Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Tgħid b’kumbinazzjoni?

Tgħid b’kumbinazzjoni?


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-ħajja hija misteru. Mhux biss l-għaliex tipponta għall-ħajja mingħajr tmiem. Ħajja fejn fiha m’hemmx aktar biki u dmugħ. Imma, fiha innifisha, ma tifimhiex!

Meta tarfittli l-istorja bilkemm stajt nemminha. Forsi l-għaliex għandi imwaħħal mal-kaxxa ta’ moħħi li, jaħdem kemm jaħdem, ma tantx jista’ imur ‘il bogħod xorta waħda. Dan li se naqsam magħkom illum seħħ rejalment. U, aktar mhu se taqra b’attenzjoni dak li se ssib miktub, aktar din l-istorja se ġġagħlek taħseb b’serjetà kbira fuq ħajtek. U jien fuq ħajti.

Meta l-ħanut tal-ħwejjeġ, li fih kienet taħdem, għamlu festa, riedet tmur tara x’għandhom. Ma nafx. Forsi biex tixtri xi tibdila għas-sajf li kien wara l-bieb. Jew inkella biex tissokta aktar tħawwar il-gwardarobba tagħha. Min tħobb il-moda taf tassew dan x’ifisser. Kien x’kien il-każ la l-ħanut kien miftuħ hija erħitilha ħa tara x’issib. U x’sabet? Mhux biss dak li xtaqet. Imma … dakinnhar kellu jkun il-jum li fih tibda’ ħbiberija li sabitha ‘il quddiem. Forsi fil-mument fejn lanqas stenniet li se ssibha ta’ għajnuna.

Mill-ewwel tħabbet ma’ waħda mill-bejjiegħa tal-istabbiliment. Għalkemm ma kinitx minn pajjiżha xorta waħda setgħet titkellem magħha fuq għadd ta’ suġġetti. Tant kemm ikklikjaw li saru ħbieb. U l-ħbieb jistiednu lil xulxin. Jum minnhom il-bejjiegħa stednitha f’darha. Kultant żmien tħobb tlaqqa’ l-ħbieb. X’ħin wasslet għall-festa ma kellhiex fejn tipparkja. Għalhekk wieħed mill-ġirien tal-bejjiegħa offrilha li tipparkja fejn soltu jipparkja hu. Wara li qattgħet ħin sewwa u marret lura għall-karozza sabet xi ħsara. Tgħidx xi storbju qalgħet. Sa ċemplet lill-pulizija.

B’xorti ħażina l-ħabiba bejjiegħa weħlet bil-lot. Għalhekk intrefgħet minnha u meta kienet taraha qajla kienet isselmilha. Issa l-bejjiegħa kienet mara ta’ fidi kbira. Darba minnhom iddeċidiet li tmur Lourdes ma’ oħtha. Waqt li kienet hemm xtrat xi affarijiet biex tqassamhom la tmur lura lejn darha. Meta kienet f’Lourdes ħasset li kellha iġġib magħha xi ħaġa għal ħabibitha li kienet intrefgħet minnha u ma kelmitiex aktar.

X’ħin waslet f’darha marret tagħtiha dan ir-rigal ċkejken, sabiħ u li jfisser ħafna, li kienet ġabitilha apposta minn Lourdes. Għalhekk marret għandha u bdiet iċċemplilha. Darba, tnejn, tlieta… Ma ħadet l-ebda tweġiba. Il-bieb magħluq kien u magħluq baqa’. Is-soltu meta kienet tara hekk ma kinitx tibqa’ tinsisti. Għalfejn? Mhux kulħadd għandu l-libertà tiegħu? Imma din id-darba ħasset, fil-fond ta’ qalbha, li kellha tibqa’ tħabbat. Imnalla!

Wara li damet tħabbat ħabibtha fettlilha toħroġ tiftaħ. Għall-ewwel inħasdet kif ratha ma’ wiċċha. Qatt ma ħolmot f’seba’ mitt sena li kellha issibha ma wiċċha! Proprju hi! “Mort Lourdes u ħassejt li kelli nġiblek dan ir-rigal”, qaltilha. U ħabibtha, b’għajnejha imberrqa, irremettiet il-verità kollha. “Imnalla ġejt! Kont qed nipprova inneħħi ħajti!”

Din m’hijiex l-unika storja. Bħalha seħħu oħrajn. Ma tantx jingħadu biex la jinħoloq sensazzjonaliżmu u lanqas biex wieħed iħeġġeġ xi mġieba li toħodha qatta’ bla ħabel kontra d-don sabiħ tal-ħajja. Imma rridu ngħidu dak li għandna ngħidu! Meta tħoss xi ħaġa bħal din f’qalbek afda f’dak li tħoss. Agħmel il-pass. Għall-persuna l-oħra taf tkun importanti. Immaġinaw ftit li kieku din il-bejjiegħa baqgħet iżżomm ġo qalbha u ma marritx tagħti r-rigal lil ħabibtha mfansta. Kieku min jaf x’kien isir minnha. Imma din il-mara ta’ ħila afdat f’dak li kienet qiegħdha tħoss. Imnalla! Salvat ħajja li kienet se tintemm ħesrem.

Fid-dinja li qiegħdin ngħixu fiha illum fejn donnu kollox għandu tifsira xorta jibqgħu dawk il-lakuni fejn ħadd ma jista’ jfissirhom. Almenu b’moħħu. Imma, int u jien li nemmnu, nafu li huwa l-Mulej li qed imexxi kollox. U jmexxi b’modi li ma nifhumhomx.

Mhux importanti li nifhmu. L-importanti hu li f’mumenti bħal dawn nemmnu u nwettqu dak li nħossu fil-ġewwieni ta’ qalbna.

Le! Mhux b’kumbinazzjoni!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: