Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Via Crucis b’differenza

Via Crucis b’differenza


Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar il-Ħadd, 29 ta’ Mejju 2016, fil-quddiesa ta’ nofsinnhar, fil-Kappella tal-Isptar Mater Dei, ġiet imbierka uffiċċjalment il-Via Crucis jew, kif nafuha aħjar, il-Via Sagra. Din il-Via Crucis hija xogħol l-infermier u skultur Antonio Mifsud.

Kienet ideja mill-isbaħ li, fil-ħin tal-omelija, is-Sur Mifsud stess għamel spjegazzjoni mill-aktar sabiħa u f’waqtha dwar ix-xogħol li ħareġ minn idejh. Min kien hemm preżenti għal din il-quddiesa li tqaddset nhar is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, Corpus Domini, seta’ aktar jammira din il-Via Crucis li ssuktat isebbaħ l-estetika u anki t-tifsir liturġiku li diġà jagħni lill-Kappella tal-Isptar Mater Dei. Kif qal Antonio Mifsud meta wieħed iħares lejn din il-Via Crucis jintebaħ li hija maħduma minn lenti pożittiva. Anki fit-tbatija.

L-ewwel stazzjon huwa dak taċ-Ċenaklu. Minkejja li Ġesù “kien jaf b’kull ma kien ġej fuqu” (Ġw 18:4) xorta waħda għamel l-aqwa att li qatt seta’ jagħmel għalina: jiġifieri li jagħtina lilu nnifsu b’mod sħiħ fl-Ewkaristija. F’dan l-istazzjon naraw il-figura ċentrali ta’ Ġesù li hija msiebħa bit-tnax-il appostlu, fil-mument li Ġesù jistqarr li kien se jiġi ittradut. Jistrieħ fuq spallejn Ġesù hemm Ġwanni li, f’din il-Via Crucis, jidher f’għadd ta’ drabi oħra jagħti sapport lil Ġesù. L-espressjoni fuq uċuħ l-appostli hija waħda ta’ taħwid u biża’. Ġuda jidher ħiereġ ‘il barra f’pużizzjoni movumentata. U biswietu, kemm kemm jidher, hemm il-figura tax-xitan. Fil-lejl li fih ġie ittradut Ġesù jagħmel referenza għalih.

L-elementi pożittivi tal-ewwel istazzjon huma: L-ewwel, minkejja l-arja ta’ tradiment Ġesù jagħtina lilu nnifsu. It-tieni, Ġwanni jissapporjta lil Ġesù bil-preżenza tiegħu waqt li l-appostli l-oħra jinħakmu mit-taħwid u l-biża’.

It-tieni stazzjon jfakkar l-episodju tal-ġnien. Bħalma kien il-Ġnien ta’ l-Għeden li fih Adam ħadha kontra l-Mulej permezz tad-dnub u għalhekk ma obdiex, bl-istess mod, kien fi ġnien, sewwasew dak tal-Ġetsemani, minfejn Ġesù ta bidu għall-vjaġġ tat-tbatija li kellu jġarrab għalina biex jeħlisna mid-dnub. F’dan l-istazzjon naraw l-anġlu jgħannaq is-salib. Dan biex jgħallem lili u lilek li meta aħna ngħannqu s-slaleb tagħna u naċċettawhom dawn tassew jeħfiefu. Ġesù jidher jitlob għarkubtejh, iżomm mas-siġra taż-Żebbuġ, eżawst psikoloġikament u mdejjaq. Madankollu xorta jilqa’ minn qalbu r-rieda tal-Missier. Fl-isfond ta’ dan l-istazzjon wieħed iħoss l-arja tat-tradiment li hija ippersonifikata f’dak li ġej biex jittraddih.

Fost l-elementi pożittivi tat-tieni stazzjoni insibu dawn: L-ewwel, meta ningħaqdu mal-Mulej is-saħta tiddawwar f’barka. Il-ġnien, sinjal tal-ħażen tal-bniedem, b’Ġesù ġie mibdul f’post ta’ barka. Fil-ġnien l-Iben ta’ Alla qal l-IVA li ġabet il-ħelsien mill-ewwel LE tal-bniedem li tlissnet fi ġnien. It-tieni, il-Mulej f’ħajjitna jibgħatilna anġli li jgħinuna nilqgħu u nħaddnu magħna s-salib tagħna. It-tielet, l-ubbidjenza lejn ir-rieda tal-Mulej għandha l-qawwa tegħleb anki d-dgħjufijiet tal-ġisem bħalma huma l-biża’ u l-ansjetà.

It-tielet stazzjon jitħaddet dwar il-kundanna ta’ Ġesù. F’dan l-istazzjon Ġesù jiġi iflaġġellat u nkurunat bix-xewk. Hawnhekk Ġesù huwa rappreżentat bħala sultan li hu umiljat kemm mill-Lhud u kif ukoll mir-Rumani. Madankollu Ġesù xorta waħda jirbaħ fuq id-dnub permezz tas-salib. Hekk iħabbar is-Salm 118: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Salm 118:22). Interessanti wieħed jinnota li fix-xbiehat ta’ din il-Via Crucis ix-xbieha ta’ Ġesù hi mansweta u umli, li toqgħod għar-rieda tal-Missier fis-sagrifiċċju tas-salib. Għalkemm ix-xbieha ta’ Ġesù hija sempliċi fl-espressjoni imma, fil-fatt, hija qawwija fil-messaġġ.

L-elementi pożittivi tat-tielet stazzjon huma: L-ewwel, l-umiljazzjoni hija mdawra f’umiltà u manswetudni. It-tieni, l-inġustizzja hija megħluba minn qalb miftuħa li qed tagħmel ir-rieda tal-Missier. It-tielet, l-imrar tal-ħajja huwa affaċċjat bil-paċi u bl-imħabba li hemm jivvampjaw fil-qalb.

Fir-raba’ stazzjon Ġesù jiltaqa’ m’ommu Marija. Fi triqtu tat-tbatijiet lejn il-Kalvarju Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu Marija. Ix-xbieha tagħha turina li hija mara rassenjata f’dan is-sejf li nifed bl-akbar kefrija lil ruħha. Marija hija imfarrġa mid-dixxiplu l-maħbub.

Fost l-elementi pożittivi li joħorġu f’dan l-istazzjon sibt: L-ewwel, l-Iben jitfarraġ bil-preżenza tal-omm. It-tieni, meta t-tbatija nilqgħuha jkollna l-grazzja li nbatu fil-paċi. It-tielet, il-Mulej jippermetti li meta nissapportjaw lil ħaddieħor aħna wkoll jkollna l-grazzja li nsibu min ifarraġ lilna.

Fil-ħames stazzjon naraw it-tela’ tal-kalvarju. Matul it-triq Ġesù ltaqa’ ma’ għadd ta’ persuni: Xmun iċ-Ċirinew li għenu jġorr is-salib, in-nisa ta’ Ġerusalemm li bkewh, u anki mal-Veronika li mesħitlu wiċċu. Il-kundanna tas-salib, mistkerħa mill-poplu, imsieħba mal-qawmien mill-mewt kellha issir il-qofol tat-twemmin Nisrani tagħna. B’xhieda ta’ din il-fidi Nisranija mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra nsibu mara għarkubtejha b’tarbija waqt li tmiss l-għuda tas-salib.

Elementi pożittivi ta’ dan il-ħames stazzjon huma: L-ewwel, fit-tbatijiet tagħna l-Mulej jibqa’ ilaqqagħna ma’ nies li jieqfu magħna. It-tieni, dak li jarmi l-bniedem għall-Mulej isir l-għodda tas-salvazzjoni. It-tielet, is-salvazzjoni tal-Mulej tibqa’ hemm għal min jersaq lejha u jinfetaħ għaliha.

Fis-sitt rappreżentazzjoni niltaqgħu mat-tisliba ta’ Ġesù. Fil-vanġelu skont San Ġwann Ġesù jwiegħed: “U meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12:32). Kollox hu mitmum. Ġesù issa hu mejjet fuq is-salib. Huwa wettaq sal-aħħar ir-rieda tal-Missier. Ġwanni qed iwieżen lil Marija waqt li qed jgħix il-kelma li tah Ġesù biex jieħu lil Marija b’ommu. Ġwanni qed jirrapreżenta il-komunità Nisranija li ma tistax tgħaddi mingħajr il-faraġ ta’ ommna Marija.

Xi elementi preżenti f’dan is-stazzjon huma: L-ewwel, it-tweġiba pożittiva tal-Mulej quddiem it-traġedji tagħna l-bnedmin. Saħansitra fil-mewt hemm il-ħajja. It-tieni, is-sapport veru jibqa’ sal-aħħar. Il-preżenza solidali ma’ min qed ibati titħaddet waħedha. It-tielet, Marija hija tassew il-faraġ tagħna fit-tbatijiet li ngħaddu minnhom.

Is-seba’ stazzjon ta’ din il-Via Crucis hija d-difna ta’ Ġesù. Ġesù issa ġie midfun f’qabar ġdid. F’din ir-rappreżentazzjoni Marija Madalena tant kemm tidher sogħbiena li ma xtaqietx tħares lejn Ġesù f’dik is-sura. Ġwanni jwennisha u kif ukoll iħaddan lil Marija li hi aktar kuraġġuża għaliex tħaddan lil binha magħha waqt li emmnet li l-ġrajja ma spiċċatx hawn.

Fost l-elementi pożittivi li nilmah f’dan l-istazzjon huma: L-ewwel, x’qawwa għandu s-sapport fit-tbatija! Huwa bħax-xemx li titfa’ r-raġġi tagħha fuq kulħadd fis-sitwazzjoni. It-tieni, x’qawwa għandha l-fidi! Marija, Omm Ġesù, tibqa’ tħaddan lil Binha. It-tielet, it-tama tgħinna naraw dak li b’għajnejna tal-ġisem ma nistgħux naraw fil-mument.

It-tmien u l-aħħar stazzjon huwa l-qawmien ta’ Ġesù. F’din il-Via Crucis, li bdiet bir-rappreżentazzjoni tal-Ewkaristija, il-preżenza ħajja ta’ Ġesù, issa tagħlaq b’Ġesù, it-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa, imqajjem u rebbieħ fuq il-mewt. L-Ewwel Ittra lill-Korintin tgħidilna: “Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom” (1Kor:15:14). L-anġlu bil-fjamma f’idu jidher jgħaffeġ il-ħażen waqt li anġlu ieħor jigglorifika lill-Mulej. Fl-isfond hemm Adam u Eva, dawk li permezz tagħhom daħal id-dnub u li issa huma l-ewwel persuni li ġew mifdija.

Elementi pożittivi f’dan l-istazzjon huma: L-ewwel, it-tajjeb isaltan għal dejjem. It-tieni, il-ħażen għandu tmiemu. It-tielet, permezz tal-ħniena tal-Mulej il-ħatja huma l-ewwel nies li huma mifdija.

Meta tkun fil-Kappella ta’ Mater Dei itlob quddiem din il-Via Crucis. U niżżel int ukoll aspetti pożittivi li ssib fiha u li lilek ifejquk. U bħali tasal tikkonkludi li din hija Via Crucis b’differenza!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: