Home > Papa Franġisku, Riċensjoni, Ġenerali > Kunu kuraġġjużi bħal Madre Tereża

Kunu kuraġġjużi bħal Madre Tereża


Il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ: “Kunu bennejja ta’ pontijiet biex tfarrku l-loġika tal-firda. Tħallux lil min jisirqilkom il-futur”

Biżżejjed ir-riferiment ta’ Madre Tereża ta’ Calcutta għall-kapitlu 25 ta’ Mattew, “il-foqra huma dawk mhux maħbuba, mhux mixtieqa… għad isir ħaqq minna fuq l-imħabba, u l-fqir hu Ġesù”, biex nifhmu r-rabta qawwija bejn ir-reliġjuża Albaniża u l-Papa li f’San Pietru sa jipproklamaha qaddisa fl-4 ta’ Settembru li ġej. Hekk Franġisku kiteb id-Daħla – li qed nippubblikaw minn qabel – għall-ktieb “Inħobbu lil min mhux maħbub”, li fih l-Editriċi Missjunarja Taljana ġabret żewġ interventi inediti li kienet għamlet Madre Tereża fl-1973, f’Milan, meta ltaqgħet maż-żgħażagħ u r-reliġjużi. Fit-test, iffirmat fit-13 ta’ Lulju, Franġisku jdur fuq iż-żgħażagħ li se jara l-ġimgħa d-dieħla fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fi Krakovja: “Kunu bennejja ta’ pontijiet biex tfarrku l-loġika tal-firda, tar-rifjut, tal-biża’ minn xulxin, kunu għas-servizz tal-foqra…”. Fil-ktieb Madre Tereża tgħid hekk: “L-agħar marda mhix il-ġdiem jew it-tuberkolożi, imma s-solitudni… Din hi l-kawża ta’ tant tħarbit, firda u gwerra li qed jifnuna llum”.

L-intervent tal-Papa

Hemm espressjoni ta’ Madre Tereża, li mhix imniżżla hawn, imma li nixtieq nużaha bħala sfond għar-riflessjoni tiegħi: “Aħna m’aħniex Organizzazzjoni Mhux Governattiva. L-NGOs jaħdmu għal proġett; aħna naħdmu għal Persuna”. Għalhekk, anki jien intenni spiss li l-Knisja mhix NGO, għax hi taħdem għal Kristu u għall-foqra li fihom jgħix Kristu, inewlilna idu, jitlobna l-għajnuna, jixtieq il-ħarsa ħanina tagħna, it-tjieba u l-ħlewwa tagħna. Jien u nerġa’ naqra dawn il-paġni ħsibt li niġbor xi riflessjonijiet madwar ħames kelmiet.

Talb

L-ewwel kelma hi talb. Madre Tereża tistedinna bla heda biex nixorbu mill-għajn tal-Imħabba, Ġesù mislub u rxoxt, preżenti fis-sagrament tal-Ewkaristija, biex imbagħad ikollna l-qawwa li ngħinuh fl-iżjed foqra fost il-foqra, b’qalbna mimlija bil-ferħ. Madre Tereża kienet tiftaħ il-ġurnata tagħha billi tieħu sehem fil-Quddiesa u tagħlaqha bl-adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat, Imħabba bla qies. Hekk inkunu nistgħu nibdlu l-ħidma tagħna f’talb. Ejjew ma ninsew qatt inżommu vanġelu ċkejken fil-but, naqraw paġna minnu u nidħlu aħna wkoll fir-rakkont li naqraw. Infittxu nidħlu fil-ħsibijiet u s-sentimenti ta’ Ġesù, nitkellmu miegħu, nitolbu l-grazzja tal-Ispirtu tiegħu: hekk insiru rġiel u nisa li jafu jiggostaw il-ħajja u nagħrfu nħarsu b’ħarsa mġedda lejn min niltaqgħu miegħu.

Karità

It-tieni kelma hi karità. Tfisser li noqorbu lejn il-periferiji tal-bnedmin li magħhom niltaqgħu ta’ kuljum, nuru ħniena ma’ dawk li jinsabu wara nett fil-ġisem u fir-ruħ – u hu possibbli nuri ħniena biss meta l-bżonn u l-ġrieħi tal-persuna l-oħra nilqagħhom fil-qalb tiegħi –, insiru xhieda taż-żegħila ta’ Alla għal kull ġerħa tal-umanità. Dan kollu hu possibbli meta kull wieħed u waħda minna joqgħod mal-Mulej Ġesù, jitkellem miegħu, iħalli l-Ispirtu tiegħu jgħammar fih. Hekk insiru kapaċi noffru lill-persuni dak li huma jixtiequ: il-preżenza u l-qrubija ta’ Alla ħanin.

Ħniena

It-tielet hi ħniena li tħabrek. Nistgħu anki ngħidu opri ta’ ħniena korporali u spiritwali, jiġifieri li nieħdu ħsieb tal-bniedem sħiħ u ta’ kull bniedem. Fil-Misericordiæ vultus, il-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, ktibt hekk: “Hi xewqa kbira tiegħi li l-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali. Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina. Il-predikazzjoni ta’ Ġesù tqegħdilna quddiem għajnejna dawn l-opri tal-ħniena biex nistgħu nifhmu jekk aħniex ngħixu jew le bħala dixxipli tiegħu. Niskopru mill-ġdid l-opri tal-ħniena korporali: nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx, illibbsu lil min hu għarwien, nilqgħu lil min hu bla dar, inżuru lill-marid, inżuru lill-ħabsi, nidfnu lill-mejtin. U ma ninsewx l-opri tal-ħniena spiritwali: nagħtu parir tajjeb lill-ħosbien, ngħallmu lil min ma jafx, inwiddbu lill-midneb, infarrġu lill-imnikket, naħfru l-ħtijiet, nistabru b’min idejjaqna, nitolbu ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin”. Madre Tereża għamlet minn din il-paġna tal-Vanġelu l-gwida ta’ ħajjitha, it-triq lejn il-qdusija, u din tista’ ssir hekk għalina wkoll.

Familja

Ir-raba’ kelma hi familja. Fiha tispikka l-figura u l-preżenza tal-omm, u hekk titkellem fuqha f’dawn il-paġni Madre Tereża: “L-ommijiet huma l-qalb tad-dar u huma li jsawru l-familja, meta jilqgħu, iħobbu u bi ħlewwa jieħdu ħsieb ta’ wliedhom. (…) [Fil-fatt] ħafna mit-tbatijiet taż-żgħażagħ huma kkawżati mill-ħajja fil-familja. (…) Hi l-omm li tagħmel mid-dar bejta ta’ mħabba. Kultant li tkun omm tista’ tissarraf f’esperjenza tassew iebsa, jista’ jkun salib; imma aħna għandna magħna lill-Madonna, l-aqwa fost l-ommijiet kollha, li dejjem tgħallimna nimxu bi ħlewwa ma’ wliedna”. Fil-fatt, fil-familja nitgħallmu minn ommna u missierna kif nitbissmu lil xulxin, naħfru, nilqgħu u nissagrifikaw ruħna għal xulxin, nagħtu bla ma nistennew xejn lura, nitolbu u nbatu flimkien, nifirħu u ngħinu wieħed lill-ieħor. Fl-ebda sitwazzjoni oħra fil-ħajja wieħed ma jista’ jgħix kif u kemm jgħix fil-familja. U Madre Tereża, f’waħda mit-tweġibiet tagħha matul il-laqgħat miġjuba f’dan il-ktieb, tgħidilna: “Intom għandkom issiru dejjem iżjed il-ferħ u l-faraġ ta’ Alla, billi terġgħu tqiegħdu t-talb fil-qalba tal-familji tagħkom. Il-familja teħtieġ l-imħabba, il-komunjoni u l-bżulija. U dan ikun l-ikbar don li tistgħu toffru lill-Knisja”.

Żgħażagħ

Il-ħames kelma hi żgħażagħ. “Irrid nindirizza b’mod partikolari lilkom, żgħażagħ! Jingħad li l-Albanija hija l-aktar pajjiż żagħżugħ tal-Ewropa, u jien indur lejkom. Nistedinkom tibnu l-eżistenza tagħkom fuq Ġesù Kristu, fuq Alla: min jibni fuq Alla jibni fuq il-blat, għax hu dejjem fidil, anki jekk aħna nonqsu mill-fedeltà tagħna lejh (ara 2 Tim 2:13)”. B’dawn il-kelmiet indirizzajt liż-żgħażagħ Albaniżi, fl-Angelus f’Tirana, matul iż-żjara tiegħi f’dak il-pajjiż, fil-21 ta’ Settembru 2014.

Issa nitlob liż-żgħażagħ kollha biex ma jitilfux it-tama, ma jħallux lil min jisirqilhom il-futur, li jinsab f’idejhom. Ibqgħu sħaħ fil-Mulej u ħobbu lil xulxin kif iħobbkom Alla, kunu bennejja ta’ pontijiet biex tfarrku l-loġika tal-firda, tar-rifjut, tal-biża’ minn xulxin, ingħataw għas-servizz tal-foqra, affrontaw il-ħajja b’kuraġġ, għax din hi don ta’ Alla. Tiru fil-għoli, bħall-ajkla li hi simbolu ta’ art twelid Madre Tereża! Inħeġġiġkom tinvolvu lil sħabkom; titmantnew kontinwament mill-Kelma ta’ Alla billi tiftħu qlubkom għal Kristu, għall-Vanġelu, għal-laqgħa tagħkom ma’ Alla, għad-djalogu bejnietkom biex toffru xhieda quddiem id-dinja kollha.

Bi mħabba nibgħatilkom il-barka tiegħi. Nawguralkom li dawn il-paġni jiswew ta’ ġid għal qalbkom kif swew għal tiegħi, waqt li nitlob għall-paċi u l-ħniena fi djarkom, fil-familji tagħkom, fil-ħajja tagħkom. Paċi u ħniena nitolbu lill-Mulej, fuq id-dinja kollha, għall-interċessjoni ta’ Madre Tereża.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: