Bniedem profetiku


Patri Mario Attard OFM Cap

Kien nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju tal-1963, sewwasew 53 sena ilu, meta l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Kardinali eletturi, għażel lil Giovanni Battista Montini biex ikun il-262 Papa tal-Knisja Kattolika, il-Vigarju ta’ Kristu u s-Suċċessur ta’ San Pietru. Il-Knisja u l-istorja jafuh bħala l-Beatu Pawlu VI.

Ma xtaqtx li jgħaddi dan l-anniversarju mingħajr ma ngħid kelma fuq il-ġid kbir li l-Mulej għoġbu jagħmel b’Papa Montini kemm lill-Knisja u kif ukoll lid-dinja. Papa Benedittu XVI kien qal li l-Beatu Pawlu VI kellu “spirtu ta’ għerf evanġeliku” li bih seta’ jmexxi l-Knisja matul u wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni. F’diskors li kien għamel wara kunċert f’ġieħ il-Beatu Pawlu VI f’għeluq il-110 anniversarju mit-twelid tiegħu, li seħħet fis-26 ta’ Settembru 1897, il-Papa Emeritu kien qal hekk: “B’intwizzjoni profetika għaraf it-tamiet u l-beżgħat tal-irġiel u n-nisa ta’ dak iż-żmien. Huwa fittex li jenfasizza l-aspetti pożittivi u li jdawwalhom bid-dawl tal-verità u l-imħabba ta’ Kristu”.

F’dik l-okkażjoni l-Papa Benedittu XVI kien qal li “l-imħabba li [l-Beatu Pawlu VI] kellu lejn il-bnedmin bil-kisbiet li wettqu, bis-sejbien xjentifiku u meraviljuż, bil-vantaġġi u l-benefiċċji tat-teknoloġija u tax-xjenza ma waqfitux milli jġib għad-dawl il-kontradizzjonijiet, l-iżbalji u r-riski tal-progress xjentifiku u teknoloġiku meta maqtugħa mir-referenza qawwija għall-valuri etiċi u spiritwali”. Papa Benedittu kien qal li l-predeċessur tiegħu kien “prudenti u qalbieni f’li jmexxi l-Knisja b’rejaliżmu u b’ottimiżmu evanġeliku, li kien mimli b’fidi b’saħħitha”. Huwa qal li Pawlu VI “ittama għall-miġja taċ-‘ċivilizzazzjoni tal-imħabba’ u kien konvint li l-karità evanġelika tikkonstitwixxi element indispensabbli għall-bini ta’ fraternità universali awtentika”.

Imma l-Beatu Pawlu VI x’jgħallimna għall-ħajjitna? Lili u lilek, nies sempliċi li ngħixu ħajja ordinarja? Papa Montini kien riformatur. Huwa xtaq li l-Knisja tkun aktar missjunarja, miftuħa għad-dinja u li tiddjaloga mhux biss mal-Insara imma wkoll ma’ dawk ta’ twemmin ieħor u anki ma’ dawk li ma jemmnux. Kemm int u jien ninfetħu man-nies li l-Mulej ilaqqagħna magħhom f’ħajjitna? Irrispettivament jekk jemmnux jew le? Kemm nisimgħu l-istorja tagħhom? Kemm qed narrikkixxuhom billi naqsmu l-istejjer u l-ħsibijiet tagħna fuq il-ħajja u l-fidi magħhom? Pawlu VI kien riformatur l-għaliex wassal it-tagħlim tal-Knisja fuq il-ġustizzja soċjali. Qed ninteressaw ruħna x’tgħallem il-Knisja fuq il-ġustizzja soċjali? Għaliex ma nżurux il-website http://www.laikos.org/taghlim_socjali.htm biex nitgħallmu aktar fuq dan?

Il-Beatu Pawlu VI kien Papa evanġeliku. Fl-eżortazzjoni tiegħu dwar ix-Xandir tal-Vanġelu, Evangelii Nuntiandi, huwa kiteb hekk: “Id-dinja titlob u tistenna minna s-sempliċità tal-ħajja, l-ispirtu tat-talb, l-imħabba għal kulħadd, speċjalment lejn iż-żgħar u l-foqra, ubbidjenza, umiltà, id-distakk minna nfusna u ċ-ċaħda. Mingħajr din il-marka ta’ qdusija, kelmitna diffiċilment tmiss qalb il-bniedem modern. Tirriskja anzi li tibqa fiergħa u bla frott” (nru. 76). Għaliex, kif fisser dan il-Papa kbir, “il-bniedem modern jisma’ iżjed bil-qalb lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma’ lill-għalliema, dan jagħmluh għaliex huma xhieda” (nru, 41). Kemm qed inkun xhud ta’ Ġesù Kristu quddiem l-oħrajn? Kemm ħajti hija sempliċi, mimlija bl-ispirtu tat-talb u bl-imħabba lejn kulħadd? L-aktar lejn iż-żgħar u l-foqra? Kemm jien ubbidjenti, umli, u mhux ilsir tiegħi innifsi?

Il-Beatu Pawlu VI kien Papa pellegrin. Kien l-ewwel Papa li vvjaġġa ‘il barra mill-Italja. Mar saħansitra f’Ġerusalemm, fl-Istati Uniti u fil-Filippini fejn kienu se joqtluh. B’dan kollu wera li l-Papa mhuwiex xi sultan imma isqof, ragħaj, qaddej. Kemm jien tassew qaddej tal-oħrajn? U kemm qed inħalli dan is-sens ta’ qadi fija joħodni kullimkien? Jagħmilni pellegrin?

Il-Beatu Pawlu VI kien dak il-Papa li bena pontijiet. Ħadem kemm felaħ biex jgħaqqad il-Knisja, speċjalment bil-motto tiegħu: “Ħadd m’hu megħlub; kulħadd konvint”. Ħadem kemm felaħ biex fil-Knisja iġib armonija bejn gruppi b’idejat differenti. Il-karba tiegħu għall-paċi narawha fit-talba għall-ħelsien ta’ ħabibu Aldo Moro. Narawha wkoll riflessa fil-messaġġ għal Jum il-Paċi tal-1972: “Jekk trid il-paċi aħdem għall-ġustizzja”. Kemm qed naħdem għall-paċi? Kemm qed inħabbeb il-mifruda u mhux inkeskishom aktar għal xulxin?

Huwiex l-eżempju profetiku tal-Beatu Pawlu VI ta’ tħeġġiġa għalik u għalija biex inħobbu lil Kristu, lill-Knisja u lid-dinja aktar u aktar?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: