Mal-mejda


Patri Mario Attard OFM Cap

Kemm ħadt pjaċir li f’wieħed mill-programmi li nkun mistieden għalihom fuq it-televiżjoni mill-pultruna sibt ruħi madwar il-mejda!

Il-mejda. Il-kelma mejda tfakkarni biex noqgħod fuq il-mejda. Sintendi! Għall-ikel! U l-ikel tajjeb. Mhux biss minħabba t-togħma tiegħu. L-ikel jgħaqqad. Isaħħaħ. Jgħidu li l-Persjani kienu jiddiskutu l-politika madwar mejda. U int tgħidli: “Imma possibbli ma kienx jeħlilhom?” Ma nafx! Forsi ma kienux polemikużi bħalma nafu nkunu aħna fuq xejn. Li minn traba bil-paroli li nparlaw nibnu muntanja! Ġewwisslu sieħbi! Bil-mod!

Il-mejda. Il-post fejn niltaqgħu. Fejn il-viċinanza ta’ bejnietna tibnina f’komunità waħda. L-għaliex tibnina f’komunjoni. Imma l-fatt li nkunu flimkien ma jfissirx le li nkunu naqblu f’kollox. Allaħares! Inkella x’diskusssjoni tkun? Diskussjoni vera ixxaqleb lejn il-kuluri sbieħ tal-qawsalla. Aktar ma tkun ikkulurita bl-argumenti li toffri aktar it-tiħwira issaħħaħ ir-riżultat. Diskussjoni sabiħa u formattiva hija dik arrikkita minn għadd sabiħ ta’ argumenti. Li, fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll jikkumplimentaw lil xulxin. Basta jkun hemm ir-rispett!

Il-mejda. Il-waqt sagru fejn nistgħu inxerrdu xi demgħa. Naqsmu t-toqol li ngħaddu minnu. Il-ħajja fiha t-tlajjiet. Il-mumenti fejn naħsbuna waħedna. Fejn id-diżappunti tal-ħajja jafu jkunu kbar. Għall-ewwel nagħmlu plejtu l-għaliex dak, dik jew dak ikunu iddiżappuntawna. Mingħajr ma, fil-verità, ma nammettu kemm aħna stess iddiżappuntanti bina nfusna. L-għaliex inkunu immirajna għall-ħaġa u sibna oħra. Ħsibna li se naslu f’livell, f’kariga jew f’xogħol u, minħabba diversi raġunijiet, żlaqna skaluna u kilna t-taraġ kollu. Ajma x’uġiegħ!

Il-mejda. L-opportunità li nidħku żewġ daħkiet. Ismagħna insemmu dak li nkunu iltqajna miegħu mal-ġurnata. U nibda’ x’qaltli dik u li feqgħetni bid-daħk. U x’għamel dak u kemm daħħak partita nies għax buffu. Ġieli jkollna l-gazz ukoll li nirrakkuntaw il-praspar tagħna stess. U ismagħna inqaqu, inqaqu, inqaqu! Madankollu ġieli isserjajna wkoll tafux! Għaliex meta l-balla daret fuqna, eh, imbagħad ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Id-daħk malajr jinbidel f’tikrieh. U t-tempra tibda’ tiela’. Mela għafaslu naqra l-break sieħbi sakemm … kollox jerġa’ jiġi għan-normal.

Il-mejda. Il-pulptu tal-memorji. Tiftakar li dik? U lil dak? Tiftakar x’konna nagħmlu meta konna żgħar? U x’kien jgħid missieri, tgħid ommi, u n-nanniet u z-zijiet? Alla jaħfrilhom! U kemm konna niġru fl-għalqa bil-karretta tal-ħaxix. Taparsi taż-żiemel u l-ġerrej. Ninżlu niġru mir-rampa tar-razzett għall-għelieqi. Ommi Mà kemm konna nieħdu pjaċir! O żmien ħelu kif għaddejtli!

Il-mejda. Veru li fuqna għandna s-saqaf. Imma ħarsitna taf tmur ‘il fuq ‘il fuq fl-isħab. Inkella taf tinfed il-ħajt singlu jew dobblu, jiddependi fejn tkun il-kamra tal-ikel. Għax noħlom li xi darba immur f’dak il-pajjiż ħa nżur hemm. Jew li nitla’ fuq it-tali muntanji. Il-ġirien marru f’dawk l-inħawi. Kemm ħadu gost! Fejn taf xi pjaċir hemm! Huwa li titla’ fuq muntanja u quddiemek ikollok veduta mill-isbaħ ta’ muntanji oħra, għidli int, xi trid iżjed?

II-mejda. Tfakkarna li darba wkoll, madwar l-istess mejda, daqs tlett elef u ħames mitt sena ilu, kien hemm grupp ta’ nies li kienu qiegħdin jagħmlu ikla. L-ikla li, kuntrarju għal dak li nagħmlu aħna illum l-għaliex nieħdu ħinna, kellhom jikluha bil-għaġla. L-għaliex kienet l-ikla tal-ħelsien tagħhom. Il-ħelsien mill-jasar tal-Fargħun bla qalb. U l-istess ikla, imma din id-darba b’tifsira għal kollox differenti, seħħet elfejn sena ilu. Meta Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, tana lilu nnifsu darba għal dejjem fis-sagrament kbir tal-Ewkaristija Mqaddsa. F’dak is-sagrament li l-elementi tiegħu, il-ħobż u l-inbid, insibuhom fi djarna. Fil-kċejjen tagħna. Inqeda bl-aktar ħwejjeġ sempliċi u ordinarji basta jibqa’ magħna. X’ma nħobbokx Ġesù tiegħi meta għażilt li tibqa’ erba’ u għoxrin siegħa miegħi b’dan il-mod daqshekk faċli u qawwi!

Infittxuha aktar il-mejda ħbieb. Mhux fil-programmi biss. Imma, u fuq kollox, fi djarna. Ħa nieklu u nieħdu t-tè jew il-kafè flimkien. Insiru nafu aktar lil xulxin. Ħa nisimgħu u nqawwu qalb xulxin. Basta … bil-mobile mitfi!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: