qdusija Tiegħu Tawadros II, il-Papa ta’ Lixandra. Għalhekk Papa Franġisku xtaq jaqsam dan il-ferħ tiegħu mal-fidili preżenti għaċ-ċelebrazzjoni.

Huwa qal: “Illum għandna mottiv sabiħ ta’ ferħ, f’din id-Dar” fejn hu akkomodat “il-Papa ta’ Lixandra, il-Patrijarka tal-Knisja ta’ Marku.” Papa Franġisku fisser il-ferħ tiegħu b’dan il-kliem: “Dan huwa ħuna Isqof, … bħali, Isqof, u jmexxi ‘l quddiem il-Knisja. Nitolbu lill-Mulej li jbierku u jgħinu fil-ministeru tiegħu li jmexxi ‘l quddiem il-Knisja kopta tiegħu; u għalina wkoll, sabiex nagħrfu flimkien interrqu din il-parti tat-triq. Dan huwa tassew ferħ. Ferħ żgħir tallum. Niżżu ħajr lill-Mulej għal dan il-ferħ.”

Ir-riflessjoni tal-Papa dwar il-ferħ kienet ispirata minn silta tal-Vanġelu ta’ Luqa (Lq 24, 50-53) li fiha titħadett dwar l-Axxensjoni tal-Mulej. F’dan ir-rakkont il-Papa jagħmel riferiment għad-dixxipli li “reġgħu lura Ġerusalem mimlija ferħ”. Il-Papa fisser li “r-rigal li Ġesù kien tahom ma kinitx ċerta nostalġija.” Iżda “kien ferħ.” Dak il-ferħ li kellhom jikkultivaw u jixhdu wkoll illum l-Insara biex ma jkunux imdejqin. Skont Papa Franġisku l-Insara mdejqin għandhom “wiċċ ta’ bżar aħdar fil-ħall.”

Il-ferħ li dwaru tkellem il-Papa huwa dak li Ġesù kien wiegħed lid-dixxipli: il-ferħ Nisrani. Ġesù assigurahom li “ħadd ma jistà jeħodulhom.” Imma “x’inhu dan il-ferħ?” Iwieġeb Papa Franġisku: “Huwa l-allegrija? Le: mhix l-istess. L-allegrija hija tajba, li tallegra ruħek huwa tajjeb. Imma l-ferħ huwa xi ħaġa iktar, huwa xi ħaġa oħra.” Ma jiġix mill-mottivi tal-mument, “huwa xi ħaġa iktar profonda. Huwa rigal. L-allegrija, jekk irridu ngħixuha l-ħin kollu, fl-aħħar tinbidel f’leġġerezza, superfiċjalità, u wkoll twassalna għal dak l-istat ta’ nuqqas ta’ għerf Nisrani, tagħmilna xi ftit boloh, inġenwi, le? Kollox huwa allegrija? Le. Il-ferħ huwa ħaġa oħra. Il-ferħ huwa rigal tal-Mulej. Jimliena minn ġewwa. Huwa bħal dlik tal-Ispirtu.”

U dan il-ferħ “huwa fis-sigurtà li Ġesù huwa magħna u mal-Missier.” Il-Papa fakkar li “l-jum l-ieħor jiena għidt li Pawlu kien imur jippriedka, kien joħloq pontijiet għaliex kien żgur minn Ġesù.” Hija dik l-istess sigurtà li timliena bil-ferħ. “Il-ferħan, il-ferħana, huwa raġel, hija mara, sigur, sigura” li Ġesù huwa magħna. Imma hija din sigurtà li jistà jkollna dejjem?” Hawnhekk il-Papa uża espressjoni ikkulurita. “Sigurtà li “nistgħu nibbottiljawha biex tkun dejjem magħna? Le, għaliex jekk irridu li jkollna dan il-ferħ għalina biss, fl-aħħar jimrad u qalbna ssir xi ftit imkemmxa u wiċċna ma jittrasmettix dak il-ferħ kbir imma dik in-nostalġija, dik il-melankonija li mhix b’saħħitha. Xi drabi dawn l-Insara mdejqa għandhom wiċċ ta’ bżar aħdar fil-ħall” u mhux dik ta’ min ikun ferħan u għejja sabiħa.

Imma l-ferħ, żied il-Qdusija Tiegħu, ma jistax jieqaf: hemm bżonn li jkompli javanza għaliex “huwa virtù pellegrina. Huwa rigal li jimxi, li jimxi fuq it-triq tal-ħajja, jimxi ma’ Ġesù: jippriedka, ixandar lil Ġesù, il-ferħ, itawwal it-triq u jwessà t-triq.” U huwa virtù tal-kbar, “ta’ dawk il-kbar li huma ‘l fuq mill-ftit, li huma ‘l fuq minn dawn il-pikkolezzi umani, li ma jħallux lilhom infushom jiddaħħlu f’dawk l-affarijiet żgħar interni tal-komunità, tal-Knisja; iħarsu dejjem lejn l-orizzont.” Il-ferħ, kompla l-Isqof ta’ Ruma, huwa virtù tal-mixi. “Santu Wistin kien jgħid: ‘Kanta u imxi!’ dan huwa l-ferħ tan-Nisrani: in-Nisrani jkanta bil-ferħ, u jimxi, u jġorr dan il-ferħ. Ukoll dan il-ferħ kultant huwa ftit moħbi mis-salib, imma jkanta u jimxi. Jaf ifaħħar lil Alla bħall-Appostli meta reġgħu lura mill-muntanja, wara l-Axxensjoni ta’ Ġesù.” Il-ferħ, ikkonkluda l-Papa, “huwa r-rigal li jġibna għall-virtù tal-manswetudni. In-Nisrani huwa manswet, ma jistax ikun beżżiegħ: huwa manswet. U propju l-manswetudni hija l-virtù tan-nifs, hija l-virtù li tavanza dejjem, imma b’dak l-ispirtu mimli bl-Ispirtu Santu.”

Mulej, qaddisni imma mhux mingħajr it-tbissima!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: